Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007TJ0122

Sommarju tas-sentenza

Keywords
Summary

Keywords

1. Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Oneru tal-Kummissjoni fir-rigward tal-prova tal-ksur u tat-tul tiegħu — Portata tal-oneru probatorju

(Artikolu 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003)

2. Kompetizzjoni — Akkordji — Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Għan antikompetittiv — Natura suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat ksur

(Artikolu 81(1) KE)

3. Kompetizzjoni — Akkordji — Ksur — Natura unika tal-ksur — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikolu 81(1) KE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53)

4. Kompetizzjoni — Multi — Prinċipju ta’ individwalità tal-pieni — Konċiljazzjoni mal-kunċett ta’ impriża

(Artikolu 81(1) KE)

5. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Dħul mill-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni

(Artikolu 81(1) KE)

6. Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Ksur imwettaq minn sussidjarja — Imputazzjoni lill-kumpannija parent — Oneru tal-prova tal-Kummissjoni — Limiti

(Artikolu 81(1) KE)

7. Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Ksur — Imputazzjoni — Imputazzjoni tal-kumpannija parent għal ksur imwettaq minn sussidjarja — Limiti

(Artikolu 81(1) KE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53)

8. Kompetizzjoni — Akkordji — Impriża — Kunċett — Unità ekonomika — Imputazzjoni tal-ksur — Kumpannija parent u impriżi sussidjarji — Responsabbiltà in solidum tal-kumpanniji kkonċernati

(Artikolu 81(1) KE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

9. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ dinji mill-bejgħ ta’ merkanzija li hija s-suġġett tal-ksur — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15)

10. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni

(Artikolu 81(1) KE)

11. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Ammont massimu — Kalkolu — Dħul mill-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni — Dħul mill-bejgħ akkumulat tal-kumpanniji kollha li jifformaw l-entità ekonomika li taġixxi bħala impriża

(Artikolu 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3))

12. Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Ksur imwettaq minn sussidjarja — Imputazzjoni lill-kumpannija parent — Effetti — Żamma tar-responsabbiltà individwali tas-sussidjarja

(Artikolu 81(1) KE)

13. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Ċirkustanzi attenwanti — Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni

(Artikolu 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 3)

14. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Ċirkustanzi attenwanti — Portata

(Artikolu 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

15. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Nuqqas ta’ impożizzjoni jew ta’ tnaqqis tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża implikata — Neċessità ta’ aġir li ffaċilita l-konstatazzjoni tal-ksur mill-Kummissjoni

(Artikolu 81 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2002/C 45/03)

16. Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Portata tal-prinċipju — Limiti — Dritt tal-impriża li teżamina x-xhieda kontra tagħha — Esklużjoni

(Artikolu 81(1) KE)

17. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Konstatazzjoni ta’ illegalità — Neċessità għall-Qorti Ġenerali li tagħti deċiżjoni dwar it-tibdil tad-deċiżjoni skont il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha

(Artikolu 229 KE)

Summary

1. Hija l-parti jew l-awtorità li tallega ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni li għandha tipproduċi l-prova ta’ dan billi tistabbilixxi, b’mod suffiċjenti skont il-liġi, il-fatti li jikkostitwixxu ksur, u hija l-impriża li tinvoka l-benefiċċju ta’ eċċezzjoni kontra konstatazzjoni ta’ ksur li għandha tipproduċi l-prova li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dik l-eċċezzjoni huma sodisfatti, b’mod li l-imsemmija awtorità jkollha għaldaqstant tirrikorri għal provi oħra.

