Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0022

Sommarju tas-sentenza

Kawżi magħquda C-22/08 u C-23/08

Athanasios Vatsouras

u

Josif Koupatantze

vs

Arbeitsgemeinschaft (ARGE) Nürnberg 900

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sozialgericht Nürnberg)

“Ċittadinanza Ewropea — Moviment liberu tal-persuni — Artikoli 12 KE u 39 KE — Direttiva 2004/38/KE — Artikolu 24(2) — Evalwazzjoni tal-validità — Ċittadini ta’ Stat Membru — Attività professjonali fi Stat Membru ieħor — Livell tar-remunerazzjoni u tul tal-attività — Żamma ta’ status ta’ ‘ħaddiem’ — Dritt għal benefiċċji favur persuni li jkunu qed ifittxu x-xogħol”

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali D. Ruiz-Jarabo Colomer, ippreżentati fit-12 ta’ Marzu 2009   I ‐ 4588

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-4 ta’ Ġunju 2009   I ‐ 4609

Sommarju tas-sentenza

  1. Moviment liberu tal-persuni – Ħaddiema – Kunċett – Eżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol – Eżerċizzju ta’ attivitajiet reali u effettivi

    (Artikolu 39 KE)

  2. Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Direttiva 2004/38 – Deroga mill-prinċipju ta’ trattament ugwali taċ-ċittadini tal-Unjoni

    (Artikolu 39(2) KE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38, Artikolu 24(2))

  3. Dritt Komunitarju – Prinċipji – Trattament ugwali – Diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza – Projbizzjoni – Kamp ta’ applikazzjoni

    (Artikolu 12 KE)

  1.  Indipendentement mill-ammont limitat tar-remunerazzjoni u mit-tul qasir tal-attività professjonali, bħall-attività professjonali minuri eżerċitata għal żmien qasir u li ma hijiex suffiċjenti għall-finijiet tal-għejxien tal-persuna li twettaqha fejn l-attività damet ftit biss iktar minn xahar, ma jistax jiġi eskluż li din l-attività professjonali, wara evalwazzjoni ġenerali tar-relazzjoni ta’ xogħol inkwistjoni, ma tistax titqies mill-awtoritajiet nazzjonali bħala reali u effettiva, u li tippermetti, għaldaqstant, li min jeżerċitaha jingħata l-kwalità ta’ “ħaddiem” fis-sens tal-Artikolu 39 KE.

    F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ “ħaddiem” fis-sens tal-Artikolu 39 KE għandu portata Komunitarja u ma għandux jiġi interpretat b’mod restrittiv. Għandha titqies li hija “ħaddiem” kull persuna li teżerċita attivitajiet reali u effettivi, bl-esklużjoni ta’ attivitajiet daqshekk żgħar li jkunu purament marġinali u aċċessorji. Il-karatteristika tar-relazzjoni ta’ impjieg hija l-fatt li għal ċertu żmien, persuna twettaq favur persuna oħra u taħt id-direzzjoni tagħha, servizzi inkunsiderazzjoni ta’ remunerazzjoni.

    (ara l-punti 25, 26, 30)

  2.  Fir-rigward tad-dritt taċ-ċittadini tal-Istati Membri li qegħdin ifittxu xogħol fi Stat Membru ieħor, id-deroga mill-prinċipju ta’ trattament ugwali li jibbenefikaw minnu ċ-ċittadini tal-Unjoni li ma humiex ħaddiema impjegati, persuni li jaħdmu għal rashom, persuni li għandhom tali status u l-membri tal-familja tagħhom li jgħixu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, skont l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221, 68/360, 72/194, 73/148, 75/34, 75/35, 90/364, 90/365 u 93/96, li jipprovdi li l-Istat Membru ospitanti ma għandux ikun obbligat li jattribwixxi d-dritt ta’ għajnuna soċjali, b’mod partikolari lill-persuni li qegħdin ifittxu xogħol matul l-itwal perijodu li matulu għandhom id-dritt ta’ residenza f’dak l-Istat Membru, għandha tiġi interpretata b’mod konformi mal-Artikolu 39(2) KE.

    F’dan ir-rigward, iċ-ċittadini tal-Istati Membri li qegħdin ifittxu impjieg fi Stat Membru ieħor li stabbilixxew rabtiet reali mas-suq tax-xogħol ta’ dan l-Istat jistgħu jinvokaw l-Artikolu 39(2) KE sabiex jibbenefikaw minn benefiċċju ta’ natura finanzjarja intiż sabiex jiffaċilita l-aċċess għas-suq tax-xogħol. Huma l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u, jekk ikun il-każ, il-qrati nazzjonali, li għandhom mhux biss jikkonstataw l-eżistenza ta’ rabta reali mas-suq tax-xogħol, iżda għandhom ukoll janalizzaw l-elementi li jiffurmaw lill-imsemmi benefiċċju, b’mod partikolari l-għanijiet tiegħu u l-kundizzjonijiet għall-għoti tiegħu. L-għan tal-benefiċċju għandu jiġi eżaminat abbażi tar-riżultati tiegħu, u mhux abbażi tal-istruttura formali tiegħu. Għalhekk, ma jistgħux jitqiesu bħala “benefiċċji ta’ għajnuna soċjali”, fis-sens tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, il-benefiċċji ta’ natura finanzjarja li, indipendentement mill-kwalifika tagħhom fil-liġi nazzjonali, huma intiżi sabiex jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq tax-xogħol.

    (ara l-punti 34-35, 40-42, 44-46 u d-dispożittiv 1)

  3.  L-Artikolu 12 KE ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi liċ-ċittadini tal-Istati Membri mill-benefiċċji ta’ għajnuna soċjali mogħtija liċ-ċittadini ta’ Stati terzi.

    Fil-fatt, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 KE jipprojbixxi, fl-iskop ta’ applikazzjoni tat-Trattat, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tiegħu, kull diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità. Din id-dispożizzjoni tirrigwarda s-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, fejn ċittadin ta’ Stat Membru jkun ġie suġġett għal trattament diskriminatorju, meta mqabbel maċ-ċittadini ta’ Stat Membru ieħor, biss abbażi tan-nazzjonalità tiegħu, u ma tapplikax fil-każ ta’ eventwali differenza ta’ trattament bejn iċ-ċittadini tal-Istati Membri u dawk tal-Istati terzi.

    (ara l-punti 51-53 u d-dispożittiv 2)

Top