EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006TJ0208

Sommarju tas-sentenza

Keywords
Summary

Keywords

1. Kompetizzjoni — Akkordji — Prattika miftiehma — Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Għan antikompetittiv — Konstatazzjoni suffiċjenti

(Artikolu 81(1) KE)

2. Kompetizzjoni — Akkordji — Prattika miftiehma — Kunċett — Neċessità ta’ rabta kawżali bejn il-prattika miftiehma u l-aġir tal-impriżi fis-suq — Preżunzjoni li hemm din ir-rabta kawżali

(Artikolu 81(1) KE)

3. Kompetizzjoni — Akkordji — Ksur kumpless li jinkludi elementi ta’ ftehim u elementi ta’ prattika miftiehma — Klassifikazzjoni unika bħala “ftehim u/jew prattika miftiehma” — Ammissibbiltà

(Artikolu 81(1) KE)

4. Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Modalità ta’ prova — Użu ta’ serje ta’ indizji — Grad tas-saħħa probatorja meħtieġa fir-rigward ta’ indizji kkunsidrati individwalment

(Artikolu 81(1) KE)

5. Kompetizzjoni — Akkordji — Parteċipazzjoni ta’ impriża f’inizjattivi antikompetittivi — Natura suffiċjenti, għar-responsabbiltà tal-impriża, ta’ approvazzjoni taċita mingħajr tbegħid pubbliku

(Artikolu 81(1) KE)

6. Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Użu ta’ dikjarazzjonijiet ta’ impriżi oħra li pparteċipaw fil-ksur bħala mezzi ta’ prova — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

(Artikoli 81 KE u 82 KE)

7. Dritt Komunitarju — Prinċipji — Drittijiet fundamentali — Preżunzjoni ta’ innoċenza — Proċeduri fil-qasam tal-kompetizzjoni — Applikabbiltà

(Artikolu 81(1) KE)

8. Kompetizzjoni — Akkordji — Projbizzjoni — Ksur — Ftehim u prattiki miftiehma li jikkostitwixxu ksur uniku — Imputazzjoni ta’ responsabbiltà lil impriża għall-ksur kollu — Kundizzjonijiet

(Artikolu 81(1) KE)

9. Dritt Komunitarju — Interpretazzjoni — Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Teħid inkunsiderazzjoni

10. Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Prova tal-ksur u tat-tul tiegħu li għandha tiġi prodotta mill-Kummissjoni

(Artikolu 81(1) KE)

11. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Gravità tal-parteċipazzjoni ta’ kull impriża

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

12. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Impatt konkret fuq is-suq — Obbligu li jintwera tali impatt sabiex ksur jiġi kklassifikat bħala serju ħafna — Assenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

13. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi attenwanti — Rwol passiv jew emulattiv tal-impriża

(Artikolu 81 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

14. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Ċirkustanzi attenwanti — Aġir diverġenti minn dak miftiehem fl-akkordju

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

Summary

1. Sabiex jiġi evalwat jekk prattika miftiehma hijiex ipprojbita mill-Artikolu 81(1) KE, ma hemmx bżonn li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti konkreti tagħha meta jkun jidher li din għandha l-għan li tipprevjeni, tirrestrinġi jew toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni. Konsegwentement, ma hemmx bżonn li l-effetti ta’ prattika miftiehma jiġu analizzati ladarba l-għan antikompetittiv tagħha jiġi stabbilit.

(ara l-punt 39)

2. Fil-kuntest tal-Artikolu 81(1) KE, anki jekk il-kunċett ta’ prattika miftiehma jimplika, barra l-prattika miftiehma bejn l-impriżi kkonċernati, aġir fis-suq li jseħħ wara din il-prattika miftiehma u rabta kawżali bejn dawn iż-żewġ elementi, hemm lok li jiġi preżunt, bla ħsara għall-prova kuntrarja, li huma l-operaturi kkonċernati li għandhom jirrappurataw, illi l-impriżi li pparteċipaw fil-prattika miftiehma u li jkunu baqgħu attivi fis-suq jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom sabiex jiġi ddeterminat l-aġir tagħhom f’dan is-suq.

