Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0420

    Sommarju tas-sentenza

    Kawża C-420/07

    Meletis Apostolides

    vs

    David Charles Orams

    u

    Linda Elizabeth Orams

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division))

    “Talba għal deċiżjoni preliminari — Protokoll Nru 10 dwar Ċipru — Sospensjoni tal-applikazzjoni tal-acquis communautaire fiż-żoni li fihom il-Gvern Ċiprijott ma jeżerċitax kontroll effettiv — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali — Sentenza mogħtija minn qorti Ċiprijotta sedenti fiż-żona ta’ kontroll effettiv ta’ dan il-gvern u li tikkonċerna proprjetà immobbli li tinsab barra minn din iż-żona — Artikolu 22(1), Artikolu 34(1) u (2), Artikoli 35(1) u 38(1) ta’ dan ir-regolament”

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fit-18 ta’ Diċembru 2008   I ‐ 3576

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-28 ta’ April 2009   I ‐ 3607

    Sommarju tas-sentenza

    1. Adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda mal-Komunitajiet – Att ta’ Adeżjoni tal-2003 – Protokoll Nru 10 dwar Ċipru – Sospensjoni tal-applikazzjoni tal-acquis communautaire fiż-żona li fiha l-Gvern ta’ dan l-Istat Membru ma jeżerċitax kontroll effettiv

      (Att ta’ Adeżjoni tal-2003; Protokoll Nru 10, Artikolu 1(1); Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001)

    2. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament Nru 44/2001 – Ġurisdizzjoni esklużiva – Kawżi fil-qasam ta’ drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli – Regola ta’ “forum rei sitae” prevista fl-Artikolu 22(1) tar-Regolament, li tiddetermina l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-Istati Membri

      (Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, Artikolu 22(1), u Artikolu 35 (1) u (3))

    3. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament Nru 44/2001 – Rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi – Motivi ta’ rifjut – Ksur tal-ordni pubbliku tal-Istat fejn tintalab l-eżekuzzjoni ta’ sentenza – Assenza

      (Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, Artikolu 34(1), u Artikolu 45(1))

    4. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament Nru 44/2001 – Eżekuzzjoni – Kundizzjonijiet – Natura eżekuttiva fl-Istat Membru ta’ oriġini

      (Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, Artikoli 38(1) u 54)

    5. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament Nru 44/2001 – Rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi – Motivi ta’ rifjut – Nuqqas ta’ notifika lill-konvenut tal-att promotur fil-ħin – Assenza

      (Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968, Artikolu 27(2); Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001,Artikolu 34(2), u Artikolu 45(1))

    1.  Is-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-acquis communautaire fiż-żoni tar-Repubblika ta’ Ċipru li fihom il-Gvern ta’ dan l-Istat Membru ma jeżerċitax kontroll effettiv, previst fl-Artikolu 1(1) tal-Protokoll Nru 10 dwar Ċipru anness mal-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika tal-Estonja, tar-Repubblika ta’ Ċipru, tar-Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika tal-Ungerija, tar-Repubblika ta’ Malta, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar-Repubblika Slovakka u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea, ma tipprekludix l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, fil-konfront ta’ sentenza mogħtija minn qorti Ċiprijotta sedenti fiż-żona tal-gżira effettivament ikkontrollata mill-Gvern Ċiprijott, iżda li tikkonċerna proprjetà li tinsab f’dawn iż-żoni.

      Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet fl-Att ta’ Adeżjoni li jippermettu derogi minn regoli stabbiliti mit-Trattat KE għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv b’riferiment għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u għandhom jiġu limitati għal dak li huwa assolutament neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tiegħu. Għaldaqstant jirriżulta minn interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 1(1) tal-imsemmi Protokoll Nru 10 li s-sospensjoni pprovduta minnu hija limitata għall-applikazzjoni tal-acquis communautaire fiż-żona ta’ Fuq tar-Repubblika ta’ Ċipru. Dan mhuwiex il-każ għas-sentenzi li tagħhom ikun intalab ir-rikonoxximent, ġaladarba jkunu ngħataw minn qorti sedenti fiż-żona kkontrollata mill-Gvern. Iċ-ċirkustanza li dawn is-sentenzi jikkonċernaw proprjetà li tinsab fl-imsemmija żona ta’ Fuq ma tipprekludix din l-interpretazzjoni, sa fejn, minn naħa, hija ma teliminax l-obbligu tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 fiż-żona kkontrollata mill-Gvern u, min-naħa l-oħra, hija ma timplikax lanqas li dan ir-regolament jiġi applikat, minħabba f’hekk, fl-imsemmija żona ta’ Fuq.

