Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007TJ0425

    Sommarju tas-sentenza

    Kawżi magħquda T-425/07 u T-426/07

    Agencja Wydawnicza Technopol sp. z o.o.

    vs

    L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

    “Trade mark Komunitarja — Applikazzjonijiet għat-trade marks Komunitarji figurattivi 100 u 300 — Dikjarazzjoni dwar il-portata tal-protezzjoni — Artikolu 38(2) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 37(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009] — Nuqqas ta’ karattru distintiv”

    Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tieni Awla) tad-19 ta’ Novembru 2009   II ‐ 4278

    Sommarju tas-sentenza

    1. Trade mark Komunitarja – Proċedimenti għal reġistrazzjoni – Eżami tal-applikazzjoni – Trade mark li għandha element li ma huwiex ta’ karattru distintiv – Possibbiltà għall-Uffiċċju li jitlob dikjarazzjoni dwar dan l-element

      (Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 38(2))

    2. Trade mark Komunitarja – Proċedimenti għal reġistrazzjoni – Eżami tal-applikazzjoni – Trade mark li għandha element li ma huwiex ta’ karattru distintiv – Possibbiltà għall-Uffiċċju li jitlob dikjarazzjoni dwar dan l-element

      (Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 38(2))

    1.  Fir-rigward tas-sinjali figurattivi magħmula, minn naħa, min-numri 100 u 300 u, min-naħa l-oħra, minn elementi figurattivi bħall-kuluri, il-borduri, iż-żigarelli, u t-tipa użata, li għalihom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala trade mark Komunitarja għal — “posters, albums, ktejjeb, magazins, formoli, stampi, gazzetti, kalendarji, tislibiet, rebus” u “puzzles, ħwejjeġ moħġaġa, jigsaw puzzles”, li jaqgħu taħt il-klassijiet 16 u 28 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice rispettivament, l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) jista’ jitlob, bħala kundizzjoni sabiex it-trade mark tiġi rreġistrata, li l-applikant jistqarr li huwa jirrinunzja d-dritt esklużiv fuq in-numri.

    2.  In-numri 100 u 300 jirreferu għal kwantitajiet u ser ikunu pperċepiti minnufih u mingħajr ebda riflessjoni oħra mill-konsumatur medju fil-Komunità Ewropea kollha bħala deskrizzjoni tal-karatteristiċi tal-prodotti inkwistjoni, b’mod partikolari, tal-kwantità ta’ posters fil-lottijiet ta’ bejgħ, tal-kwantità ta’ paġni tal-pubblikazzjonijiet jew tal-kwantità tal-biċċiet tal-jigsaw puzzles jew ħwejjeġ moħġaġa, li jiddeterminaw il-grad ta’ diffikultà tagħhom, u dawn huma karatteristiċi essenzjali għall-konsumatur sabiex jiddeċiedi li jixtri. Għaldaqstant, il-pubbliku rilevanti ser jipperċepixxi dawn in-numri bħala li jipprovdu informazzjoni dwar il-prodotti koperti, u mhux li jindikaw l-oriġini tal-prodotti inkwistjoni.

      Fir-rigward tal-eżistenza ta’ dubji dwar il-portata tal-protezzjoni, l-elementi figurattivi tat-trade marks li għalihom saret applikazzjoni, jiġifieri l-kuluri, il-borduri, iż-żigarelli, u t-tipa użata, huma wisq komuni sabiex iħallu xi impressjoni f’moħħ il-konsumatur. Madankollu n-numri, bħala elementi verbali uniċi, jistgħu jattiraw iktar l-attenzjoni tal-konsumaturi kkonċernati u b’hekk ikollhom pożizzjoni dominanti fl-impressjoni li t-trade marks li għalihom saret applikazzjoni jagħtu. Jekk ma tiġi imposta ebda kundizzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade marks li għalihom saret applikazzjoni, tista’ għaldaqstant tingħata l-impressjoni li d-drittijiet esklużivi jestendu għall-elementi “100” u “300”, u għalhekk, jipprekludu l-użu tagħhom fi trade marks oħra. Konsegwentement, l-inklużjoni ta’ dawn is-sinjali fit-trade marks li għalihom saret applikazzjoni setgħet tqajjem dubji dwar il-portata tal-protezzjoni mogħtija lilhom.

      (ara l-punti 24, 25, 27, 28)

    3.  Meta trade mark għandha element li ma huwiex ta’ karattru distintiv, u jekk l-inklużjoni ta’ dan l-element fit-trade mark jista’ jqajjem dubji dwar il-portata tal-protezzjoni mogħtija, l-Artikolu 38(2) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja jagħti lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) l-possibbiltà li jitlob, bħala kundizzjoni sabiex it-trade mark tiġi rreġistrata, li l-applikant jistqarr li huwa jirrinunzja kull dritt esklużiv f’dak l-element.

      Il-funzjoni ta’ din l-istqarrija, magħrufa fil-prattika bħala “disclaimers”, hija li tenfasizza l-fatt li d-dritt esklużiv mogħti lill-proprjetarju ta’ trade mark ma jestendix għall-elementi li jifformawha li ma humiex ta’ karattru distintiv. B’dan il-mod, l-applikanti potenzjali jkunu jafu li l-elementi, li ma humiex ta’ karattru distintiv, ta’ trade mark irreġistrata li huma s-suġġett ta’ tali dikjarazzjoni, huma xorta waħda disponibbli.

      Il-konsegwenzi tan-nuqqas tad-dikjarazzjoni meħtieġa mill-Uffiċċju huma stabbiliti fir-Regola 11(3) tar-Regolament Nru 2868/95, li jimplementa r-Regolament Nru 40/94. Jekk, l-applikant ma jippreżentax id-dikjarazzjoni mitluba mill-UASI fiż-żmien previst, dan tal-aħħar jista’ jirrifjuta l-applikazzjoni fl-intier tagħha jew parti minnha.

      (ara l-punti 18-20)

    Top