Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0089

    Sommarju tas-sentenza

    Kawża C-89/08 P

    Il-Kummissjoni Ewropea

    vs

    L-Irlanda et

    “Appell — Għajnuna mill-Istat — Eżenzjoni mid-dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali — Regolament (KE) Nru 659/1999 — Artikolu 1(b)(v) — Nuqqas ta’ motivazzjoni — Rwol tal-qorti — Motiv ta’ ordni pubbliku mqajjem ex officio mill-qorti Komunitarja — Ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju — Portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni ”

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Y. Bot, ippreżentati fit-12 ta’ Mejju 2009   I ‐ 11248

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-2 ta’ Diċembru 2009   I ‐ 11277

    Sommarju tas-sentenza

    1. Rikors għal annullament – Aggravji – Ksur tal-forom proċedurali sostanzjali – Eżami ex officio mill-qorti

      (Artikolu 230 KE)

    2. Dritt Komunitarju – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Prinċipju ta’ kontradittorju – Rispett fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja

      (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 62)

    3. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Għajnuna eżistenti u għajnuna ġdida – Evoluzzjoni tas-suq komuni

      (Artikolu 253 KE)

    1.  Nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni jaqa’ taħt il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali fis-sens tal-Artikolu 230 KE, u jikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li jista’, u anki għandu, jitqajjem ex officio mill-qorti Komunitarja. Meta tqajjem ex officio tali motiv, il-qorti Komunitarja ma toħroġx mill-kuntest tal-kawża li għandha quddiemha u bl-ebda mod ma tikser ir-regoli ta’ proċedura dwar il-preżentazzjoni tas-suġġett tal-kawża u tal-motivi fir-rikors.

      (ara l-punti 34, 35)

    2.  Il-prinċipju ta’ kontradittorju huwa prinċipju bażiku tad-dritt u jifforma parti mid-drittijiet tad-difiża. Huwa japplika għal kull proċedura li tista’ twassal għal deċiżjoni ta’ istituzzjoni Komunitarja li taffettwa b’mod sensibbli l-interessi ta’ persuni. Il-qrati Komunitarji għandhom jiżguraw li jiġi osservat quddiemhom u li josservaw huma stess il-prinċipju ta’ kontradittorju.

      Il-prinċipju ta’ kontradittorju għandu jibbenefika lil kull parti fil-kawża li għandha quddiemha l-qorti Komunitarja, irrispettivament mill-kwalità ġuridika tagħha. Konsegwentement, anki l-istituzzjonijiet Komunitarji jistgħu jużawh meta huma jifformaw parti minn tali kawża.

      Il-qorti stess għandha tosserva l-prinċipju ta’ kontradittorju, b’mod partikolari meta hija tiddeċiedi kawża abbażi ta’ motiv imqajjem ex officio.

      Il-prinċipju ta’ kontradittorju, bħala regola ġenerali, ma jikkonferixxix biss lil kull parti f’kawża d-dritt li ssir taf bil-provi u bl-osservazzjonijiet ippreżentati lill-qorti mill-avversarju tagħha, u li tiddiskutihom, u ma jipprekludix biss lill-qorti Komunitarja milli tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq fatti u dokumenti li l-partijiet, jew xi waħda minnhom, ma setgħux isiru jafu bihom u li, għaldaqstant, qatt ma setgħu jadottaw pożizzjoni dwarhom. Huwa jimplika wkoll, bħala regola ġenerali, id-dritt tal-partijiet li jsiru jafu bil-motivi ta’ liġi mqajma ex officio mill-qorti, li fuqhom din il-qorti jkollha l-intenzjoni li tibbaża d-deċiżjoni tagħha, u li jiddiskutuhom.

      Is-setgħa diskrezzjonali li l-Qorti Ġenerali għandha fir-rigward tal-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 62 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, ma tistax tiġi eżerċitata mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-obbligu ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju.

      Sentenza li tannulla deċiżjoni kkontestata abbażi ta’ motiv imqajjem ex officio bbażat fuq ksur tal-Artikolu 253 KE mingħajr ma qabel il-partijiet ġew mistiedna, matul il-proċedura bil-miktub jew il-proċedura orali, sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-imsemmi motiv tikser il-prinċipju ta’ kontradittorju. Fil-fatt, għalkemm, nuqqas ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi difett li, bħala regola ġenerali, ma jistax jiġi rrimedjat, il-konstatazzjoni ta’ tali nuqqas issir madankollu minn evalwazzjoni li għandha, tieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ elementi. Tali evalwazzjoni tista’ tiġi suġġetta għal diskussjoni, b’mod partikolari meta ma tkunx tirrigwarda n-nuqqas totali ta’ motivazzjoni, iżda meta tkun tirrigwarda l-motivazzjoni ta’ punt speċifiku ta’ fatt jew ta’ liġi.

      (ara l-punti 50-57, 59-61)

    3.  Skont l-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999, li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-Artikolu 88 KE, għajnuna hija kkunsidrata għajnuna eżistenti jekk, meta daħlet fis-seħħ, ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna, iżda sussegwentement saret għajnuna minħabba l-evoluzzjoni tas-suq komuni u mingħajr ma nbidlet mill-Istat Membru. Il-kunċett ta’ evoluzzjoni tas-suq komuni jista’ jinftiehem bħala bdil tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku fis-settur ikkonċernat mill-miżura inkwistjoni, u ma jinkludix, pereżempju, l-ipoteżi fejn il-Kummissjoni tibdel l-evalwazzjoni tagħha biss abbażi ta’ applikazzjoni iktar stretta tar-regoli tat-Trattat fil-qasam tal-għajnuna mogħtija mill-Istat. B’mod iktar ġenerali, il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, eżistenti jew ġdida, jikkorrispondi għal sitwazzjoni oġġettiva. Dan il-kunċett ma jistax jiddependi fuq l-aġir jew id-dikjarazzjonijiet tal-istituzzjonijiet.

      Għalhekk, filwaqt li l-motivazzjoni ta’ att Komunitarju rikjest mill-Artikolu 253 KE għandu jkun adatt għan-natura ta’ dan l-att, ma hemmx lok li l-Kummissjoni tkun obbligata tindika r-raġunijiet li għalihom hija kienet għamlet evalwazzjoni differenti ta’ miżura fid-deċiżjonijiet preċedenti tagħha.

      Konsegwentement, il-fatti li huma relatati prinċipalment mal-fatt, minn naħa, li l-Kummissjoni kienet qieset, fil-mument tal-adozzjoni mill-Kunsill tad-deċiżjonijiet tal-eżenzjonijiet ikkontestati, li dawn ma joħolqux distorsjoni tal-kompetizzjoni u ma jostakolawx l-amministrazzjoni tajba tas-suq komuni, u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija deċiżjonijiet setgħu jagħtu l-impressjoni li l-istess eżenzjonijiet ma setgħux jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat, ma humiex ta’ natura li jobbligaw, bħala regola ġenerali, lill-Kummissjoni timmotiva deċiżjoni kkontestata li ssostni l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999.

      (ara l-punti 70-73, 75)

    Top