EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007TJ0023

Sommarju tas-sentenza

Kawża T-23/07

BORCO-Marken-Import Matthiesen GmbH & Co. KG

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva α — Raġuni assoluta għal rifjut — Karattru distintiv — Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94”

Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (Is-Sitt Awla) tad-29 ta’ April 2009   II ‐ 863

Sommarju tas-sentenza

  1. Trade mark Komunitarja – Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv

    (Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)(b))

  2. Trade mark Komunitarja – Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja – Sinjali li jistgħu jikkostitwixxu trade mark

    (Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikoli 4 u 7(1)(b))

  1.  L-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, li skont it-termini tiegħu ma jistgħux jiġu rreġistrati “trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv” jimponi fuq l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) li jfittex, matul eżami konkret tal-kapaċitajiet potenzjali tas-sinjal propost għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark, jekk jidhirx eskluż il-fatt li dan is-sinjal jista’ jiddistingwi, f’għajnejn il-pubbliku rilevanti, il-prodotti tal-applikant minn dawk li għandhom oriġini differenti, peress li minimu ta’ karattru distintiv huwa biżżejjed sabiex jostakola l-applikazzjoni tar-raġuni assoluta għal rifjut ta’ reġistrazzjoni prevista mill-Artikolu 7(1)(b) tal-imsemmi regolament. Għal finijiet ta’ evalwazzjoni bħal din, huwa l-kompitu tal-Uffiċċju li, taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Prim’Istanza, jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha u l-fatti rilevanti kollha.

    (ara l-punti 39, 40)

  2.  Ir-rifjut tal-prinċipju li jiġi rrikonoxxut lill-ittri uniċi kull karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, imur kontra l-istess termini tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 40/94, li jinkludi l-ittri fost is-sinjali li jista’ jkollhom rappreżentazzjoni grafika li jistgħu jikkostitwixxu trade marks, sakemm dawn ikunu adatti sabiex jiddistingwu l-prodotti u s-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriżi oħra.

    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 ma jiddistingwix bejn is-sinjali ta’ natura differenti u li l-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ trade marks ikkostitwiti minn ittra unika huma l-istess bħal dawk applikabbli għall-kategoriji l-oħra ta’ trade marks.

    Sabiex ikollu l-livell minimu ta’ karattru distintiv rikjest minn din id-dispożizzjoni, is-sinjal ippreżentat għandu biss jidher a priori kapaċi li jippermetti lill-pubbliku rilevanti li jidentifika l-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi indikati fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark u li jiddistingwihom, mingħajr ebda konfużjoni, minn dawk li għandhom oriġini oħra.

    (ara l-punti 45-47)

Top