EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006TJ0377

Sommarju tas-sentenza

Keywords
Summary

Keywords

1. Kompetizzjoni — Akkordji — Prova

(Artikolu 81(1) KE)

2. Kompetizzjoni — Akkordji — Ftehim bejn impriżi — Prova

(Artikolu 81(1) KE)

3. Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Oneru tal-Kummissjoni fir-rigward tal-prova tal-ksur u tat-tul tiegħu

(Artikolu 81(1) KE)

4. Kompetizzjoni — Akkordji — Prattika miftiehma — Kunċett — Koordinazzjoni u kooperazzjoni inkompatibbli mal-obbligu ta’ kull impriża li tiddetermina b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq

(Artikolu 81(1) KE)

5. Kompetizzjoni — Akkordji — Parteċipazzjoni ta’ impriża f’inizjattivi antikompetittivi — Natura suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-impriża, ta’ approvazzjoni taċita mingħajr disassoċjazzjoni pubblika

(Artikolu 81(1) KE)

6. Kompetizzjoni — Akkordji — Projbizzjoni — Ksur — Ftehim u prattiki miftiehma li jistgħu jitqiesu li jikkostitwixxu ksur uniku — Kunċett

(Artikolu 81(1) KE)

7. Kompetizzjoni — Akkordji — Ftehim bejn impriżi — Impriża li pparteċipat fi ftehim antikompetittiv — Aġir diverġenti minn dak miftiehem fl-akkordju

(Artikolu 81(1) KE)

8. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Tnaqqis tal-ammont tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża implikata — Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 96/C 207/04, Titolu D)

Summary

1. Fir-rigward tal-produzzjoni tal-prova ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE, il-Kummissjoni għandha tipproduċi provi preċiżi u konkordanti sabiex tistabbilixxi l-konvinzjoni ferma li l-ksur allegat twettaq. L-eżistenza ta’ dubju f’moħħ il-qorti tal-Unjoni għandha tiswa ta’ ġid lill-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur. Il-qorti ma għandhiex għaldaqstant tikkonkludi li l-Kummissjoni stabbiliet l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni b’mod suffiċjenti skont id-dritt jekk għadu jippersisti dubju f’moħħha fuq din il-kwistjoni, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ rikors intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni li timponi multa. Madankollu, kull waħda mill-provi prodotti mill-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element tal-ksur. Ikun suffiċjenti li l-indizji invokati mill-istituzzjoni, evalwati globalment, jissodisfaw dan ir-rekwiżit.

Barra minn dan, huwa abitwali li l-attivitajiet li l-ftehim antikompetittivi jinvolvu jsiru bil-moħbi, li l-laqgħat jinżammu b’mod sigriet, u li d-dokumentazzjoni relatata magħhom tiġi mnaqqsa għall-minimu. Isegwi li, anki jekk il-Kummissjoni tiskopri dokumenti li juru b’mod espliċitu li kien hemm kuntatt illegali bejn operaturi, bħall-minuti tal-laqgħat, normalment dawn ikunu biss frammentarji u skarsi, b’tali mod li ta’ spiss ikun neċessarju li ċerti dettalji jinġabru permezz ta’ deduzzjonijiet. Għaldaqstant, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv għandha tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u ta’ indizji, li, kkunsidrati flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni oħra koerenti, il-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni

(ara l-punti 56-58)

2. Id-dikjarazzjonijiet magħmula fil-kuntest tal-politika ta’ klemenza għandhom rwol importanti. Dawn id-dikjarazzjonijiet magħmula għan-nom ta’ impriżi għandhom valur probatorju konsiderevoli, peress li dawn jinvolvu riskji legali u ekonomiċi kunsiderevoli. Madankollu, id-dikjarazzjoni ta’ impriża akkużata bil-parteċipazzjoni f’akkordju, li l-eżattezza tagħha hija kkontestata minn numru ta’ impriżi akkużati oħra, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi prova suffiċjenti tal-eżistenza ta’ ksur imwettaq minn dawn tal-aħħar mingħajr ma tiġi sostnuta minn provi oħrajn

(ara l-punt 59)

3. It-tul tal-ksur huwa element li jikkostitwixxi l-kunċett ta’ ksur skont l-Artikolu 81(1) KE, element li fir-rigward tiegħu l-oneru tal-prova huwa fuq il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta’ provi li jistgħu jistabbilixxu direttament it-tul ta’ ksur, il-Kummissjoni għandha tibbaża ruħha, minn tal-inqas, fuq provi relatati ma’ fatti li seħħew fi żmien qrib biżżejjed, b’mod li jkun jista’ jiġi raġonevolment ammess li dan il-ksur kien seħħ kontinwament bejn żewġ dati preċiżi.

