Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0138

    Sommarju tas-sentenza

    Kawża C-138/07

    Belgische Staat

    vs

    Cobelfret NV

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hof van beroep te Antwerpen)

    “Direttiva 90/435/KEE — Artikolu 4(1) — Effett dirett — Leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha l-għan li titneħħa t-taxxa doppja fuq il-profitti mqassma — Tnaqqis tal-ammont ta’ dividendi riċevuti mill-bażi taxxabbli tal-kumpannija parent biss sa fejn tkun għamlet profitti taxxabbli”

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Sharpston, ippreżentati fit-8 ta’ Mejju 2008   I ‐ 734

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-12 ta’ Frar 2009   I ‐ 743

    Sommarju tas-sentenza

    1. Approssimazzjoni tal-liġijiet – Sistema fiskali komuni applikabbli għall-kumpanniji parent u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti – Direttiva 90/435

      (Direttiva tal-Kunsill 90/435, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1))

    2. Approssimazzjoni tal-liġijiet – Sistema fiskali komuni applikabbli għall-kumpanniji parent u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti – Direttiva 90/435

      (Direttiva tal-Kunsill 90/435, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1))

    1.  L-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali [parent] u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li d-dividendi riċevuti minn kumpannija parent jiġu inklużi fil-bażi taxxabbli tagħha, sabiex imbagħad jitnaqqsu sa ammont ta’ mhux iktar minn 95 % sa fejn, għall-perijodu taxxabbli kkonċernat, ikun hemm profitt pożittiv wara t-tnaqqis ta’ profitt eżentat ieħor.

      Fil-fatt, l-obbligu tal-Istat Membru li jkun għażel is-sistema, prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435, li jastjeni milli jintaxxa l-profitti li l-kumpannija parent tirċievi bis-saħħa tal-assoċjazzjoni tagħha mal-kumpannija sussidjarja tagħha ma għandu miegħu l-ebda kundizzjoni u huwa espress taħt l-unika riżerva tal-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-artikolu kif ukoll ta’ dik prevista fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva. L-ebda kundizzjoni ma hija partikolarment prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva għal dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ profitti taxxabbli oħra sabiex id-dividendi riċevuti mill-kumpannija parent ma jkunux suġġetti għat-taxxa. B’hekk, l-Istati Membri ma jistgħux jistabbilixxu unilateralment miżuri restrittivi, bħar-rekwiżit tal-eżistenza ta’ profitti taxxabbli tal-kumpannija parent, biex b’hekk jimponu kundizzjonijiet fuq il-possibbiltà li jibbenefikaw mill-vantaġġi previsti mid-Direttiva 90/435.

      Barra minn hekk, meta l-kumpannija parent ma tagħmilx profitti taxxabbli oħra fil-perijodu taxxabbli kkonċernat, leġiżlazzjoni bħal din għandha l-effett li tnaqqas it-telf tal-kumpannija parent sad-dividendi riċevuti. Peress illi, bħala prinċipju, din il-leġiżlazzjoni fiskali tipprovdi għat-trasferiment tat-telf għal fuq snin fiskali sussegwenti, it-tnaqqis tat-telf tal-kumpannija parent li seta’ jibbenefika minn dan it-trasferiment sal-ammont tad-dividendi riċevuti għandu effett fuq il-bażi taxxabbli ta’ din il-kumpannija fis-sena fiskali wara dik li fiha dawn id-dividendi huma riċevuti, sa fejn dawn il-profitti jkunu ogħla mit-telf trasferibbli. Isegwi li, anki jekk id-dividendi riċevuti mill-kumpannija parent ma jiġux intaxxati bħala taxxa fuq il-kumpanniji fis-sena fiskali li fiha dawn id-dividendi tqassmu, l-imsemmi tnaqqis tat-telf tal-kumpannija parent jista’ jkollu bħala effett li l-imsemmija kumpannija parent tkun suġġetta indirettament għat-taxxa fuq dawn id-dividendi fis-snin fiskali sussegwenti, meta r-riżultat tal-kumpannija parent ikun pożittiv, peress li limitazzjoni tat-tnaqqis tad-dividendi riċevuti bħal din mhijiex kompatibbli mad-Direttiva 90/435.

      Il-fatt li, huwa u japplika l-imsemmija sistema għad-dividendi mqassma kemm mis-sussidjarji rreġistrati lokalment kif ukoll minn dawk irreġistrati fi Stati Membri oħra, Stat Membru jipprova jelimina kull penalizzazzjoni fil-kooperazzjoni bejn kumpanniji ta’ Stati Membri differenti meta pparagunata mal-kooperazzjoni bejn kumpanniji tal-istess Stat Membru, ma jiġġustifikax l-applikazzjoni ta’ sistema li mhijiex kompatibbli mas-sistema ta’ prevenzjoni tat-taxxa doppja ekonomika prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tal-istess direttiva.

      (ara l-punti 33, 34, 36, 37, 39-41, 46 u d-dispożittiv)

    2.  L-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali [parent] u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti, huwa inkundizzjonat u suffiċjentement speċifiku sabiex ikun jista’ jiġi invokat quddiem il-qrati nazzjonali. Fil-fatt, l-obbligu li ma jiġux intaxxati l-profitti mqassma minn sussidjarja lill-kumpannija parent tagħha, previst fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435, huwa fformulat fi kliem mhux ekwivoċi u mhuwiex suġġett marbut ma xi kundizzjoni u u lanqas suġġett fl-eżekuzzjoni tiegħu jew fl-effetti tiegħu għal xi att ieħor, li jinħareġ kemm mill-istituzzjonijiet Komunitarji kif ukoll mill-Istati Membri.

      (ara l-punti 64, 65 u d-dispożittiv)

    Top