(ara l-punt 40)

3. Il-kunċetti ta’ ftehim u ta’ prattika miftiehma, fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, huma forom ta’ kollużjoni li jaqsmu l-istess karatteristiċi u li ma jistgħux jiġu distinti ħlief mill-intensità tagħhom u mill-forom li bihom huma jimmanifestaw irwieħhom.

Fil-kuntest ta’ ksur kumpless, li involva l-parteċipazzjoni ta’ diversi manifatturi għal numru ta’ snin bil-għan li jirregolaw is-suq bejniethom, il-Kummissjoni ma hijiex mistennija li tikklassifika l-ksur b’mod preċiż, għal kull impriża u f’kull waqt partikolari, bħala ftehim jew prattika miftiehma, peress li fi kwalunkwe każ, iż-żewġ tipi ta’ ksur huma koperti mill-Artikolu 81 KE.

F’dan il-kuntest, il-klassifikazzjoni doppja ta’ ksur uniku bħala “ftehim u bħala prattika miftiehma” għandha tinftiehem bħala li tirreferi għal ħaġa waħda kumplessa li tinkludi punti ta’ fatt, li wħud minnhom ġew ikklassifikati bħala ftehim u oħrajn bħala prattiki miftiehma fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, li ma jipprevedix klassifikazzjonijiet speċifiċi għal dan it-tip ta’ ksur kumpless.

(ara l-punti 34, 41, 42)

4. Fir-rigward tal-produzzjoni tal-prova tal-ksur tal-Artikolu 81(1) KE, il-Kummissjoni għandha tipproduċi l-provi li huma kapaċi juru, b’mod suffiċjenti fid-dritt, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 81(1) KE. F’dan ir-rigward, huwa meħtieġ li l-Kummissjoni tipproduċi provi preċiżi u konkordanti sabiex ikollha l-konvinzjoni ċerta li l-ksur seħħ.

Madankollu, kull prova prodotta mill-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tissodisfa kull rekwiżit meta mqabbla ma’ kull element tal-ksur. Huwa suffiċjenti li s-serje ta’ indizji invokati mill-istituzzjoni, evalwati b’mod globali, jissodisfaw dan ir-rekwiżit.

L-indizji li l-Kummissjoni tinvoka fid-deċiżjoni sabiex tipprova l-eżistenza ta’ ksur min-naħa ta’ impriża tal-Artikolu 81(1) KE ma għandhomx jiġu evalwati b’mod iżolat, iżda flimkien.

(ara l-punti 43-45)

5. Huwa biżżejjed li l-Kummissjoni turi li l-impriża kkonċernata pparteċipat f’laqgħat li matulhom ġew konklużi ftehim ta’ natura antikompetittiva, mingħajr ma opponiethom manifestament, sabiex tipprova suffiċjentement il-parteċipazzjoni tal-imsemmija impriża fl-akkordju. Ladarba l-parteċipazzjoni f’tali laqgħat tkun ġiet stabbilita, hija din l-impriża li għandha tipproduċi indizji li jistgħu jistabbilixxu li l-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmija laqgħat kienet nieqsa minn kull intenzjoni antikompetittiva, billi turi li hija kienet indikat lill-kompetituri tagħha li hija kienet ipparteċipat f’dawn il-laqgħat b’għanijiet differenti minn tagħhom.

Ir-raġuni wara dan il-prinċipju ta’ dritt hija li, peress li pparteċipat fl-imsemmija laqgħa mingħajr ma tbiegħdet pubblikament mill-kontenut tagħha, l-impriża tat x’tifhem lill-parteċipanti l-oħra li hija kienet qed taqbel ma’ dak li ġie deċiż fiha u li kienet se timxi miegħu.

Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza li impriża ma timplementax ir-riżultati ta’ laqgħa li għandha għan antikompetittiv ma hijiex ta’ natura li teżoneraha mir-responsabbiltà tagħha għal parteċipazzjoni f’akkordju, sakemm hija ma tkunx tbiegħdet pubblikament mill-kontenut tagħha.

Barra minn hekk, il-kunċett ta’ diżassoċjazzjoni pubblika bħala element ta’ eżenzjoni mir-responsabbiltà għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv. B’mod partikolari, is-silenzju osservat minn operatur f’laqgħa li fiha sseħħ prattika miftehma illeċita fuq kwistjoni preċiża relatata mal-politika tal-prezzijiet ma jistax jiġi interpretat bħala l-espressjoni ta’ nuqqas ta’ approvazzjoni sod u ċar.

(ara l-punti 47-50)

6. Fil-qasam tal-kompetizzjoni, l-ebda dispożizzjoni, u l-ebda prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea ma jipprojbixxu lill-Kummissjoni milli tagħmel użu minn dikjarazzjonijiet ta’ impriżi oħra li huma akkużati li pparteċipaw fl-akkordju sabiex tużahom kontra impriża oħra. Id-dikjarazzjonjiet li saru fil-kuntest tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell għalhekk ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li ma għandhomx valur probatorju biss minħabba dan il-fatt.

Huwa ġeneralment aċċettabbli li xhieda mogħtija b’mod volontarju mill-parteċipanti prinċipali f’akkordju illegali tiġi ttrattata b’ċertu suspett, meta titqies il-possibbiltà li dawn il-parteċipanti jnaqqsu l-importanza tal-kontribut tagħhom fil-ksur u li jżidu dik tal-oħrajn. Madankollu, fid-dawl tal-loġika inerenti għall-proċedura prevista mill-avviż dwar il-kooperazzjoni, il-fatt li persuna titlob biex tibbenefika mill-applikazzjoni ta’ dan l-avviż bil-għan li jinkiseb tnaqqis tal-multa mhux neċessarjament joħloq inċentiv biex jiġu prodotti provi mhux idonei fil-konfront tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju inkriminat. Fil-fatt, kull tentattiv biex il-Kummissjoni tiġi indotta tagħmel żball jista’ jqajjem dubji dwar is-sinċerità kif ukoll il-kompletezza tal-kooperazzjoni tal-impriża u, għaldaqstant, jipperikola l-possibbiltà li din tibbenefika b’mod sħiħ mill-avviż dwar il-kooperazzjoni.

B’mod partikolari, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li, il-fatt li persuna tistqarr li hija wettqet ksur u li tammetti għalhekk l-eżistenza ta’ fatti li jmorru lil hinn minn dawk li l-eżistenza tagħhom setgħet tiġi dedotta b’mod dirett mid-dokumenti inkwistjoni, jimplika a priori , fin-nuqqas ta’ fatti partikolari li jindikaw il-kuntrarju, li din il-persuna ddeċidiet li tgħid il-verità. Għalhekk, id-dikjarazzjonijiet li jmorru kontra l-interessi ta’ min għamilhom għandhom, bħala regola, jiġu kkunsidrati bħala provi partikolarment affidabbli.

Madankollu, id-dikjarazzjoni ta’ impriża akkużata li pparteċipat f’akkordju, li l-eżattezza tagħha hija kkontestata minn diversi impriżi akkużati oħra, ma tistax tkun ikkunsidrata bħala li tikkostitwixxi prova suffiċjenti tal-eżistenza ta’ ksur imwettaq minn dawn tal-aħħar jekk ma tkunx ikkorroborata minn provi oħrajn.

Għall-finijiet tal-eżami tal-valur probatorju tad-dikjarazzjonijiet tal-impriżi li ressqu talba abbażi tal-avviż dwar il-kooperazzjoni, il-Qorti Ġenerali tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari, l-importanza tal-indizji konkordanti li jsostnu r-rilevanza ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet u l-assenza ta’ indizji li dawn kienu jippruvaw jimminimizzaw l-importanza tal-kontribut tagħhom fil-ksur u jimmassimizzaw dik tal-impriżi l-oħrajn. Barra minn hekk, ir-rilevanza ta’ dikjarazzjoni tinfluwenza, skont il-każ, il-livell ta’ korroborazzjoni meħtieġ.

