This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62008CJ0195
Sommarju tas-sentenza
Sommarju tas-sentenza
Kawża C-195/08 PPU
Proċedura mibdija minn
Inga Rinau
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas)
“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi — Eżekuzzjoni fi kwistjonijiet matrimonjali u fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Regolament (KE) Nru 2201/2003 — Talba li ma tiġix irrikonoxxuta deċiżjoni li tordna r-ritorn ta’ minuri miżmum illegalment fi Stat Membru ieħor — Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari”
Opinjoni tal-Avukat Ġenerali E. Sharpston tal-1 ta’ Lulju 2008 I - 5275
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-11 ta’ Lulju 2008 I - 5305
Sommarju tas-sentenza
Domandi preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kundizzjonijiet
(Regoli tal-Proċedura tal-Qort tal-Ġustizzja, Artikolu 104b)
Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament Nru 2201/2003 – Saħħa eżekuttiva ta’ deċiżjoni ċċertifikata li tordna r-ritorn ta’ minuri wara deċiżjoni li ma jsirx ir-ritorn
(Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003, Artikoli 11(8), 40 u 42, u Anness IV)
Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament Nru 2201/2003 – Talba li ma tiġix irrikonoxxuta deċiżjoni ġudizzjarja fin-nuqqas ta’ preżentata minn qabel ta’ talba għal rikonoxximent
(Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003, Artikoli 11(8), 21(3) u (4), 40 sa 42)
Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament Nru 2201/2003 – Talba li ma tiġix irrikonoxxuta deċiżjoni ġudizzjarja fin-nuqqas ta’ preżentata minn qabel ta’ talba għal rikonoxximent
(Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003, Artikolu 31(1))
It-talba ta’ qorti tar-rinviju intiża sabiex rinviju għal deċiżjoni preliminari fuq l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 jinstema’ bil-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari stabbilita fl-Artikolu 104b tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija ġġustifikata meta tkun ibbażata fuq bżonn ta’ azzjoni urġenti. Dan ikun il-każ meta kull dewmien ikun ta’ dannu għar-relazzjonijiet bejn il-minuri u l-ġenitur li ma jgħix miegħu u li d-degradazzjoni ta’ dawn ir-relazzjonijiet tista’ tkun permanenti. Tali bżonn jirriżulta kemm mis-sbatax-il premessa tar-Regolament, li tipprevedi r-ritorn mingħajr dewmien ta’ minuri meħud u mill-Artikolu 11(3) tal-istess regolament, li jiffissa terminu ta’ sitt gimgħat għal qorti li quddiemha qed tiġi ppreżentata talba għal ritorn sabiex tagħti d-deċiżjoni tagħha. Il-ħtieġa li l-minuri jiġi protett minn dannu eventwali possibbli u n-neċessità li jiġi żgurat bilanċ ġust bejn l-interessi tal-minuri u dawk tal-ġenituri tiegħu wkoll huma ta’ natura li jiġġustifikaw l-użu tal-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.
(ara l-punti 44, 45)
Ladarba deċiżjoni kontra r-ritorn ta’ minuri tkun ittieħdet u nġiebet għall-konjizzjoni tal-qorti tal-oriġini, huwa irrilevanti, għall-finijiet tal-ħruġ taċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 2201/2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament Nru 1347/2000, li din id-deċiżjoni tkun ġiet sospiża, inbidlet, ġiet annullata jew, jekk kien il-każ, tkun għaddiet in ġudikat jew ġiet issostitwita minn deċiżjoni li tordna r-ritorn, sakemm ir-ritorn tal-minuri kien għadu ma seħħx effettivament. Peress li l-awtentiċità tal-imsemmi ċertifikat ma kinitx ikkontestata u peress li dan inħareġ skont il-formularju li l-mudell tiegħu jinsab fl-Anness IV tal-imsemmi regolament, l-oppożizzjoni għar-rikonoxximent ta’ deċiżjoni li tordna r-ritorn hija pprojbita u l-qorti mitluba tista’ biss tikkonstata s-saħħa eżekuttiva tad-deċiżjoni ċċertifikata u tordna r-ritorn immedjat tal-minuri.
Fil-fatt, id-dikjarazzjoni ta’ saħħa eżekuttiva ta’ deċiżjoni li tordna r-ritorn ta’ minuri wara deċiżjoni li ma jsirx ir-ritorn għandha awtonomija proċedurali, sabiex ma ddewwimx ir-ritorn ta’ minuri li tneħħa jew inżamm illegalment fi Stat Membru li mhuwiex dak li fih dan il-minuri kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma illegali tiegħu. Il-kwistjonijiet proċedurali li, wara deċiżjoni li ma jsirx ir-ritorn tkun ittieħdet, jitqajmu jew iseħħu mill-ġdid fl-Istat Membru tal-infurzar mhumiex determinanti u jistgħu jiġu kkunsidrati irrilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, jekk dan ma kienx ikun il-każ, ikun hemm ir-riskju li r-regolament ma jkollux l-effett utli tiegħu, peress li l-għan tar-ritorn immedjat tal-minuri jibqa’ suġġett għall-kundizzjoni tal-eżawriment tar-rimedji proċedurali ammessi mid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru li fih il-minuri jkun miżmum illegalment. Anki jekk ir-regolament m’għandux bħala għan li jgħaqqad ir-regoli tal-liġi sostanzjali u proċedurali tal-Istati kontraenti differenti, huwa madankollu importanti li l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli nazzjonali ma jippreġudikawx l-effett utli tiegħu. Din l-interpretazzjoni tar-regolament, li hija konformi mal-eżiġenzi u mal-finalità tiegħu, hija l-unika li tista’ tiżgura bl-aħjar mod l-effettività tad-dritt Komunitarju.
