Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007FJ0066

    Sommarju tas-sentenza

    Staff case summary

    Staff case summary

    Sommarju

    1. Uffiċjali – Promozzjoni – Kundizzjonijiet – Dimostrazzjoni tal-kapaċità li wieħed jaħdem bi tliet lingwi

    (Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45(2); Anness III, Artikolu 7, u Anness XIII, Artikolu 11)

    2. Uffiċjali – Rikors – Ġurisdizzjoni sħiħa

    (Artikolu 233 KE; Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 45(2) u 91(1))

    1. L-Artikolu 45(2) tar-Regolament tal-Persunal, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament Nru 73/2004, li jemenda r-Regolament tal-Persunal kif ukoll is‑sistema applikabbli għall-membri l-oħra tal-persunal, li tipprovdi l-obbligu, għall-uffiċjal, li juri, qabel l-ewwel promozzjoni tiegħu, il-kapaċità tiegħu li jaħdem bi tliet lingwi, hija applikabbli biss sa mid-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet komuni ta’ eżekuzzjoni, adottati bi qbil komuni mill-istituzzjonijiet.

    Fil-fatt, peress li l-leġiżlatur, fi kwalunkwe każ, skont l-Artikolu 11 tal-Anness XIII tar-Regolament tal-Persunal, eskluda l-applikazzjoni tiegħu għall-promozzjonijiet li daħlu fis-seħħ qabel l-1 ta’ Mejju 2006, l-Artikolu 45(2), ma jistax jiġi applikat qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija dispożizzjonijiet komuni ta’ eżekuzzjoni fil-kundizzjonijiet meħtieġa mil-leġiżlatur, jiġifieri l-garanzija ta’ applikazzjoni uniformi fid-diversi istituzzjonijiet u r-rabta ta’ dan l-obbligu regolamentari għall-possibbiltà, għall-uffiċjali, li jaċċedu għat-tagħlim tat-tielet lingwa. B’hekk, istituzzjoni ma tistax tapplika dan l-artikolu tar-Regolament tal-Persunal skont regoli stabbiliti minnha biss.

    (ara l-punti 29 sa 33)

    2. Huwa minnu li l-imħallef Komunitarju tas-servizz pubbliku jista’ jeżerċita, f’ċerti każijiet, skont l-Artikolu 91(1) tar-Regolament tal-Persunal, setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa li tippermettilu li jagħti lill-kawżi natura pekunjarja li għandu jsolvi kompletament, billi jiddeċiedi dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-uffiċjal. Madankollu, peress li r-rikorrent kiseb l-annullament tad-deċiżjoni ta’ rifjut li jiġi promoss, minħabba l-fatt li l-kundizzjoni addizzjonali meħtieġa sabiex jiġi promoss, jiġifieri li jkun jista’ jaħdem bi tliet lingwi, ma setgħetx legalment tiġi imposta fuqu, ma jistax jikseb quddiem il-qorti d-danni minħabba l-allegat dewmien fil-karriera li rriżulta minn dan, anki jekk jiġġustifika l-anzjanità u numru ta’ punti superjuri għan-numru meħtieġ sabiex jiġi promoss. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li kunsiderazzjonijiet oħrajn jistgħu jipprekludu l-promozzjoni tar-rikorrent b’effett retroattiv, pereżempju l-fatt li n-numru ta’ uffiċjali li setgħu jiġu promossi u li laħqu l-limitu ta’ promozzjoni kien ikbar mill-promozzjonijiet possibbli skont il-baġit. Għalhekk, dawn huma l-miżuri ta’ eżekuzzjoni li l‑amministrazzjoni għandha tadotta, skont l-Artikolu 233 KE, sabiex tikkonforma mal-awtorità tar- res judicata , li għandhom jagħtu lir-rikorrent id-drittijiet tiegħu, jekk ikun hemm bżonn, permezz tar-rikostituzzjoni tal-karriera tiegħu b’effett retroattiv.

    (ara l-punti 46 sa 49)

    Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 18 ta’ Diċembru 2007, Weißenfels vs Il‑Parlament, C‑135/06 P, Ġabra p. I‑12041, punti 64 sa 68; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 15 ta’ Marzu 2007, Katalagarianakis vs Il‑Kummissjoni, T‑402/03, Ġabra p. I‑0000, punti 105 u 106

    Top