Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0460

Sommarju tas-sentenza

Kawża C-460/07

Sandra Puffer

vs

Unabhängiger Finanzsenat, Außenstelle Linz

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija))

“Sitt Direttiva tal-VAT — Artikolu 17(2) u (6) — Dritt għat-tnaqqis tat-taxxa tal-input — Spejjeż ta’ kostruzzjoni ta’ bini allokat lill-impriża ta’ persuna taxxabbli — Artikolu 6(2) — Użu ta’ parti mill-bini għal bżonnijiet privati — Vantaġġ ekonomiku meta mqabbel ma’ persuni mhux taxxabbli — Trattament ugwali — Għajnuna mill-Istat taħt l-Artikolu 87 KE — Esklużjoni tad-dritt għat-tnaqqis”

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Sharpston, ippreżentati fil-11 ta’ Diċembru 2008   I ‐ 3255

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-23 ta’ April 2009   I ‐ 3279

Sommarju tas-sentenza

  1. Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-liġijiet – Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa – Beni kapitali allokat fit-totalità tiegħu jew parzjalment għall-patrimonju privat tal-persuna taxxabbli

    (Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 17)

  2. Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-liġijiet – Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa – Kostruzzjoni ta’ immobbli għal użu mħallat

    (Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikoli 6(2)(a) u 17(2)(a))

  3. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett

    (Artikolu 87(1) KE)

  4. Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-liġijiet – Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa – Esklużjonijiet tad-dritt għal tnaqqis – Possibbiltà għall-Istati Membri li jżommu l-esklużjonijiet eżistenti mid-dħul fis-seħħ tas-Sitt Direttiva

    (Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 17(6))

  1.  Il-persuna taxxabbli li tagħżel li tikkunsidra l-bini kollu tan-negozju tagħha u li wara tuża partijiet minn dak il-bini għall-bżonnijiet privati tagħha, minn naħa għandha d-dritt tnaqqas it-taxxa fuq il-valur miżjud tal-input imħallsa fuq l-ispejjeż kollha tal-kostruzzjoni tal-imsemmi bini u, min-naħa l-oħra, l-obbligu korrispondenti li tħallas it-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-ispejjeż kollha li jkunu saru sabiex isir tali użu. Min-naħa l-oħra, jekk persuna taxxabbli tagħżel, meta jinxtara l-beni kapitali, li tinkludih fit-totalità tiegħu mal-patrimonju privat tagħha jew li tinkludi biss parti minnu mal-attivitajiet professjonali tagħha, ma jinħoloq l-ebda dritt għat-tnaqqis rigward il-parti inkluża mal-patrimonju privat. F’din l-ipoteżi, użu ieħor għal skopijiet professjonali ta’ parti tal-bini inkluża mal-patrimonju privat ma jistax jagħti lok għal dritt għat-tnaqqis, minħabba li l-Artikolu 17(1) tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, jipprevedi l-ħolqien tad-dritt għat-tnaqqis fil-mument fejn it-taxxa deduċibbli ssir dovuta. L-ebda mekkaniżmu ta’ aġġustament f’dan is-sens ma huwa previst fil-leġiżlazzjoni Komunitarja attwali.

    (ara l-punti 42-44)

  2.  L-Artikoli 6(2)(a) u 17(2)(a) tas-Sitt Direttiva 77/388 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, ma jippreġudikawx il-prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju ta’ trattament ugwali minħabba li dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jagħtu lill-persuna taxxabbli, permezz tal-mekkaniżmu tad-dritt għat-tnaqqis totali u immedjat tal-input tat-taxxa fuq il-valur miżjud dovut għall-kostruzzjoni ta’ immobbli għal użu mħallat u t-tassazzjoni ulterjuri mqassma ta’ din it-taxxa fuq l-użu privat ta’ dan l-immobbli, vantaġġ finanzjarju meta mqabbel ma’ persuni mhux taxxabbli u persuni taxxabbli li jużaw l-immobbli tagħhom biss għal skopijiet privati ta’ residenza.

