Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0142

Sommarju tas-sentenza

Kawża C-142/07

Ecologistas en Acción-CODA

vs

Ayuntamiento de Madrid

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo Nru 22 de Madrid)

“Direttivi 85/337/KEE u 97/11/KE — Stima tal-effetti ta’ proġetti fuq l-ambjent — Xogħlijiet ta’ tibdil u ta’ titjib ta’ toroq urbani — Suġġezzjoni”

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fit-30 ta’ April 2008   I - 6100

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-25 ta’ Lulju 2008   I - 6117

Sommarju tas-sentenza

  1. Ambjent – Stima tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent – Direttiva 85/337

    (Direttiva tal-Kunsill 85/337, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 97/11, Artikoli 2(1) u 4(2))

  2. Ambjent – Stima tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent – Direttiva 85/337

    (Direttiva tal-Kunsill 85/337, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 97/11, Artikolu 2(1), u Annessi I, punt 7(b) u (ċ), u II, punt 10(e) u l-ewwel inċiż tal-punt 13)

  1.  Għalkemm, bħall-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 85/337 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, l-istess dispożizzjoni ta’ din id-direttiva, kif emendata bid-Direttiva 97/11, tagħti lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jistabbilixxu jekk proġett li jaqa’ fil-kategoriji elenkati fl-Anness II ta’ din id-direttiva tal-aħħar għandux jiġi suġġett għal stima tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent, dan il-marġni ta’ diskrezzjoni huwa limitat bl-obbligu, stabbilit fl-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva emendata, li l-proġetti li x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent, b’mod partikolari minħabba n-natura, id-daqs jew il-lokalizzazzjoni tagħhom, ikunu suġġetti għal stima fir-rigward tal-impatt tagħhom. Fl-applikazzjoni tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom, l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni kull wieħed minn dawn il-kriterji sabiex jistabbilixxu jekk proġetti x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt fuq l-ambjent.

    F’dan ir-rigward, bl-istess mod bħad-Direttiva 85/337, id-Direttiva emendata tiffoka fuq evalwazzjoni globali tal-effetti tal-proġetti jew tal-bidla tagħhom fuq l-ambjent. Ikun sempliċistiku u kuntrarju għal dan l-approċċ li jittieħdu inkunsiderazzjoni, għall-istima tal-effetti fuq l-ambjent ta’ proġett jew tal-bidla tiegħu, biss l-effetti diretti tax-xogħlijiet prospettati nfushom, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti fuq l-ambjent li jistgħu jkunu pprovokati mill-użu u mit-tħaddim tal-prodott finali ta’ dawn ix-xogħlijiet.

    (ara l-punti 38, 39)

  2.  Id-Direttiva 85/337, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata bid-Direttiva 97/11, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprovdi għall-istima tal-effetti fuq l-ambjent tal-proġetti ta’ tibdil u ta’ titjib ta’ toroq urbani meta dawn ikunu proġetti previsti fil-punt 7(b) jew (ċ) tal-Anness I ta’ din id-direttiva, jew meta dawn ikunu proġetti previsti fil-punt 10(e) jew fl-ewwel inċiż tal-punt 13 tal-Anness II tal-imsemmija direttiva, li x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent minħabba n-natura, id-daqs jew il-lokalizzazzjoni tagħhom u, jekk ikun il-każ, fid-dawl tal-interazzjoni tagħhom ma’ proġetti oħra.

    Fil-fatt, billi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/337 u dak tad-Direttiva emendata huwa wiesa’ ħafna, ikun għaldaqstant kuntrarju għall-għan innifsu tad-Direttiva emendata li kull proġett li jirrigwarda triq urbana jitħalla jaħrab mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għas-sempliċi raġuni li din id-direttiva ma ssemmix espressament il-proġetti li jirrigwardaw dan it-tip ta’ triq fost il-proġetti mniżżla fl-Annessi I u II tagħha. Barra minn hekk, il-kunċetti li jinsabu fl-imsemmija annessi huma kunċetti tad-dritt Komunitarju li għandhom jingħataw interpretazzjoni awtonoma u mhuwiex eskluż li t-tipi ta’ toroq li jissemmew fihom jinsabu kemm f’żoni mibnija kif ukoll barra minnhom.

    Barra minn hekk, il-fatt li l-punt 7(b) u (ċ) tal-Anness I tal-imsemmija direttiva emendata jirreferi għal proġetti li jirrigwardaw il-“bini” tat-tipi ta’ toroq li jissemmew ma jfissirx li proġetti li jirrigwardaw it-tibdil u t-titjib ta’ triq eżistenti huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva emendata. Fil-fatt, proġett li jirrigwarda t-tibdil ta’ triq li, minħabba d-daqs tiegħu u l-mod kif jitwettaq, jekwivali għal bini jista’ jiġi kkunsidrat li jirrigwarda bini fis-sens tal-imsemmi anness.

    Fl-aħħar nett, l-għan tal-imsemmija direttiva emendata ma jistax jiġi evitat permezz tal-qsim ta’ proġett u n-nuqqas li jittieħed inkunsiderazzjoni l-effett kumulattiv ta’ diversi proġetti m’għandux ikollu r-riżultat prattiku li dawn jaħarbu fit-totalità tagħhom mill-obbligu li titwettaq stima meta, meħudin flimkien, dawn x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent fis-sens tal-Artikolu 2(1) ta’ din l-istess direttiva.

    (ara l-punti 28, 29, 36, 44, 46 u d-dispożittiv)

Top