Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0168

    Sommarju tas-sentenza

    Kawża C-168/08

    Laszlo Hadadi (Hadady)

    vs

    Csilla Marta Mesko, miżżewġa Hadadi (Hadady)

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (Franza))

    “Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 2201/2003 — Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Artikolu 64 — Dispożizzjonijiet tranżitorji — Applikazzjoni għal sentenza mogħtija fi Stat Membru li ssieħeb fl-Unjoni Ewropea fl-2004 — Artikolu 3(1) — Ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ divorzju — Elementi ta’ rabta rilevanti — Residenza abitwali — Ċittadinanza — Konjuġi residenti fi Franza u li għandhom, it-tnejn li huma, ċittadinanza Franċiża u Ungeriża”

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fit-12 ta’ Marzu 2008   I ‐ 6874

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-16 ta’ Lulju 2009   I ‐ 6893

    Sommarju tas-sentenza

    1. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament Nru 2201/2003 – Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis

      (Att ta’ Adeżjoni tal-2003; Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003, Artikolu 64(4))

    2. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament Nru 2201/2003 – Ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ divorzju – Konjuġi residenti fl-Istat Membru mitlub jirrikonoxxi sentenza u li kull wieħed minnhom għandu ċ-ċittadinanza tal-Istati Membri tal-oriġini u ta’ dak mitlub jirrikonoxxi sentenza – Obbligu tal-qorti mitluba tirrikonoxxi sentenza li tikkunsidra ċ-ċittadinanza doppja komuni tal-konjuġi

      (Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003, Artikoli 3(1)(b) u 64(4))

    3. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament Nru 2201/2003 – Ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ divorzju – Kriterji alternattivi ta’ ġurisdizzjoni stipulati fl-Artikolu 3(1)(a) u (b)

      (Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003, Artikolu 3(1)(a) u b))

    1.  Ir-rikonoxximent ta’ sentenza ta’ divorzju mogħtija minn qorti tar-Repubblika Ungeriża, wara d-data tad-dħul fis-seħħ fl-Ungerija tar-Regolament Nru 1347/2000, imma qabel id-data tal-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament Nru 1347/2000, għandha tiġi evalwata skont l-Artikolu 64(4) tar-Regolament Nru 2201/2003 peress li l-bidu tal-proċeduri u l-għoti tas-sentenza kienu jaqgħu fil-perijodu ddefinit f’din id-dispożizzjoni. Skont din id-dispożizzjoni, tali sentenza ta’ divorzju għandha tiġi rikonoxxuta skont ir-Regolament Nru 2201/2003, jekk ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni applikati huma konformi ma’ dawk stipulati fil-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament jew fir-Regolament Nru 1347/2000, jew bi ftehim fis-seħħ bejn l-Istat Membru tal-oriġini u l-Istat Membru mitlub jirrikonoxxi s-sentenza, fil-perijodu li tressqet il-kawża.

      (ara l-punti 27-29)

    2.  Meta l-qorti ta’ Stat Membru mitlub jirrikonoxxi sentenza għandha tivverifika, skont l-Artikolu 64(4) tar-Regolament Nru 2201/2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament Nru 1347/2000, jekk il-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini ta’ sentenza kellhiex ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 3(1)(b) ta’ dan l-istess regolament, din l-aħħar dispożizzjoni tipprekludi lill-qorti tal-Istat Membru mitlub jirrikonoxxi sentenza milli tikkunsidra lill-konjuġi li t-tnejn għandhom iċ-ċittadinanzi kemm ta’ dan l-Istat kif ukoll tal-Istat Membru tal-oriġini bħala ċittadini tal-Istat Membru li ntalab jirrikonoxxi sentenza biss. Għall-kuntrarju, din il-qorti għandha tikkunsidra l-fatt li l-konjuġi għandhom ukoll iċ-ċittadinanza tal-Istat Membru tal-oriġini u li, għalhekk, il-qrati ta’ dan tal-aħħar jista’ jkollhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu l-kawża.

      Fil-fatt, jekk iż-żewġ konjuġi li għandhom ċittadinanza doppja komuni jiġu ttrattati bħallikieku kellhom biss iċ-ċittadinanza tal-Istat Membru mitlub jirrikonoxxi sentenza, dan il-fatt ikollu l-konsegwenza li jipprojbixxihom, skont ir-regola tranżitorja ta’ rikonoxximent stipulata fl-Artikolu 64(4) tar-Regolament Nru 2201/2003, milli jinvokaw l-Artikolu 3(1)(b) ta’ dan ir-regolament sabiex jistabbilixxu l-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat Membru ieħor, minkejja li jkollhom iċ-ċittadinanza ta’ dan l-aħħar Stat.

      (ara l-punti 41-43 u d-dispożitittiv 1)

    3.  Meta kull wieħed mill-konjuġi għandu ċittadinanza tal-istess żewġ Stati Membri, l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament Nru 1347/2000, jipprekludi li l-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ wieħed minn dawn l-Istati Membri tiġi eskluża minħabba l-fatt li l-attur ma jurix elementi ta’ rabta oħra ma’ dan l-Istat. Min-naħa l-oħra, il-qrati tal-Istati Membri li tagħhom il-konjuġi għandhom iċ-ċittadinanza għandhom ġurisdizzjoni skont din id-dispożizzjoni, u dawn jistgħu jagħżlu l-qorti tal-Istat Membru li quddiemha ser tinstema’ l-kawża.

      F’dan ir-rigward, is-sistema tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 2201/2003, tistrieħ fuq diversi kriterji oġġettivi alternattivi u ma hemmx ġerarkija bejn id-diversi titoli ta’ ġurisdizzjoni, hemm imsemmija. Għaldaqstant, il-koeżistenza ta’ diversi qrati li għandhom ġurisdizzjoni hija permessa, mingħajr ġerarkija bejniethom.

      Barra minn hekk, il-kliem tal-Artikolu 3(1)(b) bl-ebda mod ma jissuġġerixxi li hija biss iċ-ċittadinanza “effettiva” li tista’ tiġi kkunsidrata sabiex tiġi implementata din id-dispożizzjoni. Tali kriterju mhuwiex ibbażat fuq l-għanijiet ta’ din id-dispożizzjoni jew fuq il-kuntest li fih tinsab u għandu jkollha bħala effett li tillimita l-għażla tal-persuni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni, b’mod partikolari fil-każ tal-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu tal-persuni. Għalhekk, sakemm ir-residenza abitwali hija kunsiderazzjoni essenzjali sabiex tiġi stabbilita ċ-ċittadinanza l-iktar effettiva, it-titoli ta’ ġurisdizzjoni stipulati fl-Artikolu 3(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 2201/2003 spiss jikkoinċidu. Dan iwassal sabiex, fir-rigward ta’ persuni li għandhom diversi ċittadinanzi, tiġi stabbilita ġerarkija ta’ titoli ta’ ġurisdizzjoni li ma tirriżultax mill-kliem ta’ dan il-paragrafu.

      (ara l-punti 48-54 u d-dispożittiv 2)

    Top