Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006TJ0050(02)

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla Estiża) tat-22 ta’ April 2016.
    L-Irlanda u Aughinish Alumina Ltd vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Għajnuna mill-Istat – Direttiva 92/81/KEE – Dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali – Żjut minerali użati bħala kombustibbli għall-produzzjoni tal-allumina – Eżenzjoni mis-sisa – Għajnuna eżistenti jew ġdida – Artikolu 1(b)(i), (iii) u (iv) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 – Ċertezza legali – Aspettattivi leġittimi – Terminu raġonevoli – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Użu ħażin ta’ poter – Obbligu ta’ motivazzjoni – Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat – Vantaġġ – Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri – Distorsjoni tal-kompetizzjoni.
    Kawżi magħquda T-50/06 RENV II u T-69/06 RENV II.

    Court reports – general

    Kawżi Magħquda T-50/06 RENV II u T-69/06 RENV II

    L-Irlanda

    u

    Aughinish Alumina Ltd

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea

    “Għajnuna mill-Istat — Direttiva 92/81/KEE — Dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali — Żjut minerali użati bħala kombustibbli għall-produzzjoni tal-allumina — Eżenzjoni mis-sisa — Għajnuna eżistenti jew ġdida — Artikolu 1(b)(i), (iii) u (iv) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 — Ċertezza legali — Aspettattivi leġittimi — Terminu raġonevoli — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Użu ħażin ta’ poter — Obbligu ta’ motivazzjoni — Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat — Vantaġġ — Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri — Distorsjoni tal-kompetizzjoni”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla Estiża) tat-22 ta’ April 2016

    1. Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Ċertezza legali – Inklużjoni – Prinċipju ta’ estoppel – Esklużjoni

    2. Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Ċertezza legali – Portata – Intanġibbiltà tal-atti tal-istituzzjonijiet – Osservanza tar-regoli tal-kompetenza u tal-proċedura – Obbligu li jiġu evitati l-inkoerenzi li jistgħu jinqalgħu fl-implementazzjoni tad-diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni – Portata u konsegwenzi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat

      (Artikolu 88 KE)

    3. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kompetenzi rispettivi tal-Kunsill u tal-Kummissjoni – Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza Stat Membru, konformement mad-Direttiva 92/81, jintroduċi eżenzjoni mid-dazji tas-sisa – Assenza ta’ effett fuq it-tqassim, mit-Trattat, ta’ dawn il-kompetenzi

      (Artikoli 87 KE, 88 KE u 93 KE; Direttiva tal-Kunsill 92/81, Artikolu 8(4) u (5); Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/224, premessa 5 u Artikolu 1(2))

    4. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Evalwazzjoni fid-dawl tas-sitwazzjoni oġġettiva, indipendentement mill-aġir tal-istituzzjonijiet – Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza Stat Membru, konformement mad-Direttiva 92/81, jintroduċi eżenzjoni mid-dazji tas-sisa – Evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-assenza, f’dan il-kuntest, ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u ta’ ostakolu għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern – Assenza ta’ effett fuq is-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat – Assenza ta’ ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ effettività kif ukoll tal-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 92/81

      (Artikoli 87(1) KE u 88(2) KE; Direttiva tal-Kunsill 92/81, Artikolu 8(4) u (5))

    5. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Eżami mill-Kummissjoni – Adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ordni ta’ sospensjoni tal-ħlas ta’ allegata għajnuna – Obbligu għall-Kummissjoni li tadotta tali deċiżjoni – Assenza

      (Artikolu 88 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 11(1))

    6. Rikors għal annullament – Motivi – Nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni – Motiv distint minn dak li jirrigwarda l-legalità fil-mertu

      (Artikoli 230 KE u 253 KE)

    7. Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat – Klassifikazzjoni tal-effett ħażin fuq il-kompetizzjoni u tal-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri

      (Artikoli 87(1) KE u 253 KE)

    8. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri – Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Għajnuna għall-funzjonament – Għajnuna ta’ importanza żgħira u daqs żgħir tal-impriża li ma jeskludux a priori l-effett fuq il-kummerċ

      (Artikolu 87(1) KE)

    9. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Għoti mill-awtoritajiet pubbliċi ta’ eżenzjoni fiskali lil ċerti impriżi – Inklużjoni – Għajnuna eżistenti – Kundizzjoni – Ħlas effettiv tal-għajnuna mogħtija

