Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0414

    Sommarju tas-sentenza

    Kawża C-414/07

    Magoora sp. zo. o.

    vs

    Dyrektor Izby Skarbowej w Krakowie

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Krakowie)

    “Sitt Direttiva tal-VAT — Artikolu 17(2) u (6) — Leġiżlazzjoni nazzjonali — Tnaqqis tal-VAT fuq ix-xiri ta’ karburant għal ċerti vetturi irrispettivament mill-għan li għalih jintużaw — Restrizzjoni effettiva tad-dritt għal tnaqqis — Esklużjonijiet previsti mil-liġi nazzjonali fil-mument li daħlet fis-seħħ id-Direttiva”

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-22 ta’ Diċembru 2008   I ‐ 10923

    Sommarju tas-sentenza

    Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-liġijiet – Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa – Esklużjonijiet mid-dritt għal tnaqqis

    (Direttiva tal-Kunsill 77/388, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(6))

    It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, jipprekludi lil Stat Membru milli jħassar fit-totalità tagħhom, fl-okkażjoni tat-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva fid-dritt intern, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirrigwardaw il-limitazzjonijiet tad-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud tal-input imħallsa fuq ix-xiri ta’ karburant għal vetturi użati għall-finijiet ta’ attività taxxabbli, billi jissostiwixxi, fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva fit-territorju tiegħu, dawn id-dispożizzjonijiet b’dispożizzjonijiet li jistabbilixxu kriterji ġodda f’dan ir-rigward, jekk – u dan huwa punt li għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju – dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar kellhom bħala effett li wessgħu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija limitazzjonijiet. F’dan ir-rigward, il-kuncett ta’ “liġijiet nazzjonali”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva, jirreferi għas-sistema tat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud eżistenti u effettivament applikata fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva. Il-klawżola ta’ ‘standstill’ prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva ma għandhiex bħala għan li tippermetti lil Stat Membru ġdid jemenda l-leġiżlazzjoni interna tiegħu fl-okkażjoni tal-adeżjoni tiegħu fl-Unjoni Ewropea f’sens li jbiegħed din il-leġiżlazzjoni mill-għanijiet ta’ din id-direttiva. F’kull każ, dan l-artikolu jipprekludi lil Stat Membru milli sussegwentement jemenda l-leġiżlazzjoni tiegħu li daħlet fis-seħħ fl-imsemmija data b’mod li jwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-limitazzjonijiet meta mqabbel mas-sitwazzjoni eżistenti qabel din id-data.

    (ara l-punti 38, 39, 45 u d-dispożittiv)

    Top