Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CO0512

Sommarju tad-digriet

Kawżi magħquda C-512/07 P(R) u C-15/08 P(R)

Achille Occhetto

u

Il-Parlament Ewropew

vs

Beniamino Donnici

“Appell — Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Membri tal-Parlament Ewropew — Verifika tal-kredenzjali — Dikjarazzjoni li ġie elett membru parlamentari b’riżultat tal-irtirar ta’ kandidati li jinsabu fl-istess lista — Verifika tal-validità tal-irtirar — Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li tiddikjara invalidu l-mandat ta’ kandidat iddikjarat Membru Parlamentari”

Digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Jannar 2009   I ‐ 6

Sommarju tad-digriet

  1. Appell – Aggravji – Żball ta’ liġi mwettaq mill-Imħallef għal miżuri provviżorji – Att li jikkonċerna l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew

    (Artikolu 225 KE; Att li jikkonċerna l-elezzjoni tar-rappreżentanti għall-Assemblea b’vot universali dirett, Artikolu 12; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 57, Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew, Artikolu 3(3))

  2. Appell – Aggravji – Żball ta’ liġi mwettaq mill-Imħallef għal miżuri provviżorji – Att li jikkonċerna l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew

    (Artikolu 225 KE; Att li jikkonċerna l-elezzjoni tar-rappreżentanti għall-Assemblea b’vot universal dirett, Artikolu 6; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 57, Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew, Artikoli 3(5) u 4(3) u (9))

  3. Appell – Aggravji – Żball ta’ liġi mwettaq mill-Imħallef għal miżuri provviżorji – Att li jikkonċerna l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew

    (Artikolu 225 KE; Att li jikkonċerna l-elezzjoni tar-rappreżentanti għall-Assemblea b’vot universali dirett, Artikolu 12; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 57)

  4. Proċeduri għal miżuri provviżorji – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ att tal-Parlament Ewropew li jinvalida l-mandat ta’ wieħed mill-membri tiegħu minħabba nuqqas ta’ kredenzjali

    (Artikolu 242 KE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 104(2))

  5. Proċeduri għal miżuri provviżorji – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ att tal-Parlament Ewropew li jinvalida l-mandat ta’ wieħed mill-membri tiegħu minħabba nuqqas ta’ kredenzjali

    (Artikolu 242 KE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 104(2))

  1.  L-Imħallef għal miżuri provviżorji ma jwettaq l-ebda żball ta’ liġi manifest fir-rigward tal-portata tas-setgħat li għandu l-Parlament Ewropew taħt l-Artikolu 12 tal-Att tal-1976, li jikkonċerna l-elezzjoni tar-rappreżentanti għall-Assemblea b’vot universali dirett, kif emendat u nnumerat mill-ġdid bid-Deċiżjoni 2002/772, meta huwa jinterpreta l-espressjoni “jieħu nota” li tinsab fl-imsemmi artikolu bħala li tindika n-nuqqas totali ta’ marġni ta’ diskrezzjoni tal-Parlament fir-rigward tar-riżultati ddikjarati uffiċjalment mill-Istati Membri.

    Fil-fatt l-imsemmi artikolu jipprovdi speċifikament li l-Parlament, għandu, minn naħa “jieħu nota” tar-riżultati ddikjarati uffiċjalment mill-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, jista’ jiddeċiedi fuq il-kontestazzjonijiet eventwali biss “abbażi tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-att”, u dan “bl-esklużjoni tad-dispożizzjonijiet li għalihom dan tal-aħħar jirreferi”. B’hekk jirriżulta li t-test tal-Artikolu 12 prima facie jidher li huwa favur interpretazzjoni restrittiva tiegħu. Barra minn hekk, fir-rigward tal-verifika tal-kredenzjali tal-membri tal-Parlament, l-Artikolu 12 tal-Att tal-1976 u l-Artikolu 3(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew jagħtu lil dan tal-aħħar is-setgħa li jiddeċiedi fuq il-validità tal-mandat ta’ kull wieħed mill-membri tiegħu eletti mill-ġdid kif ukoll fuq il-kontestazzjonijiet li jistgħu jitqajmu fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Att tal-1976, iżda, rispettivament, “bl-esklużjoni tad-dispożizzjonijiet li għalihom dan ta’ l-aħħar jirreferi” u “ħlief [għall-kontestazzjonijiet] ibbażati fuq il-liġijiet elettorali nazzjonali”. Issa, dawn l-esklużjonijiet ukoll jikkostitwixxu indikazzjonijiet ċari tal-fatt li l-Parlament mhuwiex ġeneralment kompetenti sabiex jiddeċiedi fuq il-legalità tal-proċeduri elettorali nazzjonali fid-dawl tad-dritt Komunitarju.

