Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0295

    Sommarju tas-sentenza

    Kawża C-295/07 P

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    vs

    Département du Loiret

    “Appell — Għajnuna mill-Istat — Prezz preferenzjali ta’ art — Deċiżjoni tal-Kummissjoni — Irkupru ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni — Valur attwali tal-għajnuna — Rata ta’ imgħax komposta — Nuqqas ta’ motivazzjoni — Annullament totali — Ammissibbiltà”

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Mengozzi, ippreżentati fil-5 ta’ Ġunju 2008   I ‐ 9366

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-11 ta’ Diċembru 2008   I ‐ 9387

    Sommarju tas-sentenza

    1. Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni li hija konformi ma’ deċiżjonijiet preċedenti

      (Artikolu 253 KE)

    2. Appell – Aggravji – Kritika tal-konklużjonijiet li siltet il-Qorti tal-Prim’Istanza mis-soluzzjoni legali mogħtija għall-motivi diskussi – Ammissibbiltà

      (Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 113)

    3. Rikors għal annullament – Sentenza ta’ annullament – Portata – Annullament totali ta’ deċiżjoni li tordna l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat abbażi ta’ konklużjonijiet limitati għall-motivazzjoni tal-applikazzjoni ta’ rata ta’ imgħax komposta – Inammissibbiltà

      (is-sitt paragrafu tal-Artikolu 224 KE, Artikolu 230 KE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 231 KE)

    1.  Għalkemm deċiżjoni tal-Kummissjoni, li ssegwi linja ta’ prassi deċiżjonali stabbilita, tista’ tiġi motivata fil-qosor, partikolarment b’riferiment għal dik il-prassi, min-naħa l-oħra, jekk tmur iktar lil hinn b’mod sinjifikattiv mid-deċiżjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni għandha tiżviluppa r-raġunament tagħha b’mod espliċitu. Dan ikun il-każ fir-rigward ta’ deċiżjoni li tordna l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat meta tapplika rata ta’ imgħax komposta u meta, fiż-żmien tal-adozzjoni tagħha, l-ebda dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju u lanqas il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jew dik tal-Qorti tal-Prim’Istanza ma kienu jippreċiżaw li l-imgħaxijiet li għajnuna li għandha tiġi rkuprata għandha tinkludi għandhom jiġu kkalkolati fuq bażi komposta, iżda, għall-kuntrarju, tali impożizzjoni ta’ imgħaxijiet kienet l-ewwel manifestazzjoni ta’ politika ġdida u sinjifikattiva tal-Kummissjoni.

      (ara l-punti 44, 46, 49)

    2.  Għalkemm, fil-kuntest ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti biex tevalwa s-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi diskussi quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, hija għandha, għaliex li kieku ma kienx hekk il-proċedura tal-appell tiġi pprivata minn parti importanti mis-sinjifikat tagħha, tkun kompetenti wkoll sabiex tevalwa l-konklużjonijiet legali li l-Qorti tal-Prim’Istanza siltet minn tali soluzzjoni, li wkoll jikkostitwixxu punt ta’ liġi u li, barra minn hekk, ma jistgħux neċessarjament jiġu antiċipati mill-partijiet matul il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Minn dan jirriżulta li aggravju mqajjem, fil-kuntest ta’ appell, kontra konklużjoni legali li l-Qorti tal-Prim’Istanza tkun siltet mis-soluzzjoni legali li hija tkun tat għal motiv diskuss quddiemha m’għandux jiġi kkunsidrat bħala li jibdel is-suġġett tal-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza skont l-Artikolu 113(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

      Dan ikun il-każ ta’ aggravju invokat mill-Kummissjoni u bbażat fuq il-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza, filwaqt li injorat il-prinċipju ta’ proporzjonalità, annullat b’mod totali deċiżjoni li tordna l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat abbażi ta’ konklużjoni li kienet tirrigwarda biss il-kalkolu tal-imgħaxijiet. Tali aggravju ma jikkostitwixxix talba ġdida, inammissibbli skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 113(1) tal-imsemmija Regoli tal-Proċedura, għaliex it-talba tal-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiċħad ir-rikors kontra l-imsemmija deċiżjoni tinkludi wkoll it-talba iktar ristretta ta’ eventwali ċaħda parzjali biss.

      (ara l-punti 96-101)

    3.  Is-sempliċi fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra motiv invokat mill-parti rikorrenti insostenn tar-rikors tagħha għall-annullament bħala fondat, ma jippermettilhiex tannulla awtomatikament l-att ikkontestat fit-totalità tiegħu. Fil-fatt, annullament totali ma jistax jiġi aċċettat meta jidher kjarament li dan il-motiv, li jirrigwarda biss punt speċifiku tal-att ikkontestat, jista’ jwassal biss għal annullament parzjali li jirrigwarda elementi li jistgħu jinfirdu mill-bqija tal-att.

      Minn dan jirriżulta li l-Qorti tal-Prim’Istanza twettaq żball ta’ liġi meta tannulla totalment deċiżjoni li tordna l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat abbażi ta’ konklużjonijiet limitati għall-motivazzjoni tal-metodu sabiex jiġi stabbilit il-valur attwali tal-ammont inizjali tal-għajnuna bl-applikazzjoni ta’ rata ta’ imgħax komposta. Issa, il-kwistjoni dwar jekk dan l-ammont inizjali tal-għajnuna għandux jingħata valur attwali bl-applikazzjoni ta’ rata ta’ imgħax sempliċi jew permezz ta’ rata ta’ imgħax komposta ma tinfluwenzax il-konstatazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-għajnuna hija inkompatibbli mas-suq komuni u li għandha tiġi rkuprata. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tiġi kkritikata li ma sseparatx il-kwistjoni tal-imgħax kompost minn dik tal-imgħax sempliċi, għaliex hija ma tistax tistabbilixxi l-valur attwali tal-ammont inizjali tal-għajnuna permezz tal-applikazzjoni ta’ rata ta’ imgħax sempliċi minflok permezz tal-applikazzjoni ta’ rata ta’ imgħax komposta mingħajr ma tibdel is-sustanza tad-deċiżjoni kkontestata.

      (ara l-punti 104, 105, 107, 109, 110)

    Top