This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62008CJ0160
Sommarju tas-sentenza
Sommarju tas-sentenza
1. Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Derogi — Portata
(Artikoli 45 KE u 55 KE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18; Direttiva tal-Kunsill 92/50)
2. Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Derogi — Attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika
(Artikoli 45 KE u 55 KE)
3. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi — Direttivi 92/50 u 2004/18 — Kuntratti mħallta għal servizzi tat-trasport u servizzi tas-saħħa
(Artikolu 86(2) KE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18, Artikoli 22 u 35(4), u Annessi II A u II B; Direttiva tal-Kunsill 92/50, Artikoli 10 u 16, u Annessi I A u I B)
1. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45 KE, moqri flimkien mal‑Artikolu 55 KE, id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma jkoprux l-attivitajiet li jseħħu fi Stat Membru, anki okkażjonalment, għall-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.
Attivitajiet bħal dawn ma jaqgħux ukoll fil-portata tad-direttivi li, bħad‑Direttivi 92/50 u 2004/18, għandhom l-għan li jimplementaw id‑dispożizzjonijiet tat-trattat fuq il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.
(ara l-punti 73, 74)
2. Id-deroga prevista fl-Artikoli 45 KE u 55 KE għandha tkun limitata għall‑attivitajiet li, ikkunsidrati fihom infushom, jammontaw għal parteċipazzjoni diretta u speċifika għall-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. Dan ma huwiex il-każ tal-attivitajiet tat-trasport tal-emerġenza ta’ pazjenti jew tat-trasport kwalifikat ta’ pazjenti.
Fil-fatt, il-kontribuzzjoni għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika, li għaliha kull individwu jista’ jiġi msejjaħ għaliha, b’mod partikolari billi jagħti l‑għajnuna tiegħu lil persuna li tkun qeda f’periklu ta’ ħajja u mewt jew tas‑saħħa, mhux suffiċjenti sabiex tammonta għal parteċipazzjoni għall‑eżerċizzju tal-awtorità pubblika. Bl-istess mod ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jammontaw għal eżerċizzju suffiċjentement kwalifikat ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika jew ta’ setgħat eżorbitanti tad-dritt komuni, għall-fornituri tas-servizzi tat-trasport tal-pazjenti, li jużaw strumenti bħad-dawl blu jew is-sirena, kif ukoll għad-dritt ta’ passaġġ prijoritarju li huwa mogħti lilhom mill-kodiċi tat-traffiku, u lanqas elementi li jirrigwardaw kompetenzi organizattivi partikolari fil-qasam tas-servizzi mogħtija, bis-setgħa li tintalab informazzjoni minn terzi jew l-intervent ta’ servizzi oħra speċjalizzati, jew inkella l-parteċipazzjoni għall-ħatra ta’ uffiċjali amministrattivi fir-rigward tas-servizzi inkwistjoni u kollaborazzjoni mal-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll ma’ membri ta’ korpi professjonali li għandhom prerogattivi ta’ awtorità pubblika.
(ara l-punti 78, 80-84)
3. Naqas mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 10 tad-Direttiva tal‑Kunsill 92/50/KEE, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall‑għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi], moqri flimkien mal-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva jew, wara l-1 ta’ Frar 2006, taħt l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2004/18/KE, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], moqri flimkien mal-Artikolu 35(4) ta’ din id-direttiva, Stat Membru li, fil-kuntest tal-għoti ta’ kuntratti għal servizzi pubbliċi tat-trasport mediku ta’ emerġenza u tat-trasport ikkwalifikat ta’ pazjenti skont il-mudell magħruf bħala “tal-appalt”, li permezz tiegħu, ir-remunerazzjoni ta’ dawn is-servizz isir direttament mill‑awtoritajiet kontraenti, billi ma ppublikax avviżi dwar ir-riżultati tal‑proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti.
Fil-fatt, is-servizzi tat-trasport mediku ta’ emerġenza jew tat-trasport ikkwalifikat ta’ pazjenti, inkwistjoni fil-kawża preżenti, jaqgħu kemm fil‑kategorija 2 jew 3 tal-Anness I A tad-Direttiva 92/50 jew tal‑Anness II A tad-Direttiva 2004/18, u tal-kategorija 25 tal-Anness I B tad-Direttiva 92/50 jew tal-Anness II B tad-Direttiva 2004/18, b’mod li l‑kuntratti li għandhom bħala suġġett servizzi bħal dawn jaqgħu fl‑applikazzjoni tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/50 jew tal-Artikolu 22 tad‑Direttiva 2004/18. Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li fis‑sitwazzjoni ta’ għoti ta’ kuntratti għal servizzi pubbliċi tat-trasport tal‑pazjenti kkaratterizzati minn predominanza tal-valur tas-servizzi tat‑trasport ikkomparat ma’ dik tas-servizzi tas-saħħa, huma partikolarment l-awtoritajiet lokali li għandhom jipproċedu bil-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt fil-livell tal-Unjoni għall-finijiet tal-għoti ta’ kuntratt inkwistjoni u li tiżgura l-pubbliċità tar-riżultati tal-għoti ta’ dan il-kuntratt. Min-naħa l‑oħra, fis-sitwazzjoni ta’ għoti ta’ kuntratti għal servizzi pubbliċi tat-trasport tal-pazjenti kkaratterizzati minn predominanza tal-valur tas-servizzi tat‑trasport ikkomparat ma’ dik tas-servizzi tas-saħħa, l-awtorità kontraenti għandha tiżgura l-pubbliċità tar-riżultati tal-għoti ta’ dan il-kuntratt.
F’kuntest fejn ma jkunx eskluż li l-ebda wieħed mill-kuntratti jkun ikkaratterizzat minn predominanza tal-valur tas-servizzi tat-trasport fuq dawk tas-servizzi tas-saħħa, hemm lok li tiġi llimitata l-konstatazzjoni tan‑nuqqas għad-Direttivi 92/50 u 2004/18, għall-ksur tal-Artikolu 10 tad‑Direttiva 92/50 moqri flimkien mal-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva jew, mill-1 ta’ Frar 2006, tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2004/18 moqri flimkien mal-Artikolu 35(4) ta’ din id-direttiva, peress li l-imsemmija artikoli, fi kwalunkwe każ, huma applikabbli għall-kuntratti li, jirrigwardaw kemm is‑servizzi tat-trasport u s-servizzi tas-saħħa, indipendentement mir-rabta bejn il-valur rispettiv ta’ dawn is-servizzi fil-kuntest tal-kuntratt inkwistjoni.
In-nuqqas milli tippubblika r-riżultati tal-għoti ta’ kuntratt ma jistax jiġi ġġustifikat mill-fatt li s-servizzi tat-trasport mediku ta’ emerġenza huma “servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali”, fis-sens tal-Artikolu 86(2) KE. Fil-fatt, il‑kunsiderazzjonijiet, bħan-neċessità li jiġi żgurat, fil-qasam tas-servizzi tat-trasport tal-pazjenti, sussidju trażversali bejn iż-żoni ġeografiċi vijabbli u inqas vijabbli skont id-densità tal-popolazzjoni jew fuq l-importanza ta’ servizz ta’ prossimità, ma jispjegawx b’liema mod l-obbligu li jiżguraw il‑pubbliċità tar-riżultati tal-għoti tal-kuntratt ikkonċernat ikun b’mod li jkun ta’ ostaklu għat-twettiq ta’ din il-missjoni ta’ interess ekonomiku ġenerali.
(ara l-punti 92, 113, 114, 122, 125, 127-129, 131 u d-dispożittiv)