Il-prinċipju ġenerali li l-Kummissjoni għandha tipprova l-elementi kollha li jikkostitwixxu l-ksur, inkluż it-tul tiegħu, li jista’ jkollhom effett fuq il-konklużjonijiet definittivi tagħha fir-rigward tal-gravità ta’ tali ksur, ma huwiex ikkontestat mill-fatt li l-impriżi kkonċernati qajmu eċċezzjoni bbażata fuq il-preskrizzjoni, fejn l-oneru tal-prova jistrieħ, bħala regola, fuq dawn tal-aħħar. Fil-fatt, l-invokazzjoni ta’ tali eċċezzjoni timplika neċessarjament l-istabbiliment tat-tul tal-ksur kif ukoll tad-data li fiha dan waqaf. Issa, dawn iċ-ċirkustanzi ma jistgħux jiġġustifikaw, waħedhom, trasferiment tal-oneru tal-prova f’dan ir-rigward għad-detriment tal-imsemmija impriżi. Minn naħa, it-tul ta’ ksur, kunċett li jippreżumi li d-data finali tiegħu tkun magħrufa, jikkostitwixxi wieħed mill-elementi essenzjali tal-ksur, li l-oneru tal-prova tiegħu huwa fuq il-Kummissjoni, indipendentement mill-fatt li l-kontestazzjoni ta’ dawk l-elementi tifforma wkoll parti mill-eċċezzjoni bbażata fuq il-preskrizzjoni. Min-naħa l-oħra, din il-konklużjoni hija ġġustifikata mill-fatt li n-nuqqas ta’ preskrizzjoni tal-proċedimenti mill-Kummissjoni, abbażi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2003, jikkostitwixxi kriterju legali oġġettiv, li jirriżulta mill-prinċipju ta’ ċertezza legali u għaldaqstant, kundizzjoni tal-validità ta’ kull deċiżjoni ta’ sanzjoni. Fil-fatt, l-osservanza ta’ din il-kundizzjoni hija r-responsabbiltà tal-Kummissjoni anki jekk l-impriża ma tkunx qajment eċċezzjoni f’dan ir-rigward.

Madankollu, dan it-tqassim tal-oneru tal-prova jista’ jvarja meta l-fatti li parti tinvoka jistgħu jkunu tat-tip li jobbligaw lill-parti l-oħra sabiex tagħti spjegazzjoni jew ġustifikazzjoni, fin-nuqqas ta’ liema’ jista’ jiġi konkluż li l-prova tkun ingħatat. B’mod partikolari, meta l-Kummissjoni tkun ipproduċiet il-prova tal-eżistenza ta’ ftehim, huwa l-obbligu tal-impriżi li jkunu ħadu sehem f’dan il-ftehim li għandhom jipproduċu l-prova li huma żammew id-distanzi minnu, prova li għandha turi rieda ċara, u miġjuba għall-għarfien tal-impriżi parteċipanti l-oħra li ma tibqax tifforma parti minn dan il-ftehim.

(ara l-punti 52-55, 60)

2. Mit-test innifsu tal-Artikolu 81(1) KE jirriżulta li l-akkordji bejn impriżi huma pprojbiti, indipendentement minn kwalunkwe effett, meta dawn ikollhom għan antikompetittiv. Konsegwentement, ma huwiex rikjest li jiġu murija effetti antikompetittivi reali, fejn jiġi stabbilit l-għan antikompetittiv tal-aġir inkwistjoni.

(ara l-punt 75)

3. Il-Qrati tal-Unjoni identifikaw diversi kriterji rilevanti għall-evalwazzjoni tan-natura unika ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), jiġifieri l-identità tal-għanijiet tal-prattiki inkwistjoni, l-identità tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati, l-identità ta’ impriżi li pparteċipaw fih u l-identità tar-regoli tal-implementazzjoni tiegħu. Kriterji rilevanti oħra huma l-identità ta’ persuni fiżiċi involuti f’isem impriżi u l-identità tal-kamp ta’ applikazzjoni ġeografika tal-prattiki inkwistjoni.

(ara l-punt 90)

4. Skont il-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet, persuna, fiżika jew ġuridika, għandha tiġi ssanzjonata biss għall-fatti li tkun akkużata bihom individwalment, prinċipju li huwa applikabbli f’kull proċedura amministrattiva li tista’ tagħti lok għal sanzjonijiet taħt ir-regoli tal-Komunità fuq il-kompetizzjoni. Madankollu, dan il-prinċipju għandu jiġi kkonċiljat mal-kunċett ta’ impriża, fis-sens tal-Artikolu 81 KE. F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ impriża jinkludi entitajiet ekonomiċi li kull waħda minnhom tikkonsisti f’organizzazzjoni unitarja ta’ elementi personali, tanġibbli u intanġibbli, li jfittxu għan ekonomiku speċifiku fuq medda ta’ żmien u li jistgħu jikkontribwixxu għat-twettiq ta’ ksur tat-tip imsemmi f’dik id-dispożizzjoni. Fil-fatt, id-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni jirrikonoxxi li kumpanniji differenti li jappartjenu lill-istess grupp jikkostitwixxu entità ekonomika, u għaldaqstant impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE, jekk il-kumpanniji sussidjarji tal-grupp ma jiddeterminawx b’mod awtonomu l-aġir tagħhom fis-suq.

