Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0121

    Sommarju tas-sentenza

    Kawża C-121/07

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    vs

    Ir-Repubblika Franċiża

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 2001/18/KE — Rilaxx intenzjonat fl-ambjent u tqegħid fis-suq ta’ GMOs — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Nuqqas ta’ eżekuzzjoni — Artikolu 228 KE — Eżekuzzjoni fil-mori tal-kawża — Sanzjonijiet pekunjarji”

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Mazák, ippreżentati fil-5 ta’ Ġunju 2008   I ‐ 9163

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-9 ta’ Diċembru 2008   I ‐ 9192

    Sommarju tas-sentenza

    1. Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas – Terminu ta’ eżekuzzjoni

      (Artikolu 228 KE)

    2. Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas – Nuqqas tat-twettiq tal-obbligu li tiġi eżegwita s-sentenza – Sanzjonijiet pekunjarji – Finalità

      (Artikolu 228(2) KE)

    3. Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas – Nuqqas tat-twettiq tal-obbligu li tiġi eżegwita s-sentenza – Sanzjonijiet pekunjarji – Impożizzjoni ta’ somma f’daqqa

      (Artikolu 228(2) KE)

    1.  Għalkemm l-Artikolu 228 KE ma jispeċifikax it-terminu li fih għandha sseħħ l-eżekuzzjoni tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-ħtieġa ta’ applikazzjoni immedjata u uniformi tad-dritt Komunitarju teżiġi li din l-eżekuzzjoni tibda immedjatament u tintemm fl-iqsar żmien possibbli.

      (ara l-punt 21)

    2.  Il-proċedura prevista fl-Artikolu 228(2) KE għanda bħala għan li tħeġġeġ lill-Istat Membru inadempjenti sabiex jeżegwixxi s-sentenza li kkonstatat in-nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu u, permezz ta’ dan, tassigura l-applikazzjoni effettiva tad-dritt Komunitarju. Il-miżuri previsti f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri l-ħlas ta’ somma f’daqqa u l-pagament ta’ penalità, it-tnejn huma intiżi għal dan l-istess għan.

      F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, f’kull kawża u skont iċ-ċirkustanzi tal-każ li tkun ġiet adita bih kif ukoll skont il-livell ta’ persważjoni u ta’ dissważjoni li jidhrilha li jkun meħtieġ, li għandha tadotta s-sanzjonijiet pekunjarji xierqa biex jiggarantixxu l-eżekuzzjoni l-iktar malajr possibbli tas-sentenza li preċedentemenet ikkonstatat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u biex jipprevjenu r-repetizzjoni ta’ ksur simili tad-dritt Komunitarju.

      Filwaqt li l-impożizzjoni ta’ penalità tidher li hija partikolarment xierqa sabiex tħeġġeġ lil Stat Membru jtemm, fl-iqsar żmien possibbli, nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li, fin-nuqqas ta’ tali miżura, x’aktarx jibqa’ jippersisti, l-impożizzjoni tal-ħlas ta’ somma f’daqqa tistrieħ iktar fuq l-evalwazzjoni tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi tal-Istat Membru kkonċernat fuq l-interessi privati u pubbliċi, b’mod partikolari meta n-nuqqas ikun kompla għal żmien twil wara s-sentenza li kienet inizjalment ikkonstatatu.

      Għalkemm il-kundanna għall-ħlas ta’ penalità, li għandha essenzjalment saħħa koerċitiva fir-rigward tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jkun qed iseħħ, għandha ssir, bħala regola, biss sakemm jibqa’ jeżisti n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza li tkun inizjalment ikkonstatatu, dan ma japplikax għal dak li jikkonċerna l-impożizzjoni tal-ħlas ta’ somma f’daqqa.

      (ara l-punti 27, 56-59)

    3.  L-impożizzjoni eventwali tal-ħlas ta’ somma f’daqqa mhijiex awtomatika iżda għandha, f’kull każ, tibqa’ ssir skont l-elementi kollha rilevanti li jkollhom x’jaqsmu kemm mal-karatteristiċi tan-nuqqas ikkonstatat kif ukoll mal-aġir tal-Istat Membru kkonċernat mill-proċeduri mibdija abbażi tal-Artikolu 228 KE.

      F’dan ir-rigward, anki jekk linji gwida bħal dawk li jinsabu fil-komunikazzjoni ppubblikata mill-Kummissjoni fir-rigward tal-impożizzjoni tal-ħlas ta’ somom f’daqqa, jistgħu effettivament jikkontribwixxu sabiex tkun garantita t-trasparenza, il-previdibbiltà u ċ-ċertezza legali tal-azzjoni ta’ din l-istituzzjoni, jibqa’ xorta waħda l-fatt li dawn ir-regoli ma jistgħux jorbtu lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-eżerċizzju tas-setgħa mogħtija lilha permezz tal-Artikolu 228(2) KE.

      Barra minn hekk, il-fatt li l-ħlas ta’ somma f’daqqa, s’issa, ma ġiex impost mill-Qorti tal-Ġustizzja f’sitwazzjonijiet fejn eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza inizjali seħħet qabel ma ntemmew il-proċeduri mibdija abbażi tal-Artikolu 228 KE, ma jistax jikkostitwixxi ostaklu għall-fat li tali impożizzjoni tiġi deċiża fil-kuntest ta’ kawża oħra, jekk dan jirriżulta li jkun neċessarju fid-dawl tal-karatteristiċi tal-każ u l-livell ta’ persważjoni u ta’ dissważjoni meħtieġa.

      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi timponi penalità, huwa f’idejha li, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, tiffissaha b’mod li tkun, minn naħa, adattata għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonata għan-nuqqas ikkonstatat kif ukoll għall-kapaċità tal-Istat Membru kkonċernat li jħallas.

      Fost il-fatturi rilevanti għall-finijiet ta’ tali deċiżjoni jinsabu elementi bħal kemm dam jippersisti n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu wara li ngħatat is-sentenza li kkonstatatu kif ukoll l-interessi pubbliċi u privati inkwistjoni.

      Meta n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jkun tali li jippreġudika lill-ambjent u li jipperikola s-saħħa tal-bniedem li l-preservazzjoni tagħha tagħmel parti mill-għanijiet tal-politika Komunitarja fil-qasam tal-ambjent, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 174 KE, tali nuqqas huwa partikolarment gravi. Bħala regola, dan japplika wkoll meta l-moviment liberu tal-merkanzija jkompli jkun ostakolat bi ksur tad-dritt Komunitarju minkejja sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li kkonstatat nuqqas bħal dan.

      Ir-repetizzjoni ta’ aġir ta’ Stat Membru bi ksur tad-dritt Komunitarju, f’settur speċifiku tal-azzjoni Komunitarja, tista’ tikkostitwixxi indikatur tal-fatt li l-prevenzjoni effettiva tar-repetizzjoni futura ta’ ksur simili tad-dritt Komunitarju hija tali li tirrikjedi l-adozzjoni ta’ miżura dissważiva bħall-impożizzjoni tal-ħlas ta’ somma f’daqqa.

      (ara l-punti 60-64, 69, 77, 78, 80)

    Top