(ara l-punt 60)

4. Skambju ta’ informazzjoni ma għandux neċessarjament ikun reċiproku sabiex ikun ta’ ħsara għall-prinċipju ta’ aġir awtonomu fis-suq. L-iżvelar ta’ informazzjoni sensittiva jelimina l-livell ta’ inċertezza fir-rigward tal-aġir futur ta’ kompetitur u għalhekk jinfluwenza, direttament jew indirettament, l-istrateġija tad-destinatarju tal-informazzjoni.

(ara l-punt 70)

5. Il-kunċett ta’ disassoċjazzjoni pubblika bħala element ta’ eżenzjoni mir-responsabbiltà għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv. Il-komunikazzjoni li jkollha bħala għan id-disassoċjament pubbliku minn prattika antikompetittiva għandha tkun manifestata b’mod sħiħ u ċar, b’tali mod li l-parteċipanti l-oħra fl-akkordju jifhmu sewwa l-intenzjoni tal-impriża kkonċernata. Fin-nuqqas ta’ disassoċjazzjoni espliċita, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra li l-ksur ma ntemmx.

(ara l-punti 75, 76, 102)

6. Fir-rigward ta’ aġir li jikkonsisti f’organizzazzjoni regolari, tul diversi snin, ta’ kuntatti multilaterali u bilaterali bejn manifatturi kompetituri li kellhom bħala s-suġġett tagħhom l-istabbiliment ta’ prattiki illegali maħsuba sabiex jorganizzaw b’mod artifiċjali l-funzjonament tas-suq tal-attrezzaturi tar-ram, b’mod partikolari fir-rigward tal-prezzijiet, il-fatt li ċerti karatteristiċi jew li l-intensità ta’ dawn il-prattiki kienu nbidlu wara l-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni ma huwiex rilevanti fir-rigward tal-kontinwazzjoni tal-akkordju, peress li l-għan tal-prattika antikompetittiva jibqa’ l-istess, jiġifieri l-konċertazzjoni tal-prezzijiet li jikkonċernaw l-attrezzaturi. F’dan ir-rigward, huwa plawżibbli li, wara l-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni, l-akkordju ħa forma inqas strutturata u kellu attività b’intensità iktar varjabbli. Madankollu, il-fatt li akkordju jista’ jkollu perijodi ta’ attività ta’ intensitajiet varjabbli ma jimplikax li jista’ jiġi konkluż li dan intemm.

(ara l-punti 82, 85)

7. Il-fatt li akkordju ma jiġix osservat ma jbiddel xejn fir-rigward tal-eżistenza stess tiegħu. Fil-fatt, il-membri ta’ akkordju jibqgħu kompetituri fejn kull wieħed minnhom jista’ jiħajjar, fi kwalunkwe mument, li japprofitta mid-dixxiplina tal-oħrajn fil-qasam tal-prezzijiet stabbiliti mill-kartell sabiex ibaxxi l-prezzijiet tiegħu bil-għan li jżid is-sehem tiegħu tas-suq, filwaqt li jżomm livell ġenerali ta’ prezzijiet relattivament għoli.

(ara l-punti 98, 99)

8. Tnaqqis tal-multa minħabba kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva huwa ġġustifikat biss jekk l-aġir tal-impriża inkwistjoni ppermetta lill-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur b’inqas diffikultà u, jekk ikun il-każ, ittemmu. Tnaqqis tal-ammont tal-multa abbażi tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni tal‑1996 jista’ jkun iġġustifikat biss meta l-informazzjoni pprovduta, u b’mod aktar ġenerali, l-aġir tal-impriża inkwistjoni, ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati, f’dan ir-rigward, bħala li juru kooperazzjoni ġenwina min-naħa tagħha.

(ara l-punt 114)

Top