Għaldaqstant hemm lok li tiġi miċħuda d-dikjarazzjoni li l-fatt li impriża li tipparteċipa fi ksur hija kkostitwita minn numru ta’ kumpanniji differenti ma jwassalx għar-riżultat li dawn tal-aħħar għandhom jiġu ttrattati bħala parteċipant wieħed fil-ksur. Fil-fatt, din id-dikjarazzjoni tirriżulta minn konfużjoni bejn il-kunċett ta’ impriża u dak ta’ kumpannija u ma ssib ebda sostenn fil-ġurisprudenza.

(ara l-punti 122, 123)

5. Fil-qasam tal-kompetizzjoni, l-applikazzjoni retroattiva, mill-Kummissjoni, tal-kunċett ta’ unità ekonomika, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, twassal għal sanzjoni aggravata u, għaldaqstant, ma tiksirx l-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem, li ma għandhiex tingħata piena ikbar minn dik li kienet applikabbli fiż-żmien meta jkun seħħ il-ksur. Fil-fatt, peress li l-prassi tal-Kummissjoni li tikkonsisti fit-teħid inkunsiderazzjoni, għall-kalkolu tal-ammont tal-multa, tad-dħul mill-bejgħ tal-impriża - u għaldaqstant, jekk ikun il-każ, tad-dħul mill-bejgħ akkumulat mill-kumpanniji kollha li jifformaw din l-impriża - kienet uniformi matul iż-żmien, hija għandha għalhekk tkun magħrufa mill-atturi ekonomiċi. Barra minn hekk il-prattika stabbilita tal-Kummissjoni li tikkonsisti fit-teħid inkusiderazzjoni, għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont inizjali tal-multi, tad-dħul mill-bejgħ li jikkonċerna l-aħħar sena sħiħa tal-ksur, ġiet aċċettata b’mod impliċitu mill-ġurisprudenza.

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, il-portata dissważiva tal-multi hija waħda mill-elementi li permezz tagħhom għandha tiġi stabbilita l-gravità tal-ksur. Issa, in-natura dissważiva ta’ multa tiddependi ħafna fuq in-natura suffiċjentement sensibbli għall-impiża kkonċernata. Għaldaqsant, sabiex tkun tista’ titkejjel in-natura dissważiva ta’ multa fir-rigward ta’ impriża li tkun ipparteċipat fi ksur, jeħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni eżistenti fi tmiem il-ksur u mhux dik li setgħet kienet teżisti f’mument preċedenti. Fit-tieni lok, ma jkunx possibbli u għal kollox eċċessiv, fir-rigward tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tar-rekwiżiti ta’ ekonomija proċedurali amministrattiva, li l-Kummissjoni tintalab tieħu inkunsiderazzjoni l-iżvilupp tad-dħul mill-bejgħ tal-impriżi inkwistjoni matul il-perijodu kollu tal-funzjonament ta’ akkordju. Tali approċċ ikun jimplika li jiġi kkalkolat l-ammont inizjali tal-multa speċifiku għal kull sena ta’ sħubija fl-akkordju u, għal dan il-għan, li jiġu ddeterminati l-ishma rispettivi tal-parteċipanti għal kull sena tal-ksur.

(ara l-punti 124-127)

6. Fil-qasam tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tista’ raġonevolment tippreżumi li kumpannija li tkun 100 % sussidjarja ta’ kumpannija parent tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet mogħtija lilha minn din tal-aħħar u li din il-preżunzjoni timplika li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tivverifika jekk il-kumpannija parent effettivament eżerċitatx din is-setgħa. L-imputazzjoni lill-kumpannija parent tal-aġir ta’ kumpannija li tkun 100 % sussidjarja għalhekk ma tippreżumix il-prova li l-kumpannija parent kellha għarfien dwar l-aġir tas-sussidjarja. B’mod kuntrarju huwa l-obbligu tal-kumpannija parent, meta tikkunsidra li minkejja s-sehem 100 % tagħha fil-kapital tas-sussidjarja tagħha, din tal-aħħar tiddetermina b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, li tirribatti din il-preżunzjoni billi tipprovdi provi suffiċjenti.