Iċ-ċirkustanza li dikjarazzjoni saret fi stadju ferm avvanzat tal-proċedura, jiġifieri fit-tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ma tippermettix, bħala tali, li d-dikjarazzjoni, li għandha tiġi eżaminata fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha ta’ dan il-każ, tiġi mċaħħda minn kull valur probatorju. Madankollu, tali dikjarazzjoni għandha inqas valur probatorju milli kieku saret b’mod spontanju u dan irrispettivament mid-dikjarazzjoni magħmula minn impriża oħra. B’mod partikolari, meta l-impriża li tressaq talba għal immunità tkun taf x’elementi tkun ġabret il-Kummissjoni fil-kuntest tal-investigazzjoni tagħha, il-loġika inerenti fil-proċedura prevista mill-avviż dwar il-kooperazzjoni, jiġifieri li kull tentattiv biex il-Kummissjoni tiġi indotta tagħmel żball jista’ jqajjem dubji dwar is-sinċerità kif ukoll il-kompletezza tal-kooperazzjoni tal-impriża, ma tkunx applikabbli bl-istess mod bħal meta tkun dikjarazzjoni spontanja, fejn l-impriża ma tkunx taf x’inhuma l-ilmenti mqajma mill-Kummissjoni. Bl-istess mod, il-kunsiderazzjonijiet li d-dikjarazzjonijiet abbażi tal-avviż dwar il-kooperazzjoni li jmorru kontra l-interessi ta’ min jagħmilhom għandhom, bħala regola, jiġu kkunsidrati bħala provi partikolarment affidabbli jistgħu ma jkunux għalkollox applikabbli fir-rigward tat-tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ta’ impriża li qed tressaq talba għal immunità.

(ara l-punti 52-56, 97, 108, 109)

7. Fir-rigward tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju, meta quddiem il-Qorti Ġenerali jiġi ppreżentat rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 81(1) KE, il-Qorti Ġenerali għandha teżerċita b’mod ġenerali stħarriġ sħiħ sabiex issir taf jekk il-kundizzjonijiet skont l-Artikolu 81(1) KE ġewx sodisfatti jew le.

L-eżistenza ta’ dubju fil-ħsieb tal-qorti għandha tiffavorixxi lill-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur, b’mod konformi mal-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza, li bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni japplika b’mod partikolari għall-proċeduri relatati ma’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għal impriżi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti ta’ penalità.

(ara l-punti 57, 58)

8. F’dan ir-rigward, fid-dawl tan-natura tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, kif ukoll tan-natura u tal-grad ta’ severità tas-sanzjonijiet marbutin miegħu, ir-responsabbiltà għat-twettiq ta’ dan il-ksur għandha natura personali.

Il-ftehim u l-prattiki miftiehma msemmija fl-Artikolu 81(1) KE neċessarjament jirriżultaw mill-kollaborazzjoni ta’ diversi impriżi, li huma lkoll koawturi tal-ksur, iżda li l-parteċipazzjoni tagħhom tista’ tieħu forom differenti, b’mod partikolari skont il-karatteristiċi tas-suq ikkonċernat u l-pożizzjoni ta’ kull impriża f’dan is-suq, l-għanijiet imfittxija u l-modalitajiet ta’ implementazzjoni magħżula jew maħsuba.

Madankollu, is-sempliċi fatt li kull impriża tipparteċipa fil-ksur f’modi partikolari għaliha ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi eskluża r-responsabbiltà tagħha għall-ksur kollu, inkluż l-aġir li jiġi materjalment implementat minn impriżi parteċipanti oħra li madankollu jkollu l-istess għan jew l-istess effett antikompetittiv.