      (Artikoli 87 KE u 88 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 1(b)(i))

    10. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Għajnuna eżistenti u għajnuna ġdida – Proċedura għall-eżami tal-għajnuna – Proċeduri distinti – Effetti ta’ deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà

      (Artikolu 88 KE)

    11. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Eżami mill-Kummissjoni – Evalwazzjoni fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni – Bdil tas-sistema legali qabel it-teħid tad-deċiżjoni – Konsegwenzi – Applikazzjoni tar-regoli sostantivi fis-seħħ fil-mument tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni – Applikazzjoni ratione temporis tar-regoli proċedurali – Kodifikazzjoni tar-regoli tal-ġurisprudenza – Evalwazzjoni

      (Artikolu 88 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikoli 1(b), 4(6) u 15)

    12. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Għajnuna eżistenti u għajnuna ġdida – Trasformazzjoni ta’ għajnuna nnotifikata f’għajnuna eżistenti – Kundizzjonijiet – Setgħa tal-Istat Membru kkonċernat li jimplementa l-għajnuna biss wara l-iskadenza tat-terminu tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali

      (Artikolu 88 KE)

    13. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Għajnuna eżistenti u għajnuna ġdida – Assenza ta’ investigazzjoni ta’ għajnuna ġdida matul perijodu relattivament twil – Trasformazzjoni f’għajnuna eżistenti – Inammissibiltà

      (Artikolu 88 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 15)

    14. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Għajnuna eżistenti u għajnuna ġdida – Trasformazzjoni ta’ għajnuna ġdida f’għajnuna eżistenti – Terminu ta’ preskrizzjoni deċennali għall-irkupru ta’ għajnuna illegali – Applikazzjoni ratione temporis

      (Artikolu 88 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikoli 11(2) u 15)

    15. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Irkupru ta’ għajnuna illegali – Preskrizzjoni deċennali tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999 – Bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni – Data tal-għoti tal-għajnuna lill-benefiċjajru

      (Artikolu 88(2) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 15)

    16. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Irkupru ta’ għajnuna illegali – Għajnuna mogħtija bi ksur tar-regoli proċedurali tal-Artikolu 88 KE – Aspettattivi leġittimi possibbli tal-benefiċjarji – Kundizzjonijiet u limiti – Tmiem tal-aspettattivi leġittimi b’effett mill-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni li tinfetaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali anki fil-każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali

      (Artikoli 87 KE u 88 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikoli 14(1); Direttiva tal-Kunsill 92/81)

    17. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali ta’ miżura statali – Obbligu li tagħti deċiżjoni f’terminu raġonevoli – Ksur – Assenza ta’ ostakolu fir-rigward tal-irkupru tal-għajnuna – Limiti – Ksur tad-drittijiet tad-difiża

      (Artikolu 88 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikoli 7(6) u 13(2))

    18. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Proċedura amministrattiva – Obbligu tal-Kummissjoni li tintima lill-persuni interessati jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom – Esklużjoni tal-persuni kkonċernati mill-benefiċċju tad-drittijiet tad-difiża

      (Artikolu 88(2) KE)

    19. Proċedura ġudizzjarja – Spejjeż – Kundanna tal-parti li tirbaħ sabiex tbati parti mill-ispejjeż tagħha stess

      (Artikolu 225 KE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (1991), Artikolu 135)

    1.  Il-prinċipju ta’ estoppel huwa istituzzjoni ġuridika Anglosassina li ma teżitix, bħala tali, fid-dritt tal-Unjoni Ewropea, u dan ma jippreġudikax il-fatt li ċerti prinċipji, bħall-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, u ċerti regoli, bħar-regola nemo potest venire contra factum proprium, stipulati minnu jistgħu jitqiesu li huma marbuta jew relatati ma’ dan il-prinċipju. Għalhekk, ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat fid-dritt, sa fejn dan ikun ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ estoppel, u dan ma jippreġudikax il-possibbiltà li jiġu eżaminati l-argumenti mqajma mill-parti kkonċernata meta dawn ikunu jistgħu jitqiesu li jsostnu motiv ibbażat, essenzjalment, fuq il-prinċipji ta’ ċertezza legali jew ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

      (ara l-punt 56)

    2.  Il-prinċipju ta’ ċertezza legali jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, intiż sabiex jiggarantixxi l-prevedibbiltà tas-sitwazzjonijiet u tar-relazzjonijiet ġuridiċi li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni. Għal dan il-għan, huwa essenzjali li l-istituzzjonijet jirrispettaw l-intanġibbiltà tal-atti li jkunu adottaw u li jaffettwaw is-sitwazzjoni ġuridika u materjali tal-individwi suġġetti għad-dritt, b’mod li ma jistgħux jibdlu dawn l-atti jekk mhux bl-osservanza tar-regoli ta’ kompetenza u r-regoli proċedurali.

