EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0045

Sommarju tas-sentenza

Kawża C-45/08

Spector Photo Group NV

u

Chris Van Raemdonck

vs

Commissie voor het Bank-, Financie- en Assurantiewezen (CBFA)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hof van beroep te Brussel)

“Direttiva 2003/6 — Insider dealings — Użu ta’ informazzjoni minn ġewwa — Sanzjonijiet — Kundizzjonijiet”

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fl-10 ta’ Settembru 2009   I ‐ 12076

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-23 ta’ Diċembru 2009   I ‐ 12100

Sommarju tas-sentenza

  1. Approssimazzjoni tal-liġijiet – Insider dealings – Projbizzjoni

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/6, Artikolu 2(1))

  2. Approssimazzjoni tal-liġijiet – Insider dealings – Projbizzjoni

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/6, Artikolu 1(1), Direttiva tal-Kummissjoni 2003/124, Artikolu 1(2))

  3. Approssimazzjoni tal-liġijiet – Insider dealings – Projbizzjoni

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/6, Artikolu 14(1))

  1.  L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/6/KE dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li persuna msemmija fit-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni li għandha informazzjoni minn ġewwa takkwista jew tittrasferixxi jew tipprova takkwista jew tittrasferixxi, għaliha nnifisha jew għal ħaddieħor, kemm direttament, jew indirettament, l-istrumenti finanzjarji li għalihom tirrelata din l-informazzjoni jfisser li din il-persuna “użat din l-informazzjoni” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, bla ħsara għar-rispett tad-drittijiet tad-difiża u, b’mod partikolari, tad-dritt li din il-preżunzjoni tista’ tiġi kkonfutata. Il-kwistjoni dwar jekk din il-persuna kisritx il-projbizzjoni ta’ insider dealings għandha tiġi analizzata fid-dawl tal-għan ta’ din id-direttiva, li huwa li jipproteġi l-integrità tas-swieq finanzjarji u li jsaħħaħ il-fiduċja tal-investituri, li tistrieħ, partikolarment, fuq l-assigurazzjoni li dawn tal-aħħar jitpoġġew f’pożizzjoni ta’ ugwaljanza u jiġu protetti kontra l-użu inġust ta’ informazzjoni minn ġewwa.

    Din id-dispożizzjoni tiddefenixxi għalhekk b’mod oġġettiv l-insider dealings mingħajr riferiment, f’din id-definizzjoni, għall-intenzjoni li tista’ tkun warajhom, u dan sabiex ikun hemm armonizzazzjoni uniformi tal-liġi tal-Istati Membri. Konsegwentement, meta l-elementi li jikkostitwixxu insider dealing imsemmija f’din id-dispożizzjoni jkunu kollha preżenti, jista’ jkun hemm preżunzjoni tal-intenzjoni tal-awtur ta’ din it-tranżazzjoni. Madankollu, din il-preżunzjoni ma għandhiex tikser, id-drittijiet fundamentali u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, stipulat, partikolarment, fl-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali.

    (ara l-punti 35, 38, 39, 62 u d-dispożittiv 1)

  2.  Il-kapaċità ta’ informazzjoni li jkollha effett sinjifikattiv fuq il-prezz ta’ strumenti finanzjarji li għalihom tirreleta huwa wieħed mill-elementi karatteristiċi tal-kunċett ta’ informazzjoni minn ġewwa, iddefinit fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/6, dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq), liema kunċett ġie wkoll iddefinit fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2003/124, li timplimenta d-Direttiva 2003/6 rigward id-definizzjoni u l-iżvelar pubbliku tat-tagħrif minn ġewwa u d-definizzjoni tal-manipulazzjoni tas-swieq, bħala informazzjoni li investitur raġonevoli x’aktarx li juża bħala parti mill-bażi tad-deċiżjonijiet tal-investiment tiegħu. Skont l-għan tad-Direttiva 2003/6, din il-kapaċità tal-informazzjoni li jkollha effett sinjifikattiv fuq il-prezzijiet tal-istrumenti finanzjarji kkonċernati jew fuq il-prezzijiet tal-istrumenti finanzjarji derivattivi relatati magħhom, għandha tiġi evalwata, a priori, fid-dawl tal-kontenut tal-informazzjoni inkwistjoni u tal-kuntest li fih tinsab. Għalhekk ma huwiex meħtieġ, sabiex jiġi stabbilit jekk informazzjoni hijiex informazzjoni minn ġewwa, li jiġi evalwat jekk l-iżvelar tagħha kellux fil-verità effett sinjifikattiv fuq il-prezz tal-istrumenti finanzjarji li għalihom tirrelata.

    (ara l-punti 67-69)

  3.  L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/6 dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-profitt ekonomiku li jirriżulta minn insider dealing jista’ jkun element rilevanti sabiex tiġi stabbilita sanzjoni effettiva, proporzjonata u dissważiva. Il-metodu tal-kalkolu ta’ dan il-profitt ekonomiku u, b’mod partikolari, id-data jew il-perijodu li għandhom jiġi kkunsidrati, għandhom jiġu stabbiliti mil-liġi nazzjonali.

    Jekk Stat Membru ħaseb għall-possibbiltà li, minbarra s-sanzjonijiet amministrattivi msemmija f’din id-dispożizzjoni, jimponi wkoll sanzjoni kriminali pekunjarja, għall-finijiet tal-evalwazzjoni dwar kemm is-sanzjoni hija effettiva, proporzjonata u dissważiva, ma għandhiex tiġi kkunsidrata l-possibbiltà u/jew il-livell ta’ eventwali sanzjoni kriminali ulterjuri. Fil-fatt, l-evalwazzjoni dwar kemm is-sanzjonijiet amministrattivi stipulati fid-Direttiva 2003/6 huma effettivi, proporzjonati u dissważivi ma għandhiex tiddependi minn sanzjoni ipotetika kriminali ulterjuri.

    (ara l-punti 76, 77 u d-dispożittiv 2, 3)

Top