Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0444

Sommarju tas-sentenza

Kawża C-444/07

Proċedura ta’ falliment miftuħa

kontra

MG Probud Gdynia sp. z o.o.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy Gdańsk-Północ w Gdańsku)

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 1346/2000 — Proċeduri ta’ falliment — Rifjut ta’ Stat Membru milli jirrikonoxxi d-deċiżjoni li jinfetħu proċeduri ta’ falliment meħuda mill-qorti kompetenti ta’ Stat Membru ieħor kif ukoll id-deċiżjonijiet relatati mal-iżvolġiment u mal-għeluq ta’ dawn il-proċeduri ta’ falliment”

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-21 ta’ Jannar 2010   I ‐ 419

Sommarju tas-sentenza

Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Proċeduri ta’ falliment – Regolament Nru 1346/2000 – Rikonoxximent tal-proċedura ta’ falliment miftuħa minn qorti ta’ Stat Membru – Deċiżjoni li tinfetaħ proċedura ta’ falliment

(Regolament tal-Kunsill Nru 1346/2000, Artikoli 3, 4, 5, 10, 16, 17, 25 u 26)

Ir-Regolament Nru 1346/2000, dwar proċedimenti ta’ falliment, għandu jiġi interpretat fis-sens li, wara l-ftuħ ta’ proċeduri prinċipali ta’ falliment fl-Istat Membru ta’ stabbiliment prinċipali ta’ impriża, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor li fih din l-impriża teżerċita xogħlijiet ta’ kostruzzjoni permezz ta’ fergħa u li fih ma jkunu nfetħu ebda proċeduri sekondarji ta’ falliment, għandhom l-obbligu, suġġett għar-raġunijiet għal rifjut derivanti mill-Artikoli 25(3) u 26 ta’ dan ir-regolament, li jirrikonoxxu u li jeżegwixxu d-deċiżjonijiet kollha relatati ma’ dawn il-proċeduri prinċipali ta’ falliment u, għaldaqstant, ma għandhomx id-dritt li jordnaw, b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor, miżuri eżekuttivi fir-rigward tal-assi tad-debitur iddikjarat fallut li jinsabu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, meta l-leġiżlazzjoni tal-Istat tal-ftuħ ma tippermettix dan u meta l-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta l-applikazzjoni tal-Artikoli 5 u 10 ta’ dan ir-regolament ma humiex sodisfatti.

Fil-fatt, b’din ir-riżerva, minħabba l-portata universali li għandha tingħata lill-proċeduri prinċipali kollha ta’ falliment, il-proċeduri ta’ falliment miftuħa fi Stat Membru jinkludu l-assi kollha tad-debitur, inklużi dawk li jinsabu fi Stat Membru ieħor, u l-liġi tal-Istat tal-ftuħ tal-proċeduri ma tiddeterminax biss il-ftuħ tal-proċeduri ta’ falliment, iżda wkoll l-iżvolġiment kif ukoll l-għeluq tagħhom. F’dan is-sens, din il-liġi hija msejħa sabiex tirregola x’għandu jseħħ mill-assi li jinsabu fl-Istati Membri l-oħra kif ukoll l-effetti tal-proċeduri ta’ falliment fuq il-miżuri li għalihom huma suġġetti dawn l-assi.

(ara l-punti 43, 46, 47 u d-dispożittiv)

Top