      (ara l-punti 35, 37-39 u d-dispożittiv 1)

    2.  L-Artikolu 35(1) tar-Regolament Nru 44/2001, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, ma jawtorizzax lil qorti ta’ Stat Membru tirrifjuta r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija mill-qrati ta’ Stat Membru ieħor fir-rigward ta’ proprjetà li tinsab f’żona ta’ dan l-aħħar Stat li fuqha l-Gvern tiegħu ma jeżerċitax kontroll effettiv.

      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001 jinkludi lista imperattiva u eżawrjenti ta’ qrati ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali esklużiva tal-Istati Membri. Dan l-artikolu sempliċement jindika l-Istat Membru li l-qrati tiegħu għandhom ġurisdizzjoni ratione materiae, mingħajr madankollu ma jaqsam il-ġurisdizzjoni fi ħdan l-Istat Membru kkonċernat. Huwa kull Stat Membru li għandu jiddetermina l-organizzazzjoni ġudizzjarja tiegħu stess. Barra minn hekk, il-prinċipju tal-projbizzjoni mill-istħarriġ tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini, previst fl-Artikolu 35(3) ta’ dan ir-regolament, jipprekludi milli jsir stħarriġ fil-kawża prinċipali tal-kompetenza interna tal-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini. Għaldaqstant, ir-regola tal-forum rei sitae prevista fil-punt 1 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001 tikkonċerna l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-Istati Membri u mhux il-kompetenza interna tagħhom. B’hekk, ladarba proprjetà tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru u li, għaldaqstant, ir-regola ta’ ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 44/2001, tkun ġiet osservata, il-fatt li l-proprjetà tinsab f’żona ta’ dan l-Istat Membru li fiha l-Gvern tiegħu ma jeżerċitax kontroll effettiv jista’ eventwalment ikollu effett fuq il-kompetenza interna tal-qrati ta’ dan l-Istat Membru iżda dan ma jista’ jkollu ebda effett għall-finijiet ta’ dan ir-regolament.

      (ara l-punti 48-52 u d-dispożittiv 2)

    3.  Il-fatt li sentenza mogħtija mill-qrati ta’ Stat Membru dwar proprjetà li tinsab f’żona ta’ dan l-Istat Membru li fuqha l-Gvern tiegħu ma jeżerċitax kontroll effettiv ma tistax, fil-prattika, tiġi eżegwita fil-post fejn tinsab il-proprjetà ma jikkostitwix raġuni għal rifjut ta’ rikonoxximent jew ta’ eżekuzzjoni skont l-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali.

      Fin-nuqqas ta’ prinċipju fundamentali fis-sistema legali tal-Istat mitlub, liema rikonoxximent jew eżekuzzjoni tas-sentenzi inkwistjoni jista’ joħloq preġudizzju, l-ebda rifjut ta’ rikonoxximent tagħhom, bis-saħħa tal-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001, u l-ebda rifjut ta’ eżekuzzjoni skont l-Artikolu 45(1) tal-istess regolament, ma jkun iġġustifikat bir-raġuni li sentenza mogħtija mill-qrati ta’ Stat Membru li tikkonċerna proprjetà li tinsab f’żona ta’ dan l-Istat li fiha l-Gvern tiegħu ma jeżerċitax kontroll effettiv ma tistax, fil-prattika, tiġi eżegwita fil-post fejn tinsab il-proprjetà. Fil-fatt, il-preġudizzju għandu jikkostitwixxi ksur manifest ta’ regola tad-dritt ikkunsidrata bħala essenzjali fis-sistema legali tal-Istat fejn tintalab l-eżekuzzjoni ta’ sentenza jew ta’ dritt rikonoxxut bħala fundamentali f’din is-sistema legali.

