Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0312

    Sommarju tas-sentenza

    Kawża C-312/07

    JVC France SAS

    vs

    Administration des douanes — Direction nationale du renseignement et des enquêtes douanières

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal d’instance du XIe arrondissement de Paris)

    “Tariffa Doganali Komuni — Klassifikazzjoni tat-tariffi — Nomenklatura Magħquda — Kamkorders — Noti ta’ spjegazzjoni — Qafas ġuridiku”

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tal-5 ta’ Ġunju 2008   I - 4167

    Sommarju tas-sentenza

    1. Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Limiti – Domandi manifestament irrilevanti

      (Artikolu 234 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 2658/87, Anness I)

    2. Tariffa Doganali Komuni – Intestaturi tat-tariffi – Kamkorders bil-funzjoni DV-in li tista’ tiġi attivata wara l-iżdoganar

    3. Tariffa Doganali Komuni – Interpretazzjoni

    1.  Meta l-qorti tar-rinviju jkollha quddiemha talba għal remissjoni ta’ dazji doganali bbażata fuq l-Artikolu 239(1) tal-Kodiċi Doganali u għaldaqstant ikollha tfittex elementi li jistgħu jikkostitwixxu sitwazzjoni speċjali li tirriżulta minn ċirkustanzi li ma jinvolvu ebda ingann jew traskuraġni ovvja min-naħa tal-importatur, il-kwistjoni tal-qafas ġuridiku tan-noti ta’ spjegazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni, hija rilevanti. Minn dan isegwi li d-domanda preliminari li tirrigwarda l-effetti ġuridiċi tal-emendi tan-noti ta’ spjegazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda hija ammissibbli.

      (ara l-punti 28, 32)

    2.  Kamkorder jista’ jiġi kklassifikat taħt is-subintestatura 85254099 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni, biss jekk il-funzjoni tar-reġistrazzjoni tal-immaġni u tal-ħsejjes provenjenti minn sorsi oħra minbarra l-kamera jew il-mikrofonu integrati (funzjoni DV-in) tkun attiva fil-mument tal-iżdoganar, jew jekk, anki meta l-manifattur ma kellux l-intenzjoni li jippromwovi din il-karatteristika, din il-funzjoni tista’ tiġi faċilment attivata sussegwentement permezz ta’ manipulazzjoni tal-apparat minn utent li m’għandux kompetenzi partikolari, mingħajr ma jkun hemm modifika materjali tal-kamkorder. Fil-każ ta’ attivazzjoni sussegwenti, huwa wkoll neċessarju, minn naħa, li ladarba l-funzjoni tiġi attivata, il-kamkorder ikollu l-istess funzjoni bħal kamkorder ieħor li l-funzjoni DV-in tiegħu tkun attiva fil-mument tal-iżdoganar u, min-naħa l-oħra, li jiffunzjona b’mod awtonomu. L-eżistenza ta’ dawn il-kundizzjonijiet għandha tkun tista’ tiġi vverifikata fil-mument tal-iżdoganar. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex sodisfatti. Jekk dawn il-kundizzjonijiet ma jiġux sodisfatti, dan il-kamkorder għandu jiġi kklassifikat taħt is-subintestatura 85254091 tan-Nomenklatura Magħquda.

      (ara l-punti 25-27 u d-dispożittiv 1)

    3.  In-noti ta’ spjegazzjoni dwar is-subintestatura 85254099, ippubblikati fis-6 ta’ Lulju 2001 u fit-23 ta’ Ottubru 2002, tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni, huma ta’ natura interpretattiva u mhumiex legalment vinkolanti. Huma konformi mal-formulazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u ma jibdlux il-portata tagħha. Minn dan isegwi li l-adozzjoni ta’ regolament ġdid ta’ klassifikazzjoni iktar mill-interpretazzjoni tar-regolament eżistenti ma kinitx neċessarja.

      (ara l-punti 28, 37 u d-dispożittiv 2)

    Top