(ara l-punt 130)

7. L-entitajiet ġuridiċi li pparteċipaw fuq bażi individwali fil-ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u li, sussegwentement, ġew akkwistati minn kumpannija oħra jibqgħu responsabbli huma stess għall-aġir illegali ta’ qabel l-akkwist tagħhom, meta dawn ma jkunux ġew purament u sempliċiment assorbiti mill-akkwirent, iżda komplew l-attivitajiet tagħhom bħala sussidjarji. F’tali każ, l-akkwirent ikun jista’ jinżamm responsabbli biss għall-aġir tas-sussidjarja tiegħu sa mill-akkwist tagħha, jekk is-sussidjarja tkompli bil-ksur u jekk tkun tista’ tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-kumpannija parent il-ġdida.

Barra minn dan, l-istess prinċipju għandu japplika, mutatis mutandis , fl-ipoteżi fejn, wara l-akkwist tagħha, il-kumpannija akkwistata tipparteċipa fil-ksur mhux fuq bażi individwali, iżda bħala sussidjarja ta’ grupp ieħor.

(ara l-punti 139, 141)

8. Ir-responsabbiltà in solidum bejn kumpanniji għall-ħlas tal-multi pagabbli minħabba ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) huwa effett ġuridiku li jirriżulta, ex lege , mid-dispożizzjonijiet materjali ta’ dawn l-artikoli.

L-uniformità tal-aġir tal-impriża fis-suq tiġġustifika, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni, li l-kumpanniji jew, b’mod iktar ġenerali, is-suġġetti tad-dritt li jistgħu jinżammu personalment responsabbli, ikunu obbligati in solidum . Ir-responsabbiltà in solidum għall-ħlas tal-multi imposti għal ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, sa fejn dan jikkontribwixxi sabiex jiġi żgurat il-ħlas effettiv tal-imsemmija multi, jifforma parti mill-għan ta’ dissważjoni li huwa b’mod ġenerali mfittex mid-dritt tal-kompetizzjoni u dan b’osservanza tal-prinċipju ne bis in idem , li huwa prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, li huwa wkoll stabbilit mill-Artikolu 4 tal-protokoll Nru 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem, li jipprojbixxi, li l-istess aġir ta’ impriża fis-suq jiġi ssanzjonat iktar minn darba għall-istess ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, permezz tas-suġġetti tad-dritt li jistgħu jinżammu personalment responsabbli għalih.

Il-fatt li r-responsabbiltajiet personali inkorsi minn numru ta’ kumpanniji minħabba l-parteċipazzjoni tal-istess impriża fi ksur ma humiex identiċi ma jostakolax il-fatt li dawn jingħataw multa li għandha titħallas in solidum , ladarba l-ħlas in solidum tal-multa jkopri biss il-perijodu tal-ksur li matulu huma kienu jifformaw unità ekonomika waħda u għaldaqstant kienu jikkostitwixxu impriża, fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, mill-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet jirriżulta li kull kumpannija għandha tkun tista’ tiddeduċi, mid-deċiżjoni li timponi multa fuqha pagabbli in solidum ma’ kumpannija jew iktar, is-sehem li hija ser ikollha tħallas fir-relazzjoni mal-ko-debituri in solidum tagħha, ladarba dan ma jkunx sar mill-Kummissjoni. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha b’mod partikolari tippreċiża l-perijodi li matulhom il-kumpanniji kkonċernati huma (ko)responsabbli għal aġir illegali ta’ impriżi li pparteċipaw fl-akkordju u, jekk ikun il-każ, il-livell ta’ responsabbiltà tal-imsemmija kumpanniji għal dan l-aġir.

