This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62007CJ0222
Sommarju tas-sentenza
Sommarju tas-sentenza
Kawża C-222/07
Unión de Televisiones Comerciales Asociadas (UTECA)
vs
Administración General del Estado
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo)
“Talba għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 12 KE — Projbizzjoni tad-diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza — Artikoli 39 KE, 43 KE, 49 KE u 56 KE — Libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat KE — Artikolu 87 KE — Għajnuna mill-Istat — Direttiva 89/552/KEE — Twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni — Obbligu fuq l-operaturi tat-televiżjoni, li jirriżervaw parti mid-dħul tal-operat tagħhom għall-iffinanzjar antiċipat ta’ films ċinematografiċi u tat-televiżjoni Ewropej, b’60% mill-imsemmi ffinanzjar ikun iddedikat għal xogħlijiet li l-lingwa oriġinali tagħhom hija waħda mil-lingwi uffiċjali tar-Renju ta’ Spanja u li huma fil-parti l-kbira tagħhom prodotti mill-industrija ċinematografika Spanjola”
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fl-4 ta’ Settembru 2008 I ‐ 1411
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-5 ta’ Marzu 2009 I ‐ 1447
Sommarju tas-sentenza
Dritt Komunitarju – Prinċipji – Trattament ugwali – Diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni – Direttiva 89/552
(Artikoli 12 KE, 39(2) KE, 43 KE, 49 KE u 56 KE; Direttiva tal-Kunsill 89/552, Artikolu 3)
Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett
(Artikolu 87(1) KE)
Id-Direttiva 89/552 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni, kif emendata bid-Direttiva 97/36, u, b’mod partikolari, l-Artikolu 3 tagħha kif ukoll l-Artikolu 12 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux miżura meħuda minn Stat Membru, li tobbliga lill-operaturi tat-televiżjoni jirriżervaw 5% mid-dħul tal-operat tagħhom għall-iffinanzjar antiċipat ta’ films ċinematografiċi u tat-televiżjoni Ewropej kif ukoll, b’mod iktar speċifiku, 60% minn dan il-5% għal xogħlijiet li l-lingwa oriġinali tagħhom hija waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ dan l-Istat Membru.
Fil-fatt, indipendentement mill-kwistjoni jekk miżura taqax taħt l-oqsma koperti minn din id-direttiva, l-Istati Membri jibqgħu, fil-prinċipju, kompetenti sabiex jadottawha, bil-kundizzjoni li jirrispettaw il-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat.
Tali miżura, sa fejn tirrigwarda l-obbligu li jiġu rriżervati għal xogħlijiet li l-lingwa oriġinali tagħhom hija waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru kkonċernat 60% mill-5% tad-dħul tal-operat irriżervat għall-iffinanzjar antiċipat ta’ films ċinematografiċi u tat-televiżjoni Ewropej, tikkostitwixxi restrizzjoni għal numru ta’ libertajiet fundamentali, jiġifieri l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, il-libertà ta’ stabbiliment, il-moviment liberu tal-kapital u l-moviment liberu tal-ħaddiema.
Madankollu, din il-miżura tista’ tiġi ġġustifikata minħabba l-għan li tiġi difiża u promossa waħda jew iktar mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru kkonċernat. F’dan ir-rigward, miżura bħal din, sa fejn tistabbilixxi obbligu ta’ investiment f’films ċinematografiċi u tat-televiżjoni li l-lingwa oriġinali tagħhom tkun waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ dan l-Istat Membru tidher li hija adegwata sabiex tiggarantixxi t-twettiq ta’ għan bħal dan.