Barra minn hekk, ksur tal-Artikolu 81(1) KE jista’ jirriżulta mhux biss minn att iżolat, iżda wkoll minn serje ta’ atti jew minn aġir kontinwat. Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata minħabba li element wieħed jew iktar minn din is-serje ta’ atti jew ta’ dan l-aġir kontinwat jistgħu wkoll jikkostitwixxu, fihom infushom u meqjusa waħedhom, ksur tal-imsemmija dispożizzjoni. Meta d-diversi azzjonijiet jaqgħu taħt “pjan ġenerali”, minħabba l-għan identiku tagħhom ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni, il-Kummissjoni tista’ timputa r-responsabbiltà ta’ dawn l-azzjonijiet skont il-parteċipazzjoni fil-ksur ikkunsidrat fit-totalità tiegħu, anki jekk ikun ġie stabbilit li l-impriża kkonċernata tkun ipparteċipat direttament biss f’wieħed jew iktar mill-elementi li jikkostitwixxu l-ksur. Minbarra dan, il-fatt biss li l-impriża ma kinitx attiva fis-settur ikkonċernat ma jimplikax neċessarjament li din l-impriża ma tistax tiġi kkunsidrata responsabbli mill-ksur uniku kollu.

Sabiex tistabbilixxi l-parteċipazzjoni ta’ impriża f’tali ftehim uniku, il-Kummissjoni għandha tipprova li l-imsemmija impriża kellha l-intenzjoni li, permezz tal-aġir tagħha stess, tikkontribwixxi għall-għanijiet komuni tal-parteċipanti kollha u li hija kienet taf bl-aġir materjali maħsub jew implementat minn impriżi oħra sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet, jew li hija setgħet b’mod raġonevoli tipprevedihom u li hija kienet lesta li taċċetta r-riskju.

B’hekk, tali impriża ma tistax tiġi kkunsidrata responsabbli ta’ akkordju globali ħlief jekk, minn naħa, hija kienet taf, jew kellha neċessarjament tkun taf, li l-kollużjoni li fiha kienet ipparteċipat, b’mod partikolari, bis-saħħa ta’ laqgħat regolari organizzati matul diversi snin, kienet tagħmel parti minn pjan sħiħ intiż sabiex joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni normali, u min-naħa l-oħra, li dan il-pjan kien ikopri l-elementi kollha li jikkostitwixxu l-akkordju. Is-sempliċi fatt li l-għan ta’ ftehim li fih ipparteċipat impriża u dak ta’ akkordju globali jkunu l-istess, ma huwiex biżżejjed biex din l-impriża tinżamm responsabbli għall-parteċipazzjoni fl-akkordju globali. Fil-fatt, huwa biss jekk l-impriża, meta hija tkun ipparteċipat f’dan il-ftehim, kienet taf jew kellha tkun taf li, billi għamlet hekk, hija kienet qed tinvolvi ruħha fl-akkordju globali, li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim ikkonċernat jista’ jikkostitwixxi l-espressjoni tal-adeżjoni tagħha ma’ dan l-akkordju globali.

F’dan ir-rigward, il-fatt li l-impriża kienet taf u kellha għanijiet antikompetittivi li jikkonċernaw wieħed mill-prodotti li jaqgħu taħt is-settur ikkonċernat ma jippermettix li jiġi konkluż li kien hemm dak l-għarfien fir-rigward tal-għan uniku li kellu l-akkordju uniku f’dan is-settur kollu. Fil-fatt, il-kunċett ta’ għan uniku ma jistax jiġi ddeterminat b’riferiment ġenerali għad-distorsjoni ta l-kompetizzjoni f’settur partikolari, peress li l-effett tal-kompetizzjoni jikkostitwixxi, bħala oġġett jew effett, element kostituttiv ta’ kull aġir li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE. Tali definizzjoni tal-kunċett ta’ għan uniku tista’ toħloq ir-riskju li l-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwat jiġi mċaħħad minn parti mis-sens tiegħu sa fejn dan għandu bħala konsegwenza li aġir differenti li jirrigwarda settur ekonomiku, ipprojbit mill-Artikolu 81(1) KE, ikollu b’mod sistematiku, jiġi kklassifikat bħala elementi kostituttivi ta’ ksur uniku.