Għalhekk, id-deċiżjoni li biha l-Kummissjoni timponi fuq diversi kumpanniji l-obbligu li jħallsu in solidum multa neċessarjament tipproduċi l-effetti kollha marbuta, ex lege , mas-sistema legali tal-ħlas tal-multi fid-dritt tal-kompetizzjoni, u dan kemm fir-relazzjonijiet bejn il-kreditur u l-kodebituri in solidum kif ukoll fir-relazzjonijiet tal-kodebituri in solidum bejniethom.

Huwa l-obbligu esklużiv tal-Kummissjoni, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha li timponi multi, skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, li tiddetermina s-sehem rispettiv tal-kumpanniji differenti fl-ammonti li huma kkundannati jħallsu in solidum , sa fejn dawn kienu jifformaw parti mill-istess impriża u dan il-kompitu ma jistax jitħalla f’idejn il-qrati nazzjonali.

Fin-nuqqas ta’ indikazzjoni kuntrarja fid-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni timponi multa pagabbli in solidum fuq diversi kumpanniji minħabba aġir illegali ta’ impriża, din tattribwilhom responsabbiltà indaqs għall-imsemmi aġir. Il-kumpanniji li fuqhom tiġi imposta multa pagabbli in solidum u li jinkorru, sakemm ma ssirx indikazzjoni kuntrarja fid-deċiżjoni li timponi l-multa, responsabbiltà indaqs għat-twettiq tal-ksur għandhom, bħala prinċipju, jikkontribwixxu f’partijiet indaqs għall-ħlas tal-multa imposta minħabba dan il-ksur. Għalkemm id-deċiżjoni li fiha tkun ġiet imposta fuq diversi kumpanniji multa pagabbli in solidum ma tippermettix li tiġi ddeterminata, a priori , liema minn dawn il-kumpanniji għandha effettivament tintalab tħallas l-ammont tal-multa lill-Kummissjoni, din ma tħalli madankollu ebda dubju dwar l-ishma tal-ammont tal-multa pagabbli minnhom, b’tali mod li kull waħda minnhom tista’, jekk ikun il-każ, tipproċedi kontra l-kodebituri in solidum tagħha għall-irkupru tas-somom li hija kellha tħallas minbarra sehemha.

(ara l-punti 149, 151-153, 156-158)

9. Fil-każ ta’ akkordju ta’ skala dinjija li jinkludi, minbarra l-iffissar tal-prezzijiet, it-tqassim tas-swieq, il-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ dinji magħmul mill-bejgħ tal-prodott inkwistjoni, sabiex tesprimi, f’termini ta’ ammonti inizjali, in-natura tal-ksur, l-inċidenza reali fis-suq kif ukoll il-firxa tas-suq ġeografiku, fid-dawl tad-diskrepanza fid-daqs bejn il-membri fl-akkordju. Peress li r-Renju Unit u l-Irlanda, meħuda flimkien, jikkostitwixxu parti importanti tas-suq komuni, preġudizzju kkważat fir-rigward tal-kompetizzjoni f’dawn is-swieq ma jistax jiġi kkwalifikat bħala minuri. Peress li l-ksur attribwit lir-rikorrenti fid-deċiżjoni kkontestata jinkludi preċiżament l-ilment li l-impriżi kkonċernati qasmu swieq nazzjonali differenti fuq il-livell Ewropew, permezz ta’ sistema ta’ “pajjiżi kostrutturi”, il-fatt, fir-rigward tal-impriża rikorrenti li, skont tali ftehim illegali, hija llimitat l-attivitajiet tagħha fi ħdan is-suq komuni għas-swieq domestiċi tagħha ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ċirkustanza attenwanti. Fl-aħħar nett, meta l-parteċipanti f’akkordju illegali nnifishom jieħdu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ dinji tagħhom, sabiex jiffissaw il-kwoti individwali tagħhom fi ħdan l-akkordju, kwoti li japplikaw kemm fuq il-livell Ewropew – minbarra “pajjiżi kostrutturi” – kif ukoll fuq il-livell dinji, il-Kummissjoni tkun iġġustifikata, għall-finijiet ta’ evalwazzjoni tal-piżijiet speċifiċi tal-impriżi differenti implikati, li tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ fuq il-livell dinji.

