Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0204

    Sommarju tas-sentenza

    Kawża C-204/08

    Peter Rehder

    vs

    Air Baltic Corporation

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof)

    “Regolament (KE) Nru 44/2001 — It-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) — Regolament (KE) Nru 261/2004 — Artikoli 5(1)(ċ) u 7(1)(a) — Konvenzjoni ta’ Montreal — Artikolu 33(1) — Trasport bl-ajru — Talbiet għal kumpens minn passiġġieri kontra kumpanniji tal-ajru fil-każ ta’ titjiriet ikkanċellati — Post ta’ eżekuzzjoni tas-servizz — Ġurisdizzjoni fil-każ ta’ trasport bl-ajru minn Stat Membru lejn Stat Membru ieħor minn kumpannija tal-ajru stabbilita fi Stat Membru terz”

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tad-9 ta’ Lulju 2009   I ‐ 6076

    Sommarju tas-sentenza

    1. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament Nru 44/2001 – Ġurisdizzjoni speċjali – Qorti tal-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu kuntrattwali li huwa l-bażi tat-talba – Kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi – Diversi postijiet ta’ provvista ta’ servizzi fi Stati Membri differenti – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-post tal-provvista prinċipali tas-servizzi

      (Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, it-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b))

    2. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament Nru 44/2001 – Ġurisdizzjoni speċjali – Qorti tal-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu kuntrattwali li huwa l-bażi tat-talba – Kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi – Trasport bl-arju ta’ persuni minn Stat Membru wieħed lejn Stat Membru ieħor – Talba għal kumpens minħabba titjira kkanċellata, ibbażata fuq ir-Regolament Nru 261/2004 – Ġurisdizzjoni tal-qrati tal-postijiet tat-tluq u tal-wasla, skont l-għażla tar-rikorrent

      (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 261/2004; Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, it-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b))

    1.  Ir-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali f’materji kuntrattwali prevista fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, tissodisfa l-għan ta’ prossimità u hija mmotivata mill-eżistenza ta’ rabta stretta bejn il-kuntratt u l-qorti li tintalab tisma’ l-kawża. Fil-każ ta’ diversi postijiet ta’ provvista ta’ servizzi fi Stati Membri differenti, fid-dawl tal-għanijiet ta’ prossimità u ta’ prevedibbiltà, għandu jinstab il-post fejn hemm l-iktar rabta stretta bejn il-kuntratt inkwistjoni u l-qorti li għandha ġurisdizzjoni, b’mod partikolari dak fejn, skont dak il-kuntratt, il-provvista prinċipali tas-servizzi għandha ssir.

      (ara l-punti 32, 37, 38)

    2.  It-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ trasport bl-ajru ta’ persuni minn Stat Membru wieħed għal Stat Membru ieħor, magħmul abbażi ta’ kuntratt konkluż ma’ kumpannija waħda tal-ajru li hija t-trasportatriċi effettiva, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tisma’ t-talba għal kumpens ibbażata fuq dan il-kuntratt ta’ trasport u fuq ir-Regolament Nru 261/2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament Nru 295/91, hija dik, skont l-għażla tar-rikorrent, li fil-ġurisdizzjoni territorjali tagħha jinsab il-post tat-tluq jew tal-wasla tal-ajruplan, kif dawn il-postijiet ikunu ġew miftiehma fl-imsemmi kuntratt.

      F’dan ir-rigward, is-servizzi li l-provvista tagħhom jikkorrispondu għall-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw minn kuntratt ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri huma r-reġistrazzjoni u l-imbarkazzjoni ta’ passiġġieri, il-fatt li dawn tal-aħħar jintlaqgħu abbord tal-ajruplan fil-post tat-tlugħ previst fil-kuntratt tat-trasport inkwistjoni, it-tluq tal-ajruplan fil-ħin previst, it-trasport tal-passiġġieri u tal-bagalji tagħhom mill-post tat-tluq għall-post tal-wasla, il-ħarsien tal-passiġġieri matul il-vjaġġ, u fl-aħħar nett, il-wasla tagħhom, taħt il-kundizzjonijiet ta’ sigurtà, fil-post tal-inżul u fil-ħin previst f’dan il-kuntratt. Issa, l-uniċi postijiet li jirrappreżentaw rabta diretta ma’ dawn is-servizzi huma dawk tat-tluq u tal-wasla tal-ajruplan, li jinftiehmu bħala dawk previsti fil-kuntratt tat-trasport. It-trasport bl-ajru jikkostitwixxi, minħabba n-natura tiegħu stess, servizzi pprovduti b’mod indiviżibbli u magħquda mill-post tat-tluq sal-post tal-wasla tal-ajruplan, b’mod illi mhuwiex possibbli li tkun distinta parti speċifika tas-servizz li jikkostitwixxi s-servizz prinċipali, li huwa pprovdut f’post preċiż. Kull wieħed minn dawn iż-żewġ postijiet għandu rabta suffiċjenti ta’ prossimità mal-elementi materjali tal-kawża li jippermetti li tiġi żgurata r-rabta stretta bejn il-kuntratt u l-qorti li għandha ġurisdizzjoni, skont l-għanijiet ta’ prossimità u ta’ prevedibbiltà li jridu jinkisbu permezz tal-konċentrazzjoni tal-ġurisdizzjoni fil-post tal-provvista tas-servizzi u permezz tal-fatt li tiġi stabbilita ġurisdizzjoni waħda għall-ilmenti kollha bbażati fuq kuntratt.

      (ara l-punti 37, 40-44, 47 u d-dispożittiv)

    Top