EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0161

Sommarju tas-sentenza

Kawża C-161/07

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Ir-Repubblika tal-Awstrija

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Artikolu 43 KE — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ soċjetajiet jew kumpanniji fuq talba ta’ ċittadini tal-Istati Membri l-ġodda — Proċedura ta’ ċertifikazzjoni tal-istatus ta’ ħaddiema li jaħdmu għal rashom”

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Poiares Maduro, ippreżentati fit-18 ta’ Settembru 2008   I ‐ 10673

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-22 ta’ Diċembru 2008   I ‐ 10685

Sommarju tas-Sentenza

Moviment liberu tal-persuni – Libertà ta’ stabbiliment – Restrizzjonijiet

(Artikoli 43 KE u 46 KE)

Stat Membru li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu titlob, għar-reġistrazzjoni ta’ soċjetajiet jew ta’ kumpanniji fir-reġistru tal-kummerċ fuq talba ta’ ċittadini tal-Istati Membri li daħlu fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004, bl-eċċezzjoni tar-Repubblika ta’ Ċipru u tar-Repubblika ta’ Malta, li jkunu membri ta’ soċjetà jew membri minoritarji f’kumpanniji b’responsabbiltà limitata, il-prova tal-istatus tagħhom ta’ ħaddiema li jaħdmu għal rashom maħruġa minn dipartiment tas-suq tal-impjieg jew il-produzzjoni ta’ ċertifikat ta’ eżenzjoni mill-permess tax-xogħol, jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 43 KE. Fil-fatt, l-Artikolu 43 KE jipprojbixxi lil kull Stat Membru milli jimponi, fil-leġiżlazzjoni tiegħu, fuq kull persuna li tagħmel użu tal-libertà tagħha li tistabbilixxi ruħha hemm, kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħha li huma differenti minn dawk stabbiliti għaċ-ċittadini tiegħu stess. Għaldaqstant, il-fatt li ċ-ċittadini mit-tmien Stati Membri l-ġodda biss ikunu suġġetti għal formalitajiet addizzjonali meta mqabbla ma’ dawk applikabbli għaċ-ċittadini nazzjonali, fir-rigward tal-aċċess tagħhom għall-imsemmija attivitajiet, jikser preċiżament din il-projbizzjoni.

Id-differenza fit-trattament tista’ taqa’ biss taħt id-deroga prevista mill-Artikolu 46 KE, li jipprovdi li l-miżuri diskriminatorji jistgħu jiġu ġġustifikati biss minħabba motivi ta’ ordni pubbliku, sigurtà pubblika u saħħa pubblika. F’dan ir-rigward, anki jekk jitqies li dan ir-riskju ta’ evażjoni tar-regoli tranżitorji li jirregolaw il-moviment liberu tal-ħaddiema li ġejjin mit-tmien Stati Membri l-ġodda huwa ta’ natura li joħloq tali problemi għall-ordni pubbliku fl-Istat Membru inkwistjoni, jekk dan tal-aħħar ma jipproduċix provi suffiċjenti fid-dritt li juru li l-għan tal-funzjonament tajjeb tas-suq tax-xogħol li huwa previst mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni jirrendi neċessarja l-implementazzjoni ta’ sistema ta’ awtorizzazzjoni ġenerali u minn qabel, fil-konfront ta’ kull operatur ikkonċernat mit-tmien Stati Membri l-ġodda, u li dan l-għan ma jistax jintlaħaq minn miżuri inqas restrittivi fuq il-libertà ta’ stabbiliment, ir-restrizzjoni inkwistjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment ma tkunx iġġustifikata.

(ara l-punti 28-30, 32, 38, 41, 42 u d-dispożittiv)

Top