    (ara l-punti 30-32, 35)

  2.  Digriet għal miżuri provviżorji mhuwiex ivvizzjat minn żball manifest ta’ liġi għal dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tal-Att tal-1976 li jikkonċerna l-elezzjoni tar-rappreżentanti għall-Assemblea b’vot universali dirett kif emendat u nnumerat mill-ġdid bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/772, meta dan jikkonkludi li dan l-artikolu jikkonċerna biss lill-membri tal-Parlament Ewropew.

    F’dan ir-rigward, il-kliem tal-Artikolu 6, minn naħa, jirreferu speċifikament għall-“membri tal-Parlament Ewropew” u, min-naħa l-oħra, jirreferu għall-prerogattiva tal-vot tal-imsemmija membri, prerogattiva li, minnha nfisha, ma tistax tkun assoċjata mal-istatus ta’ kandidat iddikjarat uffiċjalment fl-ordni ta’ klassifika postelettorali. Għalkemm, bħala reġola ġenerali l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju ma tistax tkun marbuta strettament mal-kliem tagħha mingħajr ebda rigward għall-kuntest u l-għan tagħha, jibqa’ l-fatt li l-imsemmi artikolu waħdu ma jistax jistabbilixxi kompetenza ġenerali tal-Parlament sabiex jevalwa l-legalità tal-proċeduri elettorali tal-Istati Membri fid-dawl tal-prinċipji kollha li fuqhom dan l-artikolu huwa allegatament ibbażat, u b’mod partikolari dawk previsti mill-Artikolu 3 tal-Protokoll Adizzjonali Nru 1 għall-Konvenzjoni Ewropea tad-drittijiet tal-bniedem.

    Barra minn hekk, b’mod konformi mal-prinċipju tal-ġerarkija tar-regoli, dispożizzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew, bħal dawk tal-Artikoli 3(5), u 4(3) u (9) tagħhom, ma tistax tippermetti li ssir eċċezzjoni għad-dispożizzjonijiet tal-Att tal-1976. Fil-fatt, l-imsemmija regoli huma att ta’ organizzazzjoni interna li ma jistgħux jagħtu lill-Parlament kompetenzi li mhumiex espressament rikonoxxuti minn att leġiżlattiv, f’dan il-każ mill-Att tal-1976. B’hekk jirriżulta li, għall-inqas fil-kuntest ta’ eżami dwar il-fumus boni juris, huma pjuttost id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew li għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-kliem u tal-ispirtu tad-dispożizzjonijiet tal-Att tal-1976, u mhux bil-kontra.

    (ara l-punti 40-43, 45, 46)

  3.  Interpretazzjoni fis-sens li l-Artikolu 12 tal-Att tal-1976, li jikkonċerna l-elezzjoni tar-rappreżentanti għall-Assemblea b’vot universali dirett, kif emendat u nnumerat mill-ġdid bid-Deċiżjoni 2002/772, jipprovdi mhux għal tqassim tal-poteri bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-Parlament kif ukoll l-eżerċizzju ta’ dawn il-poteri fil-kuntest ta’ proċeduri distinti iżda għal proċedura deċiżjonali waħda li fiha jipparteċipaw kemm il-Parlament kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali, prima face ma tidhirx konformi mal-imsemmija dispożizzjoni. Fil-fatt, meta att nazzjonali huwa integrat f’proċedura deċiżjonali Komunitarja u, minħabba t-tqassim tal-poteri li sar fil-qasam ikkunsidrat, jorbot l-awtorità Komunitarja li tkun imsejħa tiddeċiedi b’tali mod li dan l-att nazzjonali jiddetermina d-deċiżjoni Komunitarja li għandha tiġi adottata, l-irregolaritajiet li eventwalment jivvizzjaw l-imsemmi att nazzjonali fl-ebda każ ma jistgħu jaffettwaw il-validità tad-deċiżjoni ta’ din l-awtorità Komunitarja. Din it-tagħlima hija rilevanti sabiex jiġi interpretat it-tqassim tal-poteri hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 12 tal-Att tal-1976.