(ara l-punti 170, 171)

10. Id-dritt Komunitarju ma jeżiġix li l-multi impost fuq kumpanniji differenti fi ħdan impriża waħda għandhom ikunu proporzjonali mat-tul tal-parteċipazzjoni attribwita lil kull waħda minn dawn il-kumpanniji. Konsegwentement, paragun bejn l-ammont f’Euro, għal kull xahar ta’ parteċipazzjoni fil-ksur, applikat għal żewġ kumpanniji kkritikati b’parteċipazzjonijiet ta’ tul differenti ma jistax jiżvela inugwaljanza ta’ trattament.

Għaldaqstant, ma jidhirx li l-prassi tal-Kummissjoni li tikkonsisti fl-iffissar tal-multi b’mod mhux strettament proporzjonali mat-tul teċċedi l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali rrikonoxxuta lilha mill-ġurisprudenza.

(ara l-punti 181, 182)

11. Iċ-ċirkustanza li multa tiġi imposta in solidum fuq diversi kumpanniji minħabba li huma jikkostitwixxu impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE ma jfissirx li, f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-limitu previst mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, l-obbligu ta’ kull waħda minnhom huwa limitat għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ li hija tkun għamlet matul l-aħħar sena finanzjarja. Fil-fatt, il-limitu ta’ 10 %, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni għandu jiġi kkalkolat abbażi tad-dħul mill-bejgħ akkumulat tal-kumpanniji kollha li jikkostitwixxu l-entità ekonomika unika li jaġixxu bħala impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE, peress li huwa biss id-dħul mill-bejgħ akkumulat tal-kumpanniji li jikkostitwixxu l-impriża li jista’ jikkostitwixxi indikazzjoni tad-daqs u s-saħħa ekonomika tal-impriża inkwistjoni.

Il-kunċett ta’ impriża fis-sens tal-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003, ma huwiex differenti mill-kunċett ta’ impriża fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE. Għaldaqstant, ma hemmx lok, fil-każ ta’ responsabbiltà in solidum ta’ diversi kumpanniji fi ħdan grupp li jifforma impriża fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li jiġi ddeterminat il-limitu fir-rigward tal-kumpannija li għandha l-iktar dħul mill-bejgħ baxx.

(ara l-punti 186, 187)

12. Il-fatt li kumpannija parent tiġi imputata bl-aġir tas-sussidjarja tagħha, minħabba li tkun iddeterminat l-aġir kummerċjali tagħha, ma għandux bħala konsegwenza li l-imsemmija kumpannijia parent għandha tiġi kkunsidrata bħala l-awtur ta’ dan l-aġir, minflok is-sussidjarja tagħha. Fi kliem ieħor, ir-responsabbiltà ta’ kumpannija parent għall-aġir tas-sussidjarja tagħha fi kwalunkwe każ ma teżentax lis-sussidjarja mir-responsabbiltà tagħha bħala persuna ġuridika u din tal-aħħar tibqa’ għaldaqstant individwalment responsabbli għall-prattiki antikompetittivi li tkun ħadet sehem fihom.

(ara l-punt 196)

13. Il-Linji ta’ gwida tal-Kummissjoni dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA jipprevedu, fil-punt 3 tagħhom, it-tnaqqis tal-ammont bażiku minħabba “ċirkustanzi attenwanti partikolari” bħal, b’mod partikolari, ir-rwol esklużivament passiv jew emulattiv u t-twaqqif tal-ksur mal-ewwel interventi tal-Kummissjoni. Dan it-test ma jindikax b’mod imperattiv, iċ-ċirkustanzi attenwanti li l-Kummissjoni hija obbligata tieħu inkunsiderazzjoni. Konsegwentement, il-Kummissjoni għandha ċertu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tevalwa b’mod globali d-daqs ta’ tnaqqis eventwali tal-ammont tal-multi abbażi taċ-ċirkustanzi attenwanti.