(ara l-punti 125-128, 143, 144, 149)

9. Il-parti operattiva ta’ att ma tistax tiġi separata mill-motivazzjoni tiegħu u għandha tiġi interpretata, jekk ikun hemm bżonn, fid-dawl tal-motivi li wasslu għall-adozzjoni tiegħu.

(ara l-punt 131)

10. It-tul tal-ksur huwa element kostituttiv tal-kunċett ta’ ksur skont l-Artikolu 81(1) KE, element li fir-rigward tiegħu l-oneru tal-prova huwa, prinċipalment, fuq il-Kummissjoni. Fl-assenza ta’ provi li jistgħu jistabbilixxu direttament it-tul ta’ ksur, il-Kummissjoni għandha tibbaża ruħha, minn tal-inqas, fuq provi relatati ma’ fatti li seħħew fi żmien qrib biżżejjed, b’mod li jkun jista’ jiġi raġonevolment ammess li dan il-ksur kien seħħ kontinwament bejn żewġ dati preċiżi.

Barra minn hekk, il-fatt li l-kartell, bħala tali, kien baqa’ mhux interrott ma jippermettix illi jiġi eskluż illi wieħed jew iktar mill-parteċipanti tiegħu kienu interrompew il-parteċipazzjoni tagħhom matul xi żmien.

Jekk il-perijodu bejn żewġ manifestazzjonijiet ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur huwa kriterju rilevanti sabiex tiġi stabbilita n-natura kontinwata ta’ ksur, xorta jibqa’ l-fatt illi l-kwistjoni jekk l-imsemmi perijodu huwiex twil biżżejjed jew le sabiex jikkostitwixxi interruzzjoni tal-ksur ma tistax tiġi eżaminata b’mod astratt. Għall-kuntrarju, din għandha tiġi evalwata fil-kuntest tat-tħaddim tal-akkordju inkwistjoni, li jinkludi, jekk ikun il-każ, il-modalitajiet speċifiċi tal-parteċipazzjoni fil-ksur tal-impriża kkonċernata fl-akkordju.

(ara l-punti 155, 156, 159)

11. Fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont ta’ multa għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni skont il-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, għandha ssir distinzjoni bejn l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, li sservi sabiex jiġi ddeterminat l-ammont inizjali ġenerali tal-multa, u dik tal-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni fil-ksur ta’ kull impriża kkonċernata, fejn din l-aħħar kwistjoni għandha tiġi evalwata fil-kuntest tal-applikazzjoni eventwali taċ-ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti.

Fil-fatt, il-punti 2 u 3 tal-imsemmija linji gwida jipprovdu għal aġġustament tal-ammont bażiku tal-multa skont ċerti ċirkustanzi aggravanti u attenwanti, li huma partikolari għal kull impriża kkonċernata. B’mod partikolari, il-punt 3 tal-linji gwida jipprovdi, taħt it-titlu ta’ “Ċirkustanzi li jiskużaw il-gravità” [“ċirkustanzi attenwanti”], lista mhux eżawrjenti ta’ ċirkustanzi li jistgħu jwasslu għal tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa. Għalhekk, isir riferiment għar-rwol passiv ta’ impriża, għan-nuqqas ta’ applikazzjoni effettiva tal-ftehim, għat-tmiem tal-ksur mill-ewwel interventi tal-Kummissjoni, għall-eżistenza ta’ dubju raġonevoli tal-impriża dwar in-natura illegali tal-aġir segwit, għall-fatt li l-ksur kien twettaq b’negliġenza kif ukoll għall-kollaborazzjoni effettiva tal-impriża fil-proċedura barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-avviż dwar il-kooperazzjoni.

Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont inizjali tal-multa, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tevalwa l-effetti tal-aġir ta’ impriża b’mod partikolari. Fil-fatt, l-effetti li għandhom jiġu kkunsidrati sabiex jiġi ddeterminat il-livell ġenerali tal-multi, ma humiex dawk li jirriżultaw mill-aġir effettiv li impriża tallega li tkun adottat, iżda dawk li jirriżultaw mill-ksur kollu li hija tkun ipparteċipat fih.

Għalhekk, meta l-impriża ma hijiex responsabbli mill-akkordju kollu, iżda tista’ tiġi akkużata biss b’parti minn dan l-akkordju, dan il-fatt għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont inizjali tal-multa. Fil-fatt, f’dan il-każ, il-ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni huwa neċessarjament inqas gravi minn dak imputat lill-awturi tal-ksur li pparteċipaw fil-partijiet kollha tal-ksur, li jkunu kkontribwixxew iktar għall-effiċjenza u għall-gravità ta’ dan l-akkordju minn awtur tal-ksur li kien involut biss f’parti waħda ta’ dan l-istess akkordju. Issa, impriża ma tista’ qatt tingħata multa li l-ammont tagħha huwa kkalkolat skont parteċipazzjoni f’aġir kollużiv li hija ma tinstabx responsabbli għalih.

(ara l-punti 183-185, 197-200)

12. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur għar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-ammont inizjali tal-multa imposta fuq impriża, mil-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, jirriżulta li l-akkordji orizzontali tal-prezzijiet jew tat-tqassim tas-swieq jistgħu jiġu kklassifikati bħala ksur serju ħafna abbażi tan-natura proprja tagħhom, mingħajr l-obbligu tal-Kummissjoni li turi impatt reali tal-ksur fis-suq. Fil-fatt, tali akkordji jistħoqqilhom, minħabba n-natura tagħhom, il-multi l-iktar ibsin. L-impatt reali li jista’ jkollhom fuq is-suq, b’mod partikolari l-kwistjoni sa fejn ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni wasslet għal prezz tas-suq ogħla minn dak li kien jipprevali fil-każ tal-assenza tal-kartell, ma huwiex kriterju determinanti sabiex jiġi stabbilit il-livell tal-multi.

(ara l-punt 189)

13. Rwol passiv jimplika l-adozzjoni ta’ approċċ “profil baxx” mill-impriża kkonċernata, jiġifieri assenza ta’ parteċipazzjoni attiva fil-ħolqien ta’ ftehim antikompetittiv jew ta’ ftehim antikompettivi. Fost l-elementi tali li jistgħu jiżvelaw ir-rwol passiv ta’ impriża fi ħdan akkordju, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura sostanzjalment iktar sporadika tal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat meta mqabbla ma’ dik tal-membri ordinarji tal-akkordju, kif ukoll id-dħul tardiv tagħha fis-suq li kien is-suġġett tal-ksur, indipendentement mit-tul tal-parteċipazzjoni tagħha f’dan il-ksur, jew ukoll l-eżistenza ta’ dikjarazzjonijiet espressi f’dan is-sens magħmula minn rappreżentanti ta’ impriżi terzi li jkunu pparteċipaw fil-ksur.

(ara l-punt 224)

14. Għall-finijiet tal-għoti tal-benefiċċju taċ-ċirkustanza attenwanti minħabba nuqqas ta’ implementazzjoni effettiva ta’ ftehim jew ta’ prattiki illegali, skont it-tieni inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, għandu jiġi vverifikat jekk iċ-ċirkustanzi msemmija mill-impriża kkonċernata humiex ta’ natura tali li jistabbilixxu li, matul il-perijodu li fih ħadet sehem fil-ftehim illegali, hija effettivament astjeniet ruħha milli timplementahom billi tadotta aġir kompetittiv fis-suq jew, minn tal-inqas, li hija b’mod ċar u kunsiderevoli kisret l-obbligi intiżi għall-implementazzjoni ta’ dan l-akkordju b’tali mod li fixklet l-istess funzjonament tal-akkordju.

(ara l-punt 231)

Top