    Konsegwentement, digriet għal miżuri provviżorji li jikkonkludi li l-irregolaritajiet, li bihom hija eventwalment ivvizzjata d-deċiżjoni ta’ uffiċċju elettorali nazzjonali li tiddikjara lil kandidat bħala membru tal-Parlament, m’għandhomx effett fuq id-deċiżjoni tal-Parlament dwar il-verifika tal-kredenzjali tal-imsemmi membru, mhuwiex ivvizzjat bi żball manifest ta’ liġi u lanqas ta’ motivazzjoni.

    (ara l-punti 50, 51, 53, 54)

  4.  L-għan tal-proċeduri għal miżuri provviżorji huwa li jiġi ggarantit li s-sentenza li tittieħed fuq il-mertu tkun effettiva kemm jista’ jkun. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, jeħtieġ li l-miżuri mitluba jkunu urġenti, fis-sens li jkun neċessarju, sabiex jiġi evitat dannu gravi u irreparabbli lill-interessi tar-rikorrenti, li huma jkunu ddikjarati u li l-effetti tagħhom joħorġu qabel id-deċiżjoni fil-kawża prinċipali. Minn dan jirriżulta li, sabiex tiġi evalwata l-urġenza tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ att tal-Parlament Ewropew li jinvalida l-mandat ta’ wieħed mill-membri tiegħu minħabba nuqqas ta’ kredenzjali, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jikkunsidra l-interessi biss tal-appellanti, u b’mod partikolari l-eżistenza ta’ riskju li dannu gravi u irreparabbli jkun ikkawżat lil dawn l-interessi, mingħajr ma tingħata attenzjoni lil elementi oħra ta’ natura ġenerali bħal, fil-każ preżenti, il-kontinwità tar-rappreżentanza politika, elementi li fil-każ preżenti, jistgħu jittieħdu biss inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni.

    (ara l-punti 57, 58)

  5.  Fil-kuntest ta’ proċedura għal miżuri provviżjori bil-għan li tinkiseb sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ att tal-Parlament Ewropew li jinvalida l-mandat ta’ wieħed mill-membri tiegħu minħabba nuqqas ta’ kredenzjali, meta l-Imħallef għal miżuri provviżorji jasal għall-konklużjoni li teżisti ugwaljanza bejn l-interessi speċifiċi u immedjati rispettivi ta’ dan il-membru u tas-sostitut tiegħu, huwa għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-interessi iktar ġenerali li, f’ċirkustanzi bħal dawn, għandhom importanza partikolari, bħal dak tal-Istat Membru kkonċernat li jara li l-leġiżlazzjoni tiegħu fil-qasam elettorali tiġi osservata mill-Parlament u li jara li jokkupaw il-kariga fil-Parlament il-membri parlamentari eletti skont il-proċeduri elettorali tiegħu u pproklamati minn waħda mill-ogħla awtoritajiet ġudizzjarji tiegħu, u dak tal-Parlament għaż-żamma fis-seħħ tad-deċiżjonijiet tiegħu, għal-leġittimità politika tiegħu u għall-interess tiegħu li jokkupa l-kariga l-kandidat li kiseb l-aktar voti. Huwa biss wara li tiġi kkonstatata l-ugwaljanza bejn l-interessi kemm speċifiċi kif ukoll ġenerali inkwistjoni li l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jikkunsidra l-karattru serju tal-aggravji invokati sabiex jiġi ammess fumus boni juris.

    (ara l-punti 66, 67, 70)

Top