This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62007CJ0388
Sommarju tas-sentenza
Sommarju tas-sentenza
Kawża C-388/07
The Queen, fuq it-talba ta’:
The Incorporated Trustees of the National Council on Ageing
(Age Concern England)
vs
Secretary of State for Business, Enterprise and Regulatory Reform
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (England and Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court))
“Direttiva 2000/78 — Trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol — Diskriminazzjoni bbażata fuq l-età — Sensji minħabba rtirar — Ġustifikazzjoni”
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Mazák, ippreżentati fit-23 ta’ Settembru 2008 I ‐ 1573
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-5 ta’ Marzu 2009 I ‐ 1598
Sommarju tas-sentenza
Politika soċjali – Trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol – Direttiva 2000/78
(Direttiva tal-Kunsill 2000/78, il-premessa 14 u l-Artikoli 1 u 3(1)(ċ))
Politika soċjali – Trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol – Direttiva 2000/78
(Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikoli 2(2)(a) u 6(1))
Politika soċjali – Trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol – Direttiva 2000/78
(Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikoli 2(2)(b) u 6(1))
Id-Direttiva 2000/78, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, hija intiża sabiex tistabbilixxi qafas ġenerali sabiex kull persuna tkun żgurata trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol, billi toffrilha protezzjoni effikaċi kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 1 tagħha, fosthom l-età.
Skont l-erbatax-il premessa tagħha, din id-direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu l-età ta’ rtirar. Madankollu, din il-premessa tillimita ruħha sabiex tispeċifika li l-imsemmija direttiva ma taffettwax il-kompetenza tal-Istati Membri sabiex jiddeterminaw l-età li fiha wieħed jikkwalifika sabiex jirtira u bl-ebda mod ma tipprekludi l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva għall-miżuri nazzjonali li jirregolaw il-kundizzjonijiet tat-tmiem ta’ kuntratt ta’ impjieg meta tintlaħaq l-età tal-irtirar, hekk stabbilita.
Barra dan, leġiżlazzjoni nazzjonali, li ma tistabbilixxix sistema imperattiva ta’ rtirar ex officio iżda li tipprevedi l-kundizzjonijiet fejn min iħaddem jista’ jidderoga mill-prinċipju tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq l-età u jkeċċi ħaddiem minħabba li dan tal-aħħar laħaq l-età sabiex jirtira, taffettwa direttament it-tul tar-relazzjoni ta’ xogħol bejn il-partijiet kif ukoll, b’mod iktar ġenerali, l-ingaġġ tal-ħaddiem ikkonċernat f’xi xogħol.
Barra dan, din il-leġiżlazzjoni ċċaħħad ukoll ħaddiem li laħaq l-età jew li qed joqrob lejn l-età sabiex jirtira minn kull protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni għal impjieg ibbażata fuq l-età, li tillimita b’hekk il-parteċipazzjoni futura ta’ din il-kategorija ta’ ħaddiema fis-suq tax-xogħol. Leġiżlazzjoni nazzjonali tali għandha għalhekk tiġi meqjusa bħala li tistabbilixxi regoli li jirrigwardjaw “il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78 u, għaldaqstant, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.
(ara l-punti 23, 25, 27, 28, 30 u d-dispożittiv 1)
L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jipprekludix miżura nazzjonali li ma tikkontjenix elenku preċiż tal-għanijiet li jiġġustifikaw li tkun tista’ issir deroga mill-prinċipju tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq l-età li, b’mod partikolari, jaqa’ taħt il-kategorija ta’ diskriminazzjoni diretta, kif iddefinit fl-Artikolu 2(2)(a). Madankollu, l-imsemmi Artikolu 6(1) jipprovdi l-possibbiltà li ssir deroga minn dan il-prinċipju biss għall-uniċi miżuri ġġustifikati minn għanijiet leġittimi ta’ politika soċjali bħal dawk relatati mal-politika tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol jew tat-taħriġ professjonali. Hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil min iħaddem sabiex jilliċenzja l-ħaddiema li għalqu l-età sabiex jirtiraw tosservax tali għan leġittimu u jekk l-awtorità leġiżlattiva jew regolamentari nazzjonali setgħetx leġittimament tqis, fid-dawl tal-marġni diskrezzjonali li jgawdu minnu l-Istati Membri għal dak li jirrigwarda l-politika soċjali, li l-mezzi magħżula kienu approprjati u neċessarji għat-twettiq ta’ dan il-għan.
(ara l-punt 52 u d-dispożittiv 2)
L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, tagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jipprevedu, fil-kuntest tad-dritt nazzjonali, ċerti forom ta’ trattament differenti bbażat fuq l-età meta dan huwa “objettivament u raġonevolment” iġġustifikat minn għan leġittimu, bħall-politika tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol jew tat-taħriġ professjonali, u li l-mezzi għat-twettiq ta’ dan il-għan huma approprjati u neċessarji.
L-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, jippermetti lill-Istati Membri li jistabbilixxu fid-dritt nazzjonali tagħhom dispożizzjonijiet li jipprevedu trattament differenti bbażat fuq l-età li, b’mod partikolari, jaqa’ taħt il-kategorija ta’ diskriminazzjoni diretta, kif iddefinit fl-Artikolu 2(2)(a) ta’ din id-direttiva. Huwa wkoll f’din il-miżura, b’mod partikolari, li l-imsemmi Artikolu 6(1) għandu jiġi interpretat bħala li japplika, skont l-ewwel subparagrafu tiegħu, “[m]inkejja l-Artikolu 2(2)” ta’ din id-direttiva. Din il-fakultà, inkwantu tikkostitwixxi eċċezzjoni għall-prinċipju tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, hija madankollu strettament inkwadrata mill-kundizzjonijiet previsti fl-istess Artikolu 6(1).
Rigward l-eżistenza ta’ applikazzjoni differenti tal-kriterji msemmija fl-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78, f’relazzjoni ma’ dik tal-kriterji li jinsabu fl-Artikolu 6(1) tagħha, din l-aħħar dispożizzjoni tagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jipprevedu, fil-kuntest tad-dritt nazzjonali, li ċerti forom ta’ trattament differenti bbażati fuq l-età ma jikkostitwixxux diskriminazzjoni fis-sens ta’ din id-direttiva meta huma “objettivament u raġonevolment” iġġustifikati. Filwaqt li għandu jiġi kkonstatat li l-kelma “raġonevolment” mhijiex imniżżla fl-Artikolu 2(2)(b) tal-imsemmija direttiva, ma jistax jiġi kkunsidrat li trattament differenti jkun jista’ jiġi ġġustifikat minn għan leġittimu, milħuq minn mezzi approprjati u neċessarji, iżda li din il-ġustifikazzjoni mhijiex raġonevoli. Għaldaqstant, mhemmx lok li tingħata importanza partikolari lill-fatt li l-imsemmija kelma ġiet użata biss fl-Artikolu 6(1) ta’ din l-istess direttiva. Jeħtieġ madankollu li jiġi enfasizzat li dan l-aħħar artikolu japplika għall-Istati Membri u jimponilhom, minkejja l-marġni diskrezzjonali wiesgħa li għandhom fir-rigward ta’ politika soċjali, l-oneru li jistabbilixxu l-leġittimità tal-għan imfittex sabiex jintlaħaq il-limitu probatorju mgħolli.
(ara l-punti 61-62, 65, 67, u d-dispożittiv 3)