Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0569

    Sommarju tas-sentenza

    Kawża C-569/07

    HSBC Holdings plc u Vidacos Nominees Ltd

    vs

    The Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Special Commissioners of Income Tax, London)

    “Taxxi indiretti — Ġbir ta’ kapital — Impożizzjoni ta’ dazju ta’ 1.5% fuq it-trasferiment jew il-ħruġ tal-azzjonijiet f’servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet (‘clearance service’)”

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Mengozzi, ippreżentati fit-18 ta’ Marzu 2009   I ‐ 9049

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-1 ta’ Ottubru 2009   I ‐ 9067

    Sommarju tas-sentenza

    Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-liġijiet – Taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital

    (Direttiva tal-Kunsill 69/335, Artikolu 11(a))

    L-Artikolu 11(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 69/335/KE, li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital, kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 85/303/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-ġbir ta’ taxxa meta jinħarġu azzjonijiet ġodda f’servizz ta’ tpaċija ta’ tranżazzjonijiet.

    Fil-fatt, l-awtorizzazzjoni tal-ġbir ta’ taxxa jew ħlas fuq l-ewwel xiri ta’ titolu li nħareġ mill-ġdid fil-verità tfisser li l-ħruġ stess ta’ dan it-titolu qed jiġi ntaxxat peress li jagħmel parti sħiħa minn tranżazzjoni globali fir-rigward tal-ġbir ta’ kapital.

    Dan l-ewwel xiri ma jistax jitqies li jikkostitwixxi “trasferiment” fis-sens tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 69/335/KEE, b’tali mod li jiċħad l-Artikolu 11(a) ta’ din id-direttiva mill-effett utli tiegħu filwaqt li jqajjem dubji fir-rigward tad-distinzjoni sħiħa li dawn iż-żewġ artikoli jistabbilixxu bejn il-kunċett ta’ “ħruġ” u dak ta’ “trasferiment.” Fil-fatt, din l-interpretazzjoni għandha bħala konsegwenza li tista’ xorta waħda tintlaqat minn taxxa jew ħlas it-tranżazzjoni ta’ ħruġ li, filwaqt li timplika neċessarjament xiri ta’ titoli ġodda maħruġa, skont l-Artikolu 11(a), ma għandha tkun suġġetta għal ebda taxxa jew ħlas minbarra d-dazju fuq il-kapital. Għaldaqstant, taxxa li tolqot dan l-ewwel xiri ma tistax taqa’ taħt id-deroga li tinsab fl-Artikolu 12(1)(a). Barra minn hekk, din it-taxxa ma tistax titqies li tapplika, fil-verità, għal trasferimenti futuri, ġaladarba la l-bażi taxxabbli u lanqas il-persuna suġġetta għal din it-taxxa ma huma ddeterminati fir-rigward tat-tali trasferimenti, li barra minn hekk huma ipotetiċi.

    Għaldaqstant, sa fejn din it-taxxa tinġabar fuq titoli ġodda wara li ssir żieda fil-kapital, din tikkostitwixxi taxxa fis-sens tal-Artikolu 11(a) ta’ din id-direttiva li hija pprojbita minn din id-dispożizzjoni.

    (ara l-punti 32, 34-38 u d-dispożittiv)

    Top