Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0246

Sommarju tas-sentenza

Kawża C-246/08

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Ir-Repubblika tal-Finlandja

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Sitt Direttiva tal-VAT — Artikoli 2(1) u 4(1) u (2) — Kunċett ta’ ‘attivitajiet ekonomiċi’ — Uffiċċji pubbliċi ta’ għajnuna legali — Servizzi ta’ għajnuna legali mogħtija fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji bil-ħlas ta’ kontribuzzjoni parzjali min-naħa tal-benefiċjarju bħala korrispettiv — Kunċett ta’ ‘rabta diretta’ bejn is-servizz mogħti u l-korrispettiv riċevut”

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali D. Ruiz-Jarabo Colomer, ippreżentati fis-7 ta’ Lulju 2009   I ‐ 10607

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tad-29 ta’ Ottubru 2009   I ‐ 10625

Sommarju tas-sentenza

Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-liġijiet – Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Attivitajiet ekonomiċi fis-sens tal-Artikolu 4(1) u (2) tas-Sitt Direttiva

(Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikoli 2(1), u 4(1), (2) u (5))

Stat Membru li ma jissuġġettax għat-taxxa fuq il-valur miżjud is-servizzi ta’ għajnuna legali mogħtija mill-uffiċċji pubbliċi ta’ għajnuna legali fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji bil-ħlas ta’ kontribuzzjoni parzjali min-naħa tal-benefiċjarju bħala korrispettiv ma jonqosx mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 2(1) u taħt l-Artikolu 4(1), (2) u (5) tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, meta r-rabta bejn l-imsemmija servizzi ta’ għajnuna legali u l-korrispettiv li għandu jitħallas mill-benefiċjarji ma jkollhiex in-natura diretta meħtieġa sabiex dan il-korrispettiv ikun jista’ jiġi kkunsidrat bħala ħlas għal dawn is-servizzi u, għalhekk, sabiex l-imsemmija servizzi jikkostitwixxu attivitajiet ekonomiċi suġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud fis-sens tal-Artikolu 2(1) u tal-Artikolu 4(1) u (2) tas-Sitt Direttiva.

Fil-fatt, peress li l-ammont tal-ħlas parzjali lill-uffiċċji pubbliċi mill-benefiċjarji ta’ servizzi ta’ għajnuna legali mogħtija fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji mhuwiex ikkalkolat biss fuq il-bażi tal-onorarji iżda jiddependi wkoll mid-dħul u mill-patrimonju tal-benefiċjarji, ma jkunx hemm tali rabta diretta minħabba li dan il-ħlas jiddependi biss parzjalment mill-valur reali tas-servizzi mogħtija, fejn ir-relazzjoni ma’ dan il-valur hija iktar imbiegħda iktar ma d-dħul u l-patrimonju ta’ dawn il-benefiċjarji jkunu modesti. Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-eżistenza ta’ differenza sinjifikattiva bejn l-ammont tal-ħlasijiet parzjali magħmula matul sena mill-imsemmija benefiċjarji u l-ispejjeż tal-operat grossi, li huma ħafna ogħla, inkorsi mill-uffiċċji ta’ għajnuna legali, fejn tali differenza hija ta’ natura li tissuġġerixxi li l-ħlas parzjali min-naħa tal-benefiċjarji għandu jiġi kkunsidrat iktar bħala miżata, li l-ħlas tagħha mhuwiex tali, fih innifsu, li jagħti natura ekonomika lil attività partikolari, milli bħala remunerazzjoni fil-veru sens tal-kelma.

(ara l-punti 48-51)

Top