    F’dan ir-rigward, rigward l-użu privat ta’ beni kapitali għal użu mħallat, huwa possibbli li l-inċiż (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6(2) tas-Sitt Direttiva ma jiżgurax, waħdu, l-istess trattament bejn il-persuni taxxabbli u l-persuni mhux taxxabbli jew persuni taxxabbli oħra li jixtru beni tal-istess natura għal skop privat u, minħabba dan il-fatt, għandhom iħallsu immedjatament l-ammont totali tat-taxxa fuq il-valur miżjud. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li l-għan li l-persuna taxxabbli titħaffef kompletament, permezz tal-mekkaniżmu tal-Artikolu 17(1) u (2), kif ukoll tal-inċiż (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6(2) tas-Sitt Direttiva, mill-piż tat-taxxa fuq il-valur miżjud dovuta jew imħallsa fil-kuntest tal-attivitajiet ekonomiċi taxxabbli kollha tagħhom, inkluż kull taxxa dovta fuq beni matul il-perijodu li jgħaddi bejn l-ispejjeż ta’ investiment u l-użu professjonali effettiv, jista’ jipproduċi vantaġġ finanzjarju f’dak li jikkonċerna l-użu privat tal-imsemmi beni mill-persuna taxxabbli. B’hekk, id-differenza eventwali fit-trattament li teżisti bejn il-persuni taxxabbli u mhux taxxabbli tirriżulta mill-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali li jiżgura, fl-ewwel lok, it-trattament ugwali fost il-persuni taxxabbli. Din id-differenza potenzjali tirriżulta, barra minn hekk, mill-eżerċizzju minn dawn il-persuni taxxabbli tal-attivitajiet ekonomiċi tagħhom hekk kif iddefiniti fl-Artikolu 4(2) tas-Sitt Direttiva. Fl-aħħar nett, hija marbuta mal-istatus speċifiku tal-persuni taxxabbli previst mis-Sitt Direttiva, li jimplika b’mod partikolari li, skont l-Artikolu 21 ta’ din id-direttiva, huma persuni responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud u għandhom jiġbruha. Minħabba dawn il-karatteristiċi li jiddistingwu s-sitwazzjoni tal-persuni taxxabbli minn dik tal-persuni mhux taxxabbli li ma jeżerċitawx tali attivitajiet ekonomiċi, differenza ta’ trattament eventwali li tirriżulta mill-implementazzjoni tar-regoli differenti għal sitwazzjonijiet differenti, ma twassal b’hekk għall-ebda ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali. Jiġri l-istess f’dak li jikkonċerna persuna taxxabbli li tkun allokat beni kapitali fit-totalità tiegħu lill-patrimonju privat tagħha, minħabba li mhux tfittex li tkompli l-attivitajiet ekonomiċi tagħha permezz ta’ dan il-beni, imma li tużah għal skopijiet privati. L-evalwazzjoni ma tistax tkun differenti f’dak li jikkonċerna persuna taxxabbli li tagħmel tranżazzjonijiet eżenti biss, minħabba li tali persuna taxxabbli għandha tħallas l-istess piż tat-taxxa fuq il-valur miżjud bħal persuna mhux taxxabbli u l-istatus tagħha huwa għalhekk sostanzjalment simili għal din tal-aħħar.

    (ara l-punti 55-59, 62 u d-dispożittiv 1)

  3.  L-Artikolu 87(1) KE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix miżura nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 17(2)(a) tas-Sitt Direttiva 77/388 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, u li tipprevedi li d-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud tal-input dovut ikun limitat għall-persuni taxxabbli li jeffettwaw tranżazzjonijiet, bl-esklużjoni ta’ dawk li jeffettwaw biss it-tranżazzjonijiet eżenti, sa fejn din il-miżura nazzjonali tista’ tagħti vantaġġ finanzjarju biss lill-persuni taxxabbli li jeffettwaw tranżazzjonijiet taxxabbli.

    Fil-fatt, il-limitazzjoni ta’ dritt għat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud tal-input dovut għat-tranżazzjonijiet taxxabbli biss tagħmel parti integranti mis-sistema tat-taxxa fuq il-valur miżjud stabbilita permezz ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji li għandhom jiġu applikati b’mod uniformi mill-Istati Membri kollha. Konsegwentement, il-kundizzjoni ta’ intervent tal-Istat naqset, b’mod li l-Artikolu 87(1) KE ma jistax japplika.

    (ara l-punti 70, 71 u d-dispożittiv 2)

  4.  L-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva 77/388 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ għandu jiġi interpretat fis-sens li d-deroga prevista fih ma tapplikax għal dispożizzjoni nazzjonali li kienet teżisti fid-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva, li sserraħ fuq loġika differenti minn dik tal-liġi ta’ qabel u li ddaħħal fis-seħħ proċeduri ġodda. F’dan ir-rigward, huwa indifferenti jekk il-leġiżlatur nazzjonali jkunx emenda l-liġi nazzjonali ta’ qabel billi jkun ibbaża ruħu fuq interpretazzjoni eżatta jew żbaljata tad-dritt Komunitarju. Il-kwistjoni li jkun magħruf jekk tali emenda ta’ dispożizzjoni nazzjonali taffettwax ukoll, fid-dawl tal-applikabbiltà tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva 77/388, dispożizzjoni nazzjonali oħra, tiddependi min-natura interdipendenti jew awtonoma tal-imsemmija dispożizzjonijiet nazzjonali, ħaġa li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi.

    (ara l-punt 98 u d-dispożittiv 3)

Top