Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0213

    Sommarju tas-sentenza

    Kawża C-213/07

    Michaniki AE

    vs

    Ethniko Symvoulio Radiotileorasis

    u

    Ypourgos Epikrateias

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias)

    “Kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet — Direttiva 93/37/KEE — Artikolu 24 — Kawżi ta’ esklużjoni mill-parteċipazzjoni fil-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt — Miżuri nazzjonali li joħolqu inkompatibbiltà bejn is-settur tax-xogħlijiet pubbliċi u dak tal-mezzi ta’ informazzjoni”

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Poiares Maduro, ippreżentati fit-8 ta’ Ottubru 2008   I ‐ 10003

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-16 ta’ Diċembru 2008   I ‐ 10021

    Sommarju tas-sentenza

    1. Approssimazzjoni tal-liġijiet – Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet – Direttiva 93/37 – Kamp ta’ applikazzjoni

      (Direttiva tal-Kunsill 93/37)

    2. Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Limiti – Domandi manifestament irrilevanti u domandi ipotetiċi magħmula f’kuntest li jeskludi risposta utli – Domandi mingħajr rabta mas-suġġett tal-kawża prinċipali

      (Artikolu 234 KE)

    3. Approssimazzjoni tal-liġijiet – Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet – Direttiva 93/37

      (Direttiva tal-Kunsill 93/37, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24)

    4. Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Limiti – Eżami tal-kompatibbiltà tad-dritt nazzjonali mad-dritt Komunitarju

      (Artikolu 234 KE)

    5. Approssimazzjoni tal-liġijiet – Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet – Direttiva 93/37

      (Direttiva tal-Kunsill 93/37)

    1.  Id-Direttiva 93/37, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, kif emendata bid-Direttiva 97/52, ma tissuġġetta għal ebda kundizzjoni marbuta man-nazzjonalità jew mal-post ta’ stabbiliment tal-offerenti l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tagħha għall-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet. Fil-fatt, l-ebda element tal-imsemmija direttiva ma jippermetti li l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tagħha, b’mod partikolari tar-regoli komuni ta’ parteċipazzjoni stipulati, b’mod partikolari, fl-Artikolu 24 tagħha, tkun tiddependi mill-eżistenza ta’ rabta effettiva mal-moviment liberu bejn l-Istati Membri.

      (ara l-punt 29)

    2.  Fil-kuntest tal-proċedura stabbilita mill-Artikolu 234 KE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tal-eventwali deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, sa fejn id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi.

      Ir-rifjut li tingħata deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kontroversja fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi ta’ fatt jew ta’ dritt meħtieġa sabiex tagħti risposti utli għad-domandi li jkunu sarulha.

      (ara l-punti 32-34)

    3.  L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tad-Direttiva 93/37, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, kif emendata bid-Direttiva 97/52, għandu jiġi interpretat fis-sens li jelenka, b’mod eżawrjenti, il-kawżi bbażati fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta’ kwalità professjonali, li jistgħu jiġġustifikaw l-esklużjoni ta’ imprenditur milli jipparteċipa f’kuntratt pubbliku għal xogħlijiet. Madankollu, din id-direttiva ma tipprekludix Stat Membru milli jipprovdi għal miżuri ta’ esklużjoni oħra intiżi sabiex jiggarantixxu l-osservanza tal-prinċipji ta’ trattament ugwali tal-offerenti u ta’ trasparenza, sakemm miżuri bħal dawn ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan il-għan.

      (ara l-punt 49, u d-dispożittiv 1)

    4.  Ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li, fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, tevalwa l-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt Komunitarju u lanqas ma huwa l-kompitu tagħha li tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex tagħti lill-qorti tar-rinviju l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha tad-dritt Komunitarju li jistgħu jippermettulha tevalwa tali konformità sabiex tiddeċiedi l-kawża li jkollha quddiemha.

      (ara l-punt 51)

    5.  Id-dritt Komunitarju għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li, filwaqt li jkollha għanijiet leġittimi ta’ trattament ugwali tal-offerenti u ta’ trasparenza fl-ambitu tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, tistabbilixxi preżunzjoni inkonfutabbli (juris et de iure) ta’ inkompatibbiltà bejn il-kwalità ta’ proprjetarju, soċju, azzjonist prinċipali jew diriġent ta’ impriża li teżerċita attività fis-settur tal-mezzi ta’ informazzjoni u dik ta’ proprjetarju, soċju, azzjonist prinċipali jew diriġent ta’ impriża li tkun fdata mill-Istat jew minn persuna legali tas-settur pubbliku f’sens wiesa’ bl-eżekuzzjoni ta’ kuntratti għal xogħlijiet, għal provvisti jew għal servizzi.

      Il-koordinazzjoni Komunitarja tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi hija intiża, b’mod partikolari, sabiex teskludi kemm ir-riskju li tingħata preferenza lill-offerenti nazzjonali fl-għoti ta’ kuntratt kif ukoll il-possibbiltà li awtorità kontraenti pubblika titħalla tiġi ggwidata minn kunsiderazzjonijiet li ma jkunux relatati mal-kuntratt inkwistjoni. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri għandu jkollhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ miżuri intiżi sabiex jiggarantixxu l-prinċipji ta’ trattament ugwali tal-offerenti u ta’ trasparenza, li jikkostitwixxu l-bażi tad-direttivi Komunitarji fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Minn dan isegwi li d-dritt Komunitarju ma jipprekludix l-adozzjoni ta’ miżuri nazzjonali intiżi sabiex jeliminaw, fil-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, ir-riskju li jkun hemm prattiċi li jistgħu jippreġudikaw it-trasparenza u li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni, li jista’ jinħoloq mill-preżenza, fost l-offerenti, ta’ imprenditur li jeżerċita attività fis-settur tal-mezzi ta’ informazzjoni jew li jkollu rabtiet ma’ persuna involuta f’dan is-settur, u sabiex b’hekk jimpedixxu jew irażżnu l-frodi u l-korruzzjoni.

      Issa, dispożizzjoni nazzjonali, li tistabbilixxi inkompatibbiltà ġenerali bejn is-settur tax-xogħlijiet pubbliċi u dak tal-mezzi ta’ informazzjoni, għandha bħala konsegwenza l-esklużjoni mill-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ imprendituri ta’ xogħlijiet pubbliċi li jkunu involuti wkoll fis-settur tal-mezzi ta’ informazzjoni minħabba konnessjoni bħala proprjetarji, azzjonisti prinċipali, soċji jew diriġenti, mingħajr ma tagħtihom possibbiltà li juru, fid-dawl ta’ provi li jistgħu jitressqu, pereżempju, permezz ta’ kompetitur, li, fil-każ tagħhom ma hemmx riskju reali tat-tip imsemmi qabel. B’dan il-mod, meta teskludi kategorija sħiħa ta’ imprendituri ta’ xogħlijiet pubbliċi fuq il-bażi tal-preżunzjoni inkonfutabbli msemmija, tali dispożizzjoni tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet iċċitati ta’ trasparenza u ta’ trattament ugwali.

      (ara l-punti 54, 55, 60, 62, 63 u 69, u d-dispożittiv 2)

    Top