(ara l-punti 63, 80-83, 89 u d-dispożittiv 1)
Bl-eċċezzjoni ta’ każijiet fejn il-proċedura tirrigwarda sentenza ċċertifikata skont l-Artikoli 11(8) u 40 sa 42 tar-Regolament Nru 2201/2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament Nru 1347/2000, il-possibbiltà li kull parti interessata tista’ titlob li ma tiġix irrikonoxxuta deċiżjoni ġudizzjarja, anki jekk ma jkunx ġie ppreżentat rikors għal rikonoxximent tad-deċiżjoni qabel, ma tistax tiġi eskluża b’mod ġenerali.
Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 21(3) tar-regolament jikkonferma tali possibbiltà, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Taqsima 4 tal-Kapitolu III, u, min naħa l-oħra, lanqas huwa eskluż li talba għal nuqqas ta’ rikonoximent ta’ deċiżjoni tinvolvi r-rikonoxximent tagħha b’mod inċidentali, ipoteżi li fiha jkun japplika l-Artikolu 21(4). Il-possibbiltà li tressaq rikors għal nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, mingħajr ma jkun tressaq rikors għal rikonoxximent qabel tista’ tissodisfa eżiġenzi diversi, kemm ta’ natura sostanzjali, b’mod partikolari dawk intiżi għall-interess superjuri tal-minuri jew l-istabbiltà u t-trankwillità tal-familja, kif ukoll ta’ natura proċedurali, billi tippermetti li tantiċipa l-produzzjoni ta’ mezzi ta’ prova li jistgħu ma jkunux disponibbli iktar fil-futur. Tali talba għandha madankollu tirrispetta l-proċedura prevista fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu III tar-regolament u, b’mod partikolari, din tista’ titressaq biss skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali jekk dawn ma jillimitawx il-portata u l-effetti ta’ dan ir-regolament.
(ara l-punti 92-96 u d-dispożittiv 2)
L-Artikolu 31(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, fejn dan jipprovdi li la l-persuna li kontriha qed jintalab l-infurzar u lanqas il-minuri ma jistgħu, f’dan l-istadju tal-proċeduri, jippreżentaw osservazzjonijiet, mhuwiex applikabbli għal proċedura ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, ippreżentata mingħajr ma jkun tressaq rikors għal rikonoxximent qabel fir-rigward tal-istess deċiżjoni. F’din is-sitwazzjoni, il-konvenut, li qed jitlob ir-rikonoxximent, jista’ jippreżenta osservazzjonijiet.
Fil-fatt, is-sitwazzjoni prevista fil-każ ta’ talba għal nuqqas ta’ rikonoxximent hija differenti minn dik prevista fl-Artikolu 31(1). B’hekk, il-proċedura prevista fl-Artikolu 31 tar-regolament, peress li din għandha natura unilaterali u ta’ saħħa eżekuttiva, ma tistax taċċetta osservazzjonijiet mill-parti li kontriha qed jintalab l-infurzar, mingħajr ma jkollha natura deklaratorja u kontradittorja, u dan imur kontra l-loġika tagħha stess li abbażi tagħha d-drittijiet tad-difiża huma ggarantiti permezz tal-appell previst fl-Artikolu 33 tar-regolament. Bil-kontra, fil-każ ta’ talba li ma tiġix irrikonoxxuta deċiżjoni ġudizzjarja fejn dak li qed jagħmel it-talba huwa persuna li kontriha t-talba ta’ dikjarazzjoni ta’ saħħa eżekuttiva setgħet titressaq u fejn il-kundizzjonijiet jiġġustifikaw l-esklużjoni, għall-parti li kontriha qed jintalab l-infurzar, tal-possibbiltà li tippreżenta osservazzjonijiet mhumiex sodisfatti, l-għan tal-proċedura jipprevedi evalazzjoni negattiva li titlob, min-natura tagħha stess, il-kontradittorju. Minn dan isegwi li l-parti li kontriha tressqet it-talba għal nuqqas ta’ rikonoxximent ma tistax tiġi, fil-każ ta’ talba għal nuqqas ta’ rikonoxximent, ipprivata mill-possibbiltà li tippreżenta osservazzjonijiet.
(ara l-punti 101-107 u d-dispożittiv 3)