Barra minn dan, ma jidhirx li tali miżura tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan. Fil-fatt, din il-miżura, fl-aħħar mill-aħħar, tirrigwarda biss 3% mid-dħul tal-operat ta’ dawn l-operaturi, perċentwali li ma tistax tiġi kkunsidrata bħala sproporzjonata meta mqabbla mal-għan imfittex. Barra minn dan, din il-miżura ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, minħabba s-sempliċi fatt li din ma tipprovdix kriterji li jippermettu li x-xogħlijiet ikkonċernati jiġu kklassifikati bħala “prodotti kulturali”. Peress li l-lingwa u l-kultura huma intrinsikament marbuta, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-għan, imfittex minn Stat Membru, li jikkonsisti fid-difiża u l-promozzjoni ta’ waħda jew iktar mil-lingwi uffiċjali tiegħu, irid ikun neċessarjament marbut ma’ kriterji kulturali oħrajn sabiex ikun jista’ jiġġustifika restrizzjoni għal waħda mil-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat. Din il-miżura lanqas ma tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkiseb l-għan imfittex minħabba s-sempliċi fatt li l-benefiċjarji tal-finanzjament ikkonċernat huma fil-parti l-kbira impriżi produtturi taċ-ċinema stabbiliti f’dan l-Istat Membru. Il-fatt li l-kriterju li tkun ibbażata fuqu l-miżura msemmija, jiġifieri l-kriterju lingwistiku, jista’ jikkostitwixxi vantaġġ għal impriżi produtturi taċ-ċinema li jaħdmu bil-lingwa msemmija minn dan il-kriterju u li, għalhekk, jistgħu, fil-prattika, ikunu fil-parti l-kbira joriġinaw mill-Istat Membru fejn din il-lingwa tikkostitwixxi lingwa uffiċjali, jidher li huwa inerenti għall-għan imfittex. Tali sitwazzjoni ma tistax tikkostitwixxi, minnha nfisha, il-prova tan-natura sproporzjonata tal-miżura msemmija, għaliex altrimenti jitneħħa s-sens tar-rikonoxximent tagħha, bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, tal-għan imfittex minn Stat Membru, li jiddefendi u li jippromwovi waħda jew iktar mil-lingwi uffiċjali tiegħu.
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-Artikolu 12 KE, din id-dispożizzjoni hija intiża li tiġi applikata b’mod awtonomu biss f’sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt Komunitarju li għalihom it-Trattat ma jipprevedix regola speċifika ta’ nondiskriminazzjoni. Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ġie implementat, fl-oqsma tal-moviment liberu tal-ħaddiema, tad-dritt ta’ stabbiliment, tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u tal-moviment liberu tal-kapital mill-Artikoli 39(2) KE, 43 KE, 49 KE u 56 KE rispettivament. Billi minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-miżura inkwistjoni ma tidhirx li tmur kontra dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat, hija lanqas ma tista’ tiġi kkunsidrata bħala li tikser l-Artikolu 12 KE.
(ara l-punti 20, 24, 27, 29-34, 36-40 u d-dispożittiv 1)
L-Artikolu 87 KE għandu jiġu interpretat fis-sens li miżura meħuda minn Stat Membru, li tobbliga lill-operaturi tat-televiżjoni jirriżervaw 5% mid-dħul tal-operat tagħhom għall-iffinanzjar antiċipat ta’ films ċinematografiċi u tat-televiżjoni Ewropej kif ukoll, b’mod iktar speċifiku, 60% minn dan il-5% għal xogħlijiet li l-lingwa oriġinali tagħhom hija waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ dan l-Istat Membru, ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat favur l-industrija ċinematografika ta’ dan l-Istat Membru.
Fil-fatt, huma biss il-vantaġġi mogħtija direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat li jitqiesu bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. F’dan ir-rigward, id-distinzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni bejn “l-għajnuna mogħtija mill-Istati” u l-għajnuna mogħtija “permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat” ma tfissirx li l-vantaġġi kollha kkonsentiti minn Stat jikkostitwixxu għajnuna, indipendentament minn jekk humiex jew le ffinanzjati permezz ta’ riżorsi li ġejjin mill-Istat, imma hija intiża biss li tinkludi f’dan il-kunċett il-vantaġġi mogħtija direttament mill-Istat, kif ukoll dawk mogħtija permezz ta’ korp pubbliku jew privat, innominat jew stabbilit minn dan l-Istat.
Ma jidhirx li l-vantaġġ li din il-miżura tagħti lill-industrija ċinematografika tal-Istat Membru kkonċernat jikkostitwixxi vantaġġ li huwa mogħti direttament mill-Istat jew permezz ta’ korp pubbliku jew privat, innominat jew stabbilit minn dan l-Istat. Vantaġġ bħal dan jirriżulta minn liġi ġenerali li tobbliga lill-operaturi tat-televiżjoni, kemm jekk dawn huma pubbliċi jew privati, li jirriżervaw parti mid-dħul tal-operat tagħhom għall-iffinanzjar antiċipat ta’ films ċinematografiċi u tat-televiżjoni.
Barra minn dan, billi din il-miżura tapplika għal operaturi tat-televiżjoni pubbliċi, ma jidhirx li l-vantaġġ ikkonċernat jiddependi mill-kontroll imwettaq mill-entitajiet pubbliċi fuq tali operaturi jew mid-direttivi mogħtija minn dawn l-istess entitajiet lil tali operaturi.
(ara l-punti 43-47 u d-dispożittiv 2)