EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0088

Sommarju tas-sentenza

Kawża C-88/08

David Hütter

vs

Technische Universität Graz

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof)

“Direttiva 2000/78/KE — Trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol — Diskriminazzjoni bbażata fuq l-età — Determinazzjoni tar-remunerazzjoni ta’ membri tal-persunal tal-Istat bil-kuntratt — Esklużjoni tal-esperjenza professjonali miksuba qabel l-età ta’ 18-il sena”

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-18 ta’ Ġunju 2009   I ‐ 5327

Sommarju tas-sentenza

Politika soċjali – Trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol – Direttiva 2000/78

(Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikoli 1, 2 u 6)

L-Artikoli 1, 2 u 6 tad-Direttiva 2000/78, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, sabiex ma tippreġudikax l-edukazzjoni ġenerali meta mqabbla mal-edukazzjoni professjonali, u sabiex tippromwovi l-integrazzjoni ta’ apprendisti żgħażagħ fis-suq tax-xogħol, teskludi perijodi ta’ xogħol imwettqa qabel l-età ta’ 18-il sena milli jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-iskala li fiha għandhom jiġu kklassifikati l-membri tal-persunal bil-kuntratt tas-servizz pubbliku ta’ Stat Membru.

Fil-fatt, anki jekk l-għanijiet ta’ din in-natura għandhom, bħala prinċipju, jiġu kkunsidrati li jiġġustifikaw oġġettivament u raġonevolment, fil-kuntest tad-dritt nazzjonali, kif ipprovdut fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età li ġiet implementata mill-Istati Membri, tali leġiżlazzjoni madankollu ma tistax titqies li hija xierqa sabiex jitwettqu dawn l-għanijiet, fis-sens tal-istess dispożizzjoni. Fir-rigward tal-għan intiż li ma tkunx ippreġudikata l-edukazzjoni ġenerali meta mqabbla ma’ edukazzjoni professjonali, il-kriterju tal-età li kellha persuna meta kisbet l-esperjenza professjonali ma jidhirx li huwa xieraq għat-twettiq ta’ dan l-għan, peress li dan il-kriterju japplika indipendentement mit-tip ta’ edukazzjoni li nkisbet. Fir-rigward tal-għan intiż għall-promozzjoni tal-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ żgħażagħ li jkunu kisbu esperjenza professjonali, tali leġiżlazzjoni nazzjonali, sa fejn ma tiħux inkunsiderazzjoni l-età tal-persuni meta huma jiġu impjegati, ma hijiex xierqa sabiex tippromwovi d-dħul fis-suq tax-xogħol ta’ kategorija ta’ ħaddiema bbażata fuq l-età żgħira tagħhom.

(ara l-punti 43, 48-51 u d-dispożittiv)

Top