Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0045

Sommarju tas-sentenza

Kawża C-45/07

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Ir-Repubblika Ellenika

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Artikoli 10 KE, 71 KE u 80(2) KE — Sigurtà marittima — Kontroll tal-bastimenti u tal-faċilitajiet tal-portijiet — Ftehim internazzjonali — Kompetenzi rispettivi tal-Komunità u tal-Istati Membri”

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Y. Bot, ippreżentati fl-20 ta’ Novembru 2008   I ‐ 704

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-12 ta’ Frar 2009   I ‐ 716

Sommarju tas-sentenza

  1. Stati Membri – Obbligi – Obbligu ta’ kooperazzjoni leali mal-Istituzzjonijiet Komunitarji – Sigurtà fuq il-bastimenti u fil-faċilitajiet tal-portijiet

    (Artikoli 10 KE, 71 KE u 80(2) KE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 725/2004)

  2. Komunitajiet Ewropej – Istituzzjonijiet – Obbligi – Obbligu ta’ kooperazzjoni leali – Reċiproċità

    (Artikoli 10 KE, 71 KE u 80(2) KE)

  3. Ftehim internazzjonali – Komunità mhux membru ta’ organizzazzjoni internazzjonali – Qasam li jaqa’ taħt il-kompetenza esterna tal-Komunità

  4. Ftehim internazzjonali – Ftehim tal-Istati Membri – Ftehim preċedenti għat-Trattat KE – Artikolu 307 KE – Kamp ta’ applikazzjoni

    (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 307 KE)

  1.  Sa fejn ir-regoli Komunitarji huma adottati sabiex iwettqu l-għanijiet tat-Trattat, l-Istati Membri ma jistgħux, barra mill-kuntest tal-istituzzjonijiet komuni, jassumu obbligi li jistgħu jaffettwaw l-imsemmija regoli jew li jibdlu l-portata tagħhom. Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 725/2004, dwar it-titjib fis-sigurtà fuq il-bastimenti u [fil-faċilitajiet tal-]fil-portijiet, li l-bażi legali tiegħu huwa l-Artikolu 80(2) KE, li fit-tieni paragrafu tiegħu jirreferi għall-Artikolu 71 KE, jikkostitwixxu regoli Komunitarji adottati sabiex iwettqu l-għanijiet tat-Trattat.

    Billi jistieden lill-Kumitat tas-Sigurtà Marittima Internazzjonali (IMO) jeżamina r-redazzjoni ta’ listi ta’ verifika (“check lists”) u strumenti oħra adatti biex jgħinu lill-Istati Kontraenti tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sigurtà tal-Ħajja fuq il-Baħar fil-verifika tal-konformità tal-bastimenti u tal-faċilitajiet tal-portijiet mar-rekwiżiti li jinsabu fil-Kapitolu XI-2 tal-Anness ta’ din il-konvenzjoni u fil-Kodiċi Internazzjonali ta’ Sigurtà għall-Bastimenti u għall-Faċilitajiet tal-Portijiet, Stat Membru jissottometti lill-imsemmi kumitat proposta li tista’ tibda proċedura li tista’ twassal għall-adozzjoni mill-IMO ta’ regoli ġodda. Issa, l-adozzjoni ta’ dawn ir-regoli ġodda tista’, bħala konsegwenza, ikollha impatt fuq ir-Regolament, peress li l-leġiżlatur Komunitarju jkun iddeċieda li jinkorpora, essenzjalment, iż-żewġ strumenti internazzjonali fid-dritt Komunitarju.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Istat Membru li jagħti bidu għal din il-proċedura jkun qed jieħu inizjattiva li tista’ taffettwa d-dispożizzjonijiet tar-Regolament, ħaġa li tikkostitwixxi ksur tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikoli 10 KE, 71 KE u 80(2) KE.

    (ara l-punti 17, 18, 21-23)

  2.  Ksur eventwali mill-Kummissjoni tal-Artikolu 10 KE mhuwiex ta’ natura li ma jippermettix lil Stat Membru jieħu inizjattivi li jistgħu jaffettwaw ir-regoli Komunitarji adottati sabiex iwettqu l-għanijiet tat-Trattat, u dan bi ksur tal-obbligi ta’ dan l-Istat li jirriżultaw mill-Artikoli 10 KE, 71 KE u 80(2) KE. Fil-fatt, Stat Membru ma jista’ fl-ebda każ ikun awtorizzat li jieħu b’mod unilaterali miżuri korrettivi jew ta’ difiża sabiex jevita nuqqas ta’ osservanza eventwali, minn istituzzjoni, tar-regoli tad-dritt Komunitarju.

    (ara l-punt 26)

  3.  Is-sempliċi fatt li l-Komunità mhijiex membru ta’ organizzazzjoni internazzjonali bl-ebda mod ma jawtorizza Stat Membru, li jaġixxi individwalment fil-kuntest tal-parteċipazzjoni tiegħu f’organizzazzjoni internazzjonali, jassumi obbligi li jaffettwaw regoli Komunitarji adottati sabiex iwettqu l-għanijiet tat-Trattat.

    In-nuqqas ta’ status bħala membru ta’ organizzazzjoni internazzjonali tal-Komunità ma jipprekludix li l-kompetenza esterna ta’ din tal-aħħar ma tkunx tista’ tiġi effettivament eżerċitata, b’mod partikolari permezz tal-Istati Membri li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Komunità.

    (ara l-punti 30, 31)

  4.  L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 307 KE għandu jiġi applikat biss fil-każ li jkun hemm inkompatibbiltà bejn, minn naħa, obbligu li jirriżulta minn ftehim internazzjonali, u, min-naħa l-oħra, obbligu li jirriżulta mid-dritt Komunitarju.

    (ara l-punt 35)

Top