      (ara l-punti 59-62, 71 u d-dispożittiv 3)

    4.  Il-fatt li sentenza mogħtija mill-qrati ta’ Stat Membru dwar proprjetà li tinsab f’żona ta’ dan l-Istat Membru li fuqha l-Gvern tiegħu ma jeżerċitax kontroll effettiv ma tistax, fil-prattika, tiġi eżegwita fil-post fejn tinsab il-proprjetà ma jimplikax nuqqas ta’ natura eżekuttiva ta’ tali sentenza skont l-Artikolu 38(1) tar-Regolament Nru 44/2001, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali. F’dan ir-rigward, jekk huwa minnu li n-natura eżekuttiva tas-sentenza fl-Istat Membru ta’ oriġini tikkostitwixxi kundizzjoni tal-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza fl-Istat Membru fejn tintalab l-eżekuzzjoni ta’ sentenza, u li, għalhekk, ma teżisti l-ebda raġuni li sentenza tingħata, meta tiġi eżegwita, drittijiet li ma japplikawx għaliha fl-Istat Membru ta’ oriġini, madankollu, ma jistax jiġi validament sostnut li sentenzi dwar proprjetà li tinsab fiż-żona ta’ Ċipru fejn il-Gvern ta’ dan l-Istat Membru ma jeżerċitax kontroll effettiv ma jistgħux jiġu eżegwiti f’dan l-Istat. Fil-fatt, fir-rigward ta’ sentenzi ta’ kundanna li ċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 54 tar-regolament jikkonstata n-natura eżekuttiva tagħhom fl-Istat Membru ta’ oriġini fid-data li fiha nħareġ dan iċ-ċertifikat, iċ-ċirkustanza li r-rikorrenti jistgħu jsibu xi diffikultajiet sabiex jiġu eżegwiti s-sentenzi inkwistjoni fiż-żona ta’ Fuq ma tneħħix min-natura eżekuttiva tagħhom u, għaldaqstant, ma tipprekludix il-qrati tal-Istat Membru fejn tintalab l-eżekuzzjoni ta’ sentenza milli jiddikjaraw dawn is-sentenzi eżekuttivi.

      (ara l-punti 66-71 u d-dispożittiv 3)

    5.  Ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija inkontumaċja ma jistgħux jiġu rrifjutati skont l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, meta l-konvenut ikun jista’ jippreżenta rikors kontra s-sentenza mogħtija inkontumaċja u meta permezz ta’ dan ir-rikors huwa jkun jista’ jsostni li l-att promotur jew l-att ekwivalenti ma jkunx ġie ppreżentat jew innotifikat lilu fil-ħin u b’tali mod li jkun jista’ jiddefendi ruħu. Fil-fatt, l-Artikolu 34(2), b’differenza mid-dispożizzjoni ekwivalenti li tinsab fl-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, ma jirrikjedix neċessarjament ir-regolarità tal-preżentata jew tan-notifika tal-att promotur, iżda pjuttost ir-rispett effettiv tad-drittijiet tad-difiża. B’hekk, sentenza mogħtija inkontumaċja abbażi ta’ att promotur mhux notifikat fil-ħin lill-konvenut u b’tali mod li jkun jista’ jiddefendi ruħu, għandha tiġi rrikonoxxuta jekk huwa ma jkunx ħa l-inizjattiva li jippreżenta rikors kontra din is-sentenza, meta seta’ jagħmel dan. Għalhekk, id-drittijiet tad-difiża, li l-leġiżlatur Komunitarju xtaq iħares permezz tal-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001, jiġu rrispettati meta l-konvenut effettivament ikun ippreżenta rikors kontra s-sentenza mogħtija inkontumaċja u li permezz ta’ dan ir-rikors isostni li l-att promotur jew l-att ekwivalenti ma jkunx ġie ppreżentat jew innotifikat lilu fil-ħin u b’tali mod li jkun jista’ jiddefendi ruħu.

      (ara l-punti 75-78, 80 u d-dispożittiv 4)

    Top