Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007TJ0438

    Sommarju tas-sentenza

    Kawża T-438/07

    Spa Monopole, compagnie fermière de Spa SA/NV

    vs

    L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

    “Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali SpagO — Trade mark nazzjonali verbali preċedenti SPA — Raġuni relattiva għal rifjut — Nuqqas ta’ preġudizzju għar-reputazzjoni — Artikolu 8(5) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(5) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”

    Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tmien Awla) tat-12 ta’ Novembru 2009   II ‐ 4119

    Sommarju tas-sentenza

    1. Trade mark Komunitarja – Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu – Protezzjoni tat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni estiża lil prodotti jew servizzi li ma jixxibhux – Kundizzjonijiet – Dannu lill-karattru distintiv jew lir-reputazzjni tat-trade mark preċedenti – Arrikkiment indebitu min-natura distintiva jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti – Kriterji ta’ evalwazzjoni

      (Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(5))

    2. Trade mark Komunitarja – Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu – Protezzjoni tat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni estiża lil prodotti jew servizzi li ma jixxibhux

      (Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(5))

    1.  L-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja hija suġġetta għat-tliet kundizzjonijiet segwenti, jiġifieri, l-ewwel nett, l-identiċità jew ix-xebh tat-trade marks konfliġġenti, it-tieni nett, l-eżistenza ta’ reputazzjoni tat-trade mark preċedenti invokata insostenn tal-oppożizzjoni u, it-tielet nett, l-eżistenza ta’ probabbiltà li l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jirriżulta f’vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jew jikkawżalhom ħsara. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi u n-nuqqas ta’ waħda minnhom hija biżżejjed sabiex tirrendi din id-dispożizzjoni inapplikabbli.

      Il-ħsara msemmija fl-Artikolu 8(5) tal-imsemmi regolament, meta sseħħ, hija l-konsegwenza ta’ ċertu grad ta’ xebh bejn it-trade marks konfliġġenti, li minħabba fih il-pubbliku kkonċernat jagħmel konnessjoni bejn dawn it-trade marks, jiġifieri jistabbilixxi rabta bejniethom, anki jekk ma jħawwadhomx.

      L-eżistenza ta’ rabta bħal din għandha tiġi evalwata b’mod globali, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni, b’mod partikolari, il-grad ta’ xebh bejn it-trade marks konfliġġenti, in-natura tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom it-trade marks konfliġġenti huma rreġistrati rispettivament, inkluż il-grad ta’ xebh jew ta’ nuqqas ta’ xebh bejn dawn il-prodotti jew servizzi kif ukoll il-pubbliku kkonċernat, l-intensità tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti u l-eżistenza ta’ possibbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku.

      (ara l-punti 14-16)

    2.  Is-sinjal verbali SpagO, li r-reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark Komunitarja hija mitluba għal “Xorb alkoħoliku (bl-eċċezzjoni tal-birer)” taqa’ taħt il-klassi 33 tal-Ftehim ta’ Nice, għandu biss xebh minimu mat-trade mark SPA, irreġistrata preċedentement fil-Benelux għall-“ilmijiet minerali u effervexxenti u xorb ieħor mhux alkoħoliku; xroppi u preparazzjonijiet oħra biex tagħmel xarbiet”, li jaqgħu taħt il-klassi 32 tal-imsemmi ftehim. Dan ix-xebh ma huwiex biżżejjed sabiex il-konsumatur ikkonċernat jistabbilixxi rabta bejn is-sinjali konfliġġenti fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja.

      Fid-dawl tal-fatt illi s-sinjali konfliġġenti huma qosra, il-pubbliku ġenerali tal-pajjiżi tal-Benelux sejjer jiffoka fuq il-kelma kollha. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat illi, peress illi l-istruttura tas-sinjal tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija żgħira u sempliċi, il-probabbiltà li l-konsumatur medju jipprova jaqsam is-sinjal SpagO fiż-żewġ kelmiet, “spa” u “go” hija remota.

      Fuq il-livell viżiv, l-impressjoni ġenerali prodotta, minn naħa, mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u, min-naħa l-oħra, mit-trade mark preċedenti li hija iqsar, hija differenti għaliex fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ġie miżjud is-suffiss “go”. Bl-istess mod, fuq il-livell fonetiku, għalkemm iż-żewġ sinjali konfliġġenti jibdew bi “spa”, iż-żieda tal-element “go” fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tippermetti illi tinħoloq distinzjoni bejniethom. Fil-fatt, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni titlissen bħala kelma qasira, mingħajr pawżi mtawla bejn is-sillabi u li fiha s-sillaba “spa” ma għandhiex rwol awtonomu, iżda hija strettament marbuta mat-tieni sillaba “go”.

      Fuq il-livell kunċettwali, l-ebda paragun ma huwa possibbli. F’moħħ il-pubbliku rilevanti, it-trade mark preċedenti tirreferi għall-belt ta’ Spa (il-Belġju), magħrufa għall-ilmijiet minerali u l-banjijiet termali tagħha, għall-korsa tat-tlielaq tal-karozzi Belġjana ta’ Spa-Francorchamps jew għat-tifisra deskrittiva tagħha bħala sors termali bħalma huma l-banjijiet Torok jew is-sawni. Min-naħa l-oħra, it-terminu “spago” huwa kelma vvintata li ma għandha l-ebda tifsira f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-pajjiżi tal-Benelux.

      Fir-rigward tan-natura tal-prodotti inkwistjoni, il-kontenut alkoħoliku tax-xorb jippermetti li ssir distinzjoni bejnu u l-ilma u x-xorb li ma huwiex alkoħoliku. Il-karatteristiċi ta’ dawn ix-xarbiet huma differenti. Filwaqt illi x-xorb alkoħoliku huwa ġeneralment ikkunsmat f’sitwazzjonijiet speċjali u soċjali, l-ilma u x-xorb li mhux alkoħoliku jinxtorbu kuljum. Barra minn hekk, ix-xorb tal-ilma jikkorrispondi għal ħtieġa vitali. Il-konsumatur medju, meqjus li huwa normalment informat, raġonevolment attent u prudenti, huwa attent għal din id-distinzjoni bejn xarbiet alkoħoliċi u mhux alkoħoliċi, li hija barra minn hekk neċessarja, peress li xi konsumaturi ma jixtiqux, jew saħansitra ma jistgħux, jikkonsmaw alkoħol. Barra minn hekk, il-prezz tax-xorb alkoħoliku huwa ġeneralment ferm ogħla min dak tax-xorb li mhux alkoħoliku. Minbarra dan, il-kummerċjalizzazzjoni tal-alkoħol hija ferm iktar regolamentata. Il-kummerċjalizzazzjoni tal-alkoħol hija b’mod partikolari marbuta mal-kisba ta’ liċenzja għall-bejgħ u biex wieħed jixtri xorb alkoħoliku jeħtieġ li jkun ta’ ċerta età.

      Għaldaqstant, fid-dawl tad-differenza fin-natura tal-prodotti koperti mit-trade marks konfliġġenti l-element “spa” fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma huwiex ser jiġi pperċepit, mill-konsumatur medju fil-pajjiżi tal-Benelux, bħala li għandu x’jaqsam mal-ilmijiet minerali kkummerċjalizzati taħt it-trade mark preċedenti.

      (ara l-punti 18, 21, 24, 26, 28-31)

    Top