EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0014

Sommarju tas-sentenza

Kawża C-14/08

Roda Golf & Beach Resort SL

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de Primera Instancia e Instrucción no 5 de San Javier)

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Kunċett ta’ ‘kawża’ — Regolament (KE) Nru 1348/2000 — Notifika ta’ atti extra ġudizzjarji fin-nuqqas ta’ proċeduri legali — Att notarili”

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali D. Ruiz-Jarabo Colomer, ippreżentati fil-5 ta’ Marzu 2009   I ‐ 5442

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-25 ta’ Ġunju 2009   I ‐ 5472

Sommarju tas-sentenza

  1. Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Att adottat abbażi tat-Titolu IV tat-Tielet parti tat-Trattat – Regolament Nru 1348/2000 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali

    (Artikolu 68 KE)

  2. Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Att adottat abbażi tat-Titolu IV tat-Tielet parti tat-Trattat – Regolament Nru 1348/2000 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali

    (Artikolu 68 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1348/2000)

  3. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Notifika ta’ atti ġudizzjarji u extra ġudizzjarji – Regolament Nru 1348/2000 – Atti extra ġudizzjarji

    (Regolament tal-Kunsill Nru 1348/2000, Artikolu 16)

  4. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Notifika ta’ atti ġudizzjarji u extra ġudizzjarji – Regolament Nru 1348/2000 – Kamp ta’ applikazzjoni

    (Artikolu 65 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1348/2000, Artikoli 2(1) u (2), u 14)

  1.  Meta titressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 68 KE, hija ma tistax tiddeċiedi dwar kwistjoni li tikkonċerna l-possibbiltà jew le li jiġi ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni li l-qorti tar-rinviju għandha tagħti fil-proċeduri prinċipali peress li l-qorti tar-rinviju indikat fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari li d-deċiżjoni li hija għandha tagħti fil-kawża prinċipali ser tingħata fl-aħħar istanza.

    (ara l-punti 24, 28, 29)

  2.  Għalkemm ir-reġistratur ta’ qorti ta’ Stat Membru, li quddiemu titressaq talba għal notifika ta’ atti ġudizzjarji jew extra ġudizzjarji skont ir-Regolament Nru 1348/2000 jista’ jkun ikkunsidrat bħala li jaġixxi bħala awtorità amministrattiva mingħajr fl-istess ħin ma huwa mitlub jiddeċiedi fuq kawża, dan ma huwiex il-każ tal-qorti mitluba tiddeċiedi fuq ir-rikors ippreżentat kontra r-rifjut ta’ dan ir-reġistratur li jipproċedi għan-notifika mitluba. Fil-fatt, l-għan ta’ tali rikors huwa l-annullament tal-imsemmi rifjut, li allegatament jippreġudika dritt tar-rikorrent, jiġifieri d-dritt tiegħu li ċerti atti jiġu nnotifikati bil-mezzi previsti mir-Regolament Nru 1348/2000. Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju għandha quddiemha kawża u, għalhekk, teżerċita funzjoni ġudizzjarja.

    Il-fatt li r-reġistratur jagħmel parti mill-istruttura organizzattiva tal-qorti tar-rinviju ma jistax ipoġġi f’dubju din il-konklużjoni. Fil-fatt, dan il-fatt ma għandux effett fuq in-natura ġudizzjarja tal-funzjoni li teżerċita l-qorti tar-rinviju fil-kuntest tal-proċeduri prinċipali, minħabba li dawn il-proċeduri huma intiżi għall-annullament ta’ att li allegatament jippreġudika dritt tar-rikorrent.

    (ara l-punti 37-40)

  3.  Il-kunċett ta’ “dokument extra-ġudizzjarju” fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1348/2000, dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali, huwa kunċett tad-dritt Komunitarju. Fil-fatt, l-għan tat-Trattat ta’ Amsterdam li joħloq żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, u t-trasferiment, mit-Trattat UE lejn it-Trattat KE, tas-sistema li tippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri li jaqgħu taħt il-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili li għandhom effett transkonfinali jixhdu r-rieda tal-Istati Membri li jankraw tali miżuri fis-sistema legali Komunitarja u li jistabbilixxu b’hekk il-prinċipju tal-interpretazzjoni awtonoma tagħhom.

    (ara l-punti 48, 50)

  4.  In-notifika, fin-nuqqas ta’ proċeduri legali, ta’ att notarili taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1348/2000, dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali. F’dan ir-rigward, minħabba li s-sistema ta’ notifika intra-Komunitarja għandha bħala għan il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, il-kooperazzjoni ġudizzjarja prevista mill-Artikolu 65 KE u r-Regolament Nru 1348/2000 ma tistax tkun limitata biss għall-proċeduri legali, iżda tista’ timmanifesta ruħha wkoll fin-nuqqas ta’ tali proċeduri sa fejn l-imsemmija kooperazzjoni għandha effett transkonfinali u hija neċessarja għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

    Din l-interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ att extra ġudizzjarju ma toħloqx riskju li jiġi impost ammont eċċessiv ta’ xogħol fid-dawl tar-riżorsi tal-qrati nazzjonali, peress li, minn naħa, skont l-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament Nru 1348/2000, l-Istati Membri jistgħu wkoll jindikaw bħala aġenziji li jittrażmettu jew aġenziji li jirċievu għall-finijiet tan-notifika entitajiet oħra għajr dawn il-qrati u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 14 tal-imsemmi regolament jawtorizza wkoll lill-Istati Membri jipprevedu l-possibbiltà li n-notifika lill-persuni li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor issir direttament bil-posta. Skont l-Artikolu 16 tal-imsemmi regolament, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet huma applikabbli għan-notifika ta’ atti extra ġudizzjarji.

    (ara l-punti 55, 56, 59-61)

Top