      L-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali jirrikjedi wkoll li l-istituzzjonijiet jevitaw, bħala prinċipju, l-inkoerenzi li jistgħu jirriżultaw fl-implementazzjoni tad-diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, u dan b’mod partikolari fil-każ fejn dawn id-dispożizzjonijiet ikollhom l-istess mira, bħalma hija l-kompetizzjoni mingħajr distorsjoni fis-suq komuni. F’dan ir-rigward, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jimponi li, meta l-Kummissjoni tkun ħolqot, bi ksur tad-dmir ta’ dilġenza impost fuqha, sitwazzjoni ta’ natura ekwivoka, minħabba l-introduzzjoni ta’ elementi ta’ inċertezza u ta’ nuqqas ta’ ċarezza fil-leġiżlazzjoni applikabbli, flimkien ma’ nuqqas ta’ reazzjoni prolongat min-naħa tagħha minkejja l-għarfien tagħha dwar l-għajnuna kkonċernata, huwa l-kompitu tagħha li tiċċara tali sitwazzjoni qabel ma tkun tista’ tieħu kwalunkwe azzjoni intiża sabiex tordna l-ħlas lura tal-għajnuna diġà mogħtija.

      (ara l-punti 59, 218)

    3.  Il-proċedura prevista fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 92/81, dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi għad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali, li kien jattribwixxi lill-Kunsill, li jiddeċiedi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, is-setgħa li jawtorizza lil Stat Membru jintroduċi xi eżenzjonijiet jew tnaqqis tad-dazji tas-sisa li ma humiex dawk previsti mill-imsemmija direttiva għal raġunijiet politiċi speċifiċi, għandha għan u kamp ta’ applikazzjoni differenti minn dawk tas-sistema stabbilita fl-Artikolu 88 KE.

      Għaldaqstant, deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza Stat Membru, b’mod konformi mal-Artikolu 8(4) ta’ din id-direttiva, li jintroduċi eżenzjoni minn dazji tas-sisa ma tistax ikollha l-effett li xxekkel lill-Kummissjoni milli teżerċita l-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattat u, konsegwentement, milli timplementa l-proċedura prevista fl-Artikolu 88 KE sabiex teżamina jekk din l-eżenzjoni tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat u sabiex jekk ikun il-każ, fi tmiem din il-proċedura, tieħu deċiżjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ tali għajnuna.

      Barra minn hekk, il-fatt li d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni jagħtu eżenzjonijiet totali mid-dazji tas-sisa filwaqt li jiffissaw kundizzjonijiet ġeografiċi u temporali preċiżi u li dawn tal-aħħar huma osservati strettament mill-Istati Membri ma għandux effett fuq it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kunsill u l-Kummissjoni u għaldaqstant ma jistax iċaħħad lill-Kummissjoni milli teżerċita l-kompetenzi tagħha.

      Minn dan isegwi li, billi timplementa, mingħajr ma ssegwi qabel il-proċedura prevista fl-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 92/81, il-proċedura prevista fl-Artikolu 88 KE, sabiex jiġi eżaminat jekk eżenzjoni mid-dazji tas-sisa tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, u billi tieħu, fit-tmiem ta’ din il-proċedura, deċiżjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ tali għajnuna meta l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni 2001/224, dwar ir-rati mnaqqsa tat-taxxa tas-sisa u l-eżenzjonijiet minn din it-taxxa fuq ċerti żjut minerali meta jintużaw għal skopijiet speċifiċi, jawtorizza espressament lill-Istat Membru kkonċernat ikompli japplika din l-eżenzjoni, il-Kummissjoni la tikser il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ effettività tal-atti tal-istituzzjonijiet u lanqas l-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 92/81. Fil-fatt, id-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, adottati fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jkollhom effett biss fil-kamp kopert mir-regoli fil-qasam tal-armonizzazzjoni ta’ leġiżlazzjonijiet relatati mad-dazji tas-sisa u ma jippreġudikawx l-effetti ta’ eventwali deċiżjoni li l-Kummissjoni tista’ tadotta fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