F’dan il-kuntest il-Kummissjoni b’ebda mod ma tista’ tkun obbligata tagħti, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, tnaqqis fil-multa għall-waqfien ta’ ksur manifest, irrispettivament minn jekk dan il-waqfien sarx qabel jew wara l-interventi tagħha. Għalkemm il-Kummissjoni fl-imgħoddi kkunsidrat it-twaqqif volontarju ta’ ksur bħala ċirkustanza attenwanti, hija permessa li tieħu inkunsiderazzjoni, fl-applikazzjoni tal-linji gwida tagħha, il-fatt li ksur manifest gravi ħafna għadu, minkejja li l-illegalità tiegħu ilha stabbilita sa mill-bidu tal-politika Komunitarja fil-qasam tal-kompetizzjoni, relattivament frekwenti, u għaldaqstant li tqis li hemm lok li din il-prattika ġeneruża tiġi abbandunata u li t-twaqqif minn tali ksur ma jibqax jiġi rrikumpensat permezz ta’ tnaqqis mill-multa.

(ara l-punti 207, 208, 211, 213)

14. Il-fatt li impriża li l-parteċipazzjoni tagħha f’akkordju pprojbit mir-regoli tal-kompetizzjoni - ksur li huwa ta’ natura gravi ħafna - intweriet mill-Kummissjoni b’mod suffiċjenti skont il-liġi, ġiet ingannata mill-parteċipanti l-oħra f’dan l-akkordju, li b’hekk ipprovaw jiksbu vantaġġi supplimentari meta mqabbla ma’ dawk iġġenerati favurihom mill-imsemmi akkordju, ma jistax iwassal sabiex l-aġir ta’ din l-impriża jiġi kkunsidrat bħala inqas gravi. Għaldaqstant, tali ċirkustanzi ma jistgħux jikkostitwixxu ċirkustanza attenwanti u b’mod partikolari, ma jurux ir-rwol esklużivament passiv jew emulattiv tal-imsemmija impriża fi ħdan l-akkordju.

(ara l-punt 218)

15. It-tnaqqis tal-multi fil-każ li jkun hemm kooperazzjoni min-naħa tal-impriżi parteċipanti fil-ksur tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni huwa bbażat fuq il-kunsiderazzjoni li tgħid li tali kooperazzjoni tiffaċilita x-xogħol tal-Kummissjoni intiż sabiex jiġi kkonstatat ksur, u skont il-każ, sabiex jintemm tali ksur.

Kif imsemmi fil-punt 29 tal-avviż dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell, din ħolqot aspettattivi leġittimi li fuqhom jibbażaw ruħhom impriżi li jkunu jixtiequ jinformaw lill-Kummissjoni bl-eżistenza ta’ akkordju. Fid-dawl tal-aspettattiva leġittima li l-impriżi li jkunu jixtiequ jikkollaboraw mal-Kummissjoni jistgħu jieħdu mill-imsemmi avviż, il-Kummissjoni hija għaldqastant obbligata li ssegwi l-avviż meta, fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont tal-multa imposta fuq impriżi, tasal sabiex tevalwa l-kooperazzjoni tagħhom. Fil-limiti stabbiliti mill-avviż dwar il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni tgawdi madankollu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tevalwa jekk il-provi kkomunikati minn impriża jirrendux valur miżjud jew le, fis-sens tal-punt 22 tal-imsemmi avviż, u jekk hemmx lok, minħabba dan il-fatt, li jingħata tnaqqis lil impriża abbażi ta’ dan l-avviż. Din l-evalwazzjoni hija suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju ristrett.

(ara l-punti 219-221)

16. Il-prinċipju fundamentali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi li l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kkonċernati minn investigazzjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni jitqiegħdu f’pożizzjoni, sa mill-istadju tal-proċedura amministrattiva, li jippreżentaw b’mod effettiv l-opinjoni tagħhom fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti, ilmenti u ċirkustanzi allegati mill-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi prinċipju ma jeżiġix li dawn l-impriżi għandhom jingħataw l-okkażjoni jeżaminaw huma stess, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, ix-xhieda mismugħa mill-Kummissjoni.

(ara l-punti 233, 234)

17. Billi l-eżami tal-motivi mqajma minn impriża, kontra l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multa fuqha għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni Komunitarji, żvela illegalità, hemm lok li l-Qorti Ġenerali teżamina jekk għandhiex, billi tuża l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, temenda d-deċiżjoni kkontestata.

(ara l-punt 238)

Top