EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0012

Sommarju tas-sentenza

Kawża C-12/08

Mono Car Styling SA, fi stralċ

vs

Dervis Odemis et

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour du travail de Liège)

“Talba għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 98/59/KE — Artikoli 2 u 6 — Proċedura ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni tal-persunal fil-każ ta’ tkeċċijiet kollettivi — Obbligi ta’ min iħaddem — Dritt għal rikors tal-ħaddiema — Ħtieġa ta’ interpretazzjoni konformi”

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Mengozzi, ippreżentati fil-21 ta’ Jannar 2009   I ‐ 6656

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tas-16 ta’ Lulju 2009   I ‐ 6686

Sommarju tas-sentenza

  1. Politika soċjali – Approssimazzjoni tal-liġijiet – Tkeċċijiet kollettivi – Direttiva 98/59 – Proċedura ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni tal-ħaddiema

    (Direttiva tal-Kunsill 98/59, Artikoli 2 u 6)

  2. Dritt Komunitarju – Prinċipji – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni tal-ħaddiema fil-każ ta’ tkeċċijiet kollettivi

    (Direttiva tal-Kunsill 98/59, Artikoli 2 u 6)

  3. Politika soċjali – Approssimazzjoni tal-liġijiet – Tkeċċijiet kollettivi – Direttiva 98/59 – Proċedura ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni tal-ħaddiema

    (Direttiva tal-Kunsill 98/59, Artikolu 2)

  1.  L-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies [tkeċċijiet] kollettivi, moqri flimkien mal-Artikolu 2 ta’ dan, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi proċeduri li jippermettu kemm lir-rappreżentanti tal-ħaddiema kif ukoll lil dawn tal-aħħar individwalment jiżguraw l-osservanza tal-obbligi previsti minn din id-direttiva, iżda tillimita d-dritt individwali tal-ħaddiema li jippreżentaw rikors f’dak li jirrigwarda l-ilmenti li jistgħu jiġu invokati u li tissuġġetta dan id-dritt għall-kundizzjoni li jkunu fformulati oġġezzjonijiet minn qabel fir-rigward ta’ min iħaddem mir-rappreżentanti tal-ħaddiema, kif ukoll għall-kundizzjoni li l-ħaddiem ikkonċernat ikun informa minn qabel lil min iħaddem dwar il-fatt li jkun qiegħed jikkontesta li l-proċedura ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni kienet ġiet osservata.

    Fil-fatt, id-dritt ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni previst fid-Direttiva 98/59, b’mod partikolari fl-Artikolu 2 ta’ din, huwa intiż b’mod li jibbenefikaw il-ħaddiema bħala grupp u għalhekk għandu natura kollettiva. Il-livell ta’ protezzjoni ta’ dan id-dritt kollettiv mitlub mill-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva jintlaħaq billi l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli tagħti lir-rappreżentanti tal-ħaddiema dritt li jippreżentaw rikors li mhuwiex suġġett għal limiti jew għal kundizzjonijiet speċifiċi.

    (ara l-punti 42, 43, 45 u d-dispożittiv 1)

  2.  Iċ-ċirkustanza li leġiżlazzjoni nazzjonali, li tistabbilixxi għar-rappreżentanti tal-ħaddiema proċeduri li jippermettulhom li jiżguraw l-osservanza minn min iħaddem tal-obbligi kollha ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni stabbiliti mid-Direttiva 98/59, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies [tkeċċijiet] kollettivi, hija suġġetta għal limiti u tagħmel kundizzjonijiet fuq id-dritt individwali ta’ kull ħaddiem suġġett għal tkeċċija kollettiva li jippreżenta rikors mhijiex ta’ natura li tikser il-prinċipju ta’ protezzjoni legali effettiva.

    (ara l-punt 52 u d-dispożittiv 2)

  3.  L-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/59, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies [tkeċċijiet] kollettivi, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tnaqqas l-obbligi ta’ min iħaddem li jkun biħsiebu jagħti tkeċċijiet kollettivi meta mqabbla ma’ dawk previsti f’dan l-Artikolu 2. Fl-applikazzjoni tad-dritt intern, il-qorti nazzjonali għandha, skont il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi mad-dritt nazzjonali, tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli kollha ta’ dan id-dritt u tinterpretahom, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-Direttiva 98/59 sabiex jintlaħaq ir-riżultat mixtieq tagħha. Konsegwentement għandha tiżgura, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, li l-obbligi ta’ min iħaddem ma jitnaqqsux meta mqabbla ma’ dawk stabbiliti fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva.

    (ara l-punt 65 u d-dispożittiv 3)

Top