      (ara l-punti 62-64, 66, 69, 73, 91)

    4.  Il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat jissodisfa sitwazzjoni oġġettiva u ma jistax jiddependi fuq l-aġir jew id-dikjarazzjonijiet tal-istituzzjonijiet. Konsegwentement, il-fatt li l-Kummissjoni qieset, mal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill skont l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 92/81, dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali, li l-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali użati bħala kombustibbli għall-produzzjoni ta’ allumina ma kinux joħolqu distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u ma kinux jostakolaw il-funzjonament tajjeb tas-suq komuni ma jistax jostakola l-klassifikazzjoni ta’ dawn l-eżenzjonijiet bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, jekk il-kundizzjonijiet għall-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat ikunu issodisfatti. Minn dan jirriżulta a fortiori li l-Kummissjoni ma hijiex marbuta, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa bħala għajnuna mill-Istat, bl-evalwazzjonijiet tal-Kunsill, fid-deċiżjonijiet tagħha fil-qasam tal-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet dwar id-dazji tas-sisa, li skonthom dawn l-eżenzjonijiet ma joħolqux distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u ma jostakolawx il-funzjonament tajjeb tas-suq komuni.

      Minn dan isegwi li, billi implementat il-proċedura prevista fl-Artikolu 88 KE, sabiex teżamina jekk l-eżenzjoni inkwistjoni tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, u billi ħadet, fi tmiem din il-proċedura, deċiżjoni li tikkonstata għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u li tordna r-restituzzjoni tagħha, il-Kummissjoni sempliċement eżerċitat il-kompetenzi li t-Trattat KE jagħtiha fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u li, billi għamlet hekk, hija la kisret il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ effettività tal-atti tal-istituzzjonijiet u lanqas l-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 92/81.

      (ara l-punti 69-71, 74, 88)

    5.  L-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 659/1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 88 KE, ma jobbligax lill-Kummissjoni, meta ċerti kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti, tadotta ordni ta’ sospensjoni ta’ ħlas ta’ għajnuna illegali, iżda jipprevedi biss li hija tista’ tadotta tali ordni, meta tqis li dan ikun neċessarju.

      (ara l-punti 79, 259)

    6.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punt 97)

    7.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punti 99, 100)

    8.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punti 112-115, 120, 122, 124, 127)

    9.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punti 117, 201)

    10.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punt 139)

    11.  Minkejja li l-protezzjoni tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u tal-aspettattivi leġttimi timponi limiti għall-applikazzjoni immedjata tar-regoli sostantivi, dawn il-limiti ma jistgħux japplikaw fil-każ ta’ għajnuna illegali jew ta’ għajnuna nnotifikata, qabel ma din tkun awtorizzata mill-Kummissjoni. Fil-fatt, fis-sistema u l-loġika tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, is-sitwazzjoni ma hijiex manifestament iddefinita immedjatament u definittivament min-notifika jew l-għoti tal-għajnuna, iżda tibqa’ miftuħa sa deċiżjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, hija l-Kummissjoni li għandha tapplika r-regoli sostantivi fis-seħħ fil-mument li hija tippronunzja ruħha fuq l-għajnuna jew fuq l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kif ukoll fuq il-kompatibbiltà tagħhom mas-suq komuni, ir-regoli biss li skonthom għandha tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjoni li hija tieħu f’dan ir-rigward.

      Madankollu, ir-regoli proċedurali ma jistgħux jirregolaw atti tal-proċedura li seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom. Fil-fatt,-ir-regoli tal-proċedura huma ġeneralment prużenti li japplikaw għall-proċeduri pendenti fil-mument li jidħlu fis-seħħ. Is-sitwazzjoni hija, madankollu, differenti fir-rigward tar-regoli li jikkodifikaw ir-regoli tal-proċedura li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kienu diġà applikabbli fiż-żmien meta dawn ir-regoli tal-proċedura daħlu fis-seħħ.

      Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, fil-każ tar-regola stipulata fl-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 659/1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 88 KE, li tirrigwarda l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ azzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-eżami preliminari ta’ notifika ta’ għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, din ir-regola speċifikament ipprevediet li tikkodifika ċerti regoli tal-proċedura li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dedotta mis-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 1973, Lorenz, 120/73, kienu diġà applikabbli fiż-żmien meta dawn ir-regoli daħlu fis-seħħ.

      (ara l-punti 140, 141, 169, 190, 228)

    12.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punti 154, 156, 160, 229)

    13.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punt 160)

    14.  L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 88 KE, li jipprevedi t-trasformazzjoni ta’ għajnuna ġdida f’għajnuna eżistenti wara l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni deċennali għall-irkupru ta’ għajnuna illegali, huwa regola proċedurali intiża sabiex tapplika fil-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha. Madankollu, sa fejn dan l-artikolu ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni tranżitorja fir-rigward tal-applikazzjoni ratione temporis tiegħu, dan japplika għall-proċeduri ta’ investigazzjoni formali kollha pendenti fil-mument ta’ dan id-dħul fis-seħħ jew miftuħa b’effett minn dan il-mument. Minn dan isegwi li, anki jekk l-għoti tal-għajnuna sar f’data qabel id-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999, dan għandu madankollu l-effett li jagħti bidu għall-preskrizzjoni ta’ għaxar snin prevista f’dan l-artikolu, meta d-deċiżjoni ta’ rkupra ta’ din l-għajnuna tingħata, bħal f’dan il-każ, wara d-dħul fis-seħħ tal-imsemmi artikolu.

      (ara l-punt 173)

    15.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punt 181)

    16.  Stat Membru, li l-awtoritajiet tiegħu taw għajnuna bi ksur tar-regoli tal-proċedura previsti fl-Artikolu 88 KE, jista’ jinvoka l-aspettattivi leġittimi tal-impriża benefiċjarja sabiex jikkontesta quddiem il-qorti tal-Unjoni l-validità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordnalu jirkupra l-għajnuna, iżda mhux biex jevita l-obbligu li jieħu l-miżuri neċessarji għall-implementazzjoni tagħha. Madankollu, fid-dawl tal-irwol fundamentali tal-obbligu tan-notifika li jippermetti l-effikaċja tal-kontroll mill-Kummissjoni tal-għajnuna mill-Istat, ta’ natura imperattiva, il-benefiċjarji ta’ għajnuna jista’ jkollhom, bħala prinċipju, aspettattivi leġittimi fil-legalità ta’ din l-għajnuna biss jekk din tkun ingħatat fl-osservanza tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88 KE u operatur ekonomiku diliġenti għandu normalment ikun f’pożizzjoni li jiżgura li din il-proċedura tkun ġiet osservata.

      F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dewmien min-naħa tal-Kummissjoni sabiex tiddeċiedi li għajnuna hija illegali u li għandha titneħħa u tiġi rkuprata minn Stat Membru jista’, f’ċerti ċirkustanzi, joħloq aspettattivi leġittimi fi ħdan il-benefiċjarji tal-imsemmija għajnuna ta’ natura li jistgħu jipprekludu lill-Kummissjoni milli tordna lil dan l-Istat Membru jordna r-restituzzjoni ta’ din l-għajnuna. Madankollu, fid-dawl tar-rekwiżiti dedotti mill-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, tali sitwazzjoni ta’ natura ekwivoka maħluqa minn deċiżjonijiet tal-Kunsill, adottati fuq proposta tal-Kummissjoni, li Stat Membru jiġi awtorizzat jintroduċi eżenzjonijiet jew tnaqqis fir-rata tad-dazju tas-sisa skont id-Direttiva 92/81, dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi għad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali, tipprekludi biss l-irkupru tal-għajnuna mogħtija abbażi tal-eżenzjoni inkwistjoni sad-data tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tad-deċijoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Mill-banda l-oħra, b’effett mill-istess pubblikazzjoni, il-benefiċjarju tal-għajnuna għandu jkun jaf li, jekk din tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, din għandha tiġi awtorizzata mill-Kummissjoni, konformement mal-Artikolu 88 KE. Minn dan isegwi li l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali effettivament ittemm l-aspettattivi leġittimi li l-benefiċjarju tal-għajnuna seta’ preċedentement kellu fil-legalità ta’ din l-eżenzjoni. Fil