Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0233

    Sommarju tas-sentenza

    Kawża C-233/08

    Milan Kyrian

    vs

    Celní úřad Tábor

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nejvyšší správní soud)

    “Assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ krediti — Direttiva 76/308/KEE — Setgħa ta’ stħarriġ tal-qrati tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba — Forza eżekuttiva tat-titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal-irkupru — Natura regolari tan-notifika tat-titolu lid-debitur — Notifika b’lingwa li d-destinatarju ma jifhimx”

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Mazák, ippreżentati fil-15 ta’ Settembru 2009   I ‐ 180

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-14 ta’ Jannar 2010   I ‐ 193

    Sommarju tas-sentenza

    1. Approssimazzjoni tal-liġijiet – Assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ krediti tat-taxxa – Direttiva 76/308

      (Direttiva tal-Kunsill 76/308, kif emendata bid-Direttiva 2001/44, Artikolu 12(3))

    2. Approssimazzjoni tal-liġijiet – Assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ krediti tat-taxxa – Direttiva 76/308

      (Direttiva tal-Kunsill 76/308, kif emendata bid-Direttiva 2001/44)

    1.  L-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 76/308, dwar l-assistenza bejn xulxin [reċiproka] għall-irkupru ta’ pretensjonijiet [krediti] relatati ma’ ċerti imposti, dazji, taxxi u miżuri oħra, kif emendata bid-Direttiva 2001/44, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qrati tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba ma għandhomx, bħala regola ġenerali, ġurisdizzjoni biex jistħarrġu n-natura eżekuttiva tat-titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni tal-irkupru. Min-naħa l-oħra, fil-każ fejn jiġi ppreżentat quddiem qorti ta’ dan l-Istat Membru rikors kontra l-validità jew ir-regolarità tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni, bħan-notifika tat-titolu eżekuttiv, din il-qorti għandha s-setgħa tistħarreġ jekk dawn il-miżuri twettqux b’mod regolari skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-imsemmi Stat Membru.

      Fil-fatt, għalkemm bħala regola ġenerali, l-istħarriġ tal-fondatezza tal-kontestazzjonijiet dwar il-kreditu jew it-titolu eżekuttiv jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità applikanti, ma jistax jiġi eskluż li, b’mod eċċeżjonali, il-qrati tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba jkunu awtorizzati jistħarrġu jekk l-eżekuzzjoni tal-imsemmi titolu hijiex tali li tippreġudika, b’mod partikolari, l-ordni pubbliku ta’ dan l-aħħar Stat Membru u, jekk ikun il-każ, jirrifjutaw li jagħtu kompletament jew parzjalment l-assistenza jew jissuġġettaw tali assistenza għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet.

      (ara l-punti 42, 50 u d-dispożittiv 1)

    2.  Fil-kuntest tal-assistenza reċiproka stabbilita bis-saħħa tad-Direttiva 76/308, dwar l-assistenza bejn xulxin [reċiproka] għall-irkupru ta’ pretensjonijiet [krediti] relatati ma’ ċerti imposti, dazji, taxxi u miżuri oħra kif emendata bid-Direttiva 2001/44, id-destinatarju ta’ titolu eżekuttiv li jippermetti l-irkupru għandu, sabiex jitqiegħed f’pożizzjoni li jkun jista’ jiddefendi d-drittijiet tiegħu, jirċievi n-notifika ta’ dan it-titolu b’lingwa uffiċjali tal-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità mitluba. Sabiex jiġi ggarantit ir–rispett ta’ dan id-dritt, hija l-qorti nazzjonali li għandha tapplika d-dritt nazzjonali tagħha filwaqt li tishar sabiex tiżgura l-effikaċja sħiħa tad-dritt Komunitarju.

      Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji espliċiti, hija s-sistema legali interna ta’ kull Stat Membru li għandha tirregola l-modalitajiet proċedurali dwar l-aċċess għall-ġustizzja intiżi sabiex jiżguraw li d-drittijiet tal-individwi li jitnisslu mill-effett dirett tad-dritt Komunitarji jiġu mħarsa, filwaqt li jiġi ppreċiżat li dawn il-modalitajiet ma jistgħux ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirrigwardaw drittijiet li joriġinaw mis-sistema legali interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li dawn ma għandhomx irendu l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mis-sistema legali Komunitarja prattikament impossibbli u eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività).

      (ara l-punti 62, 63 u d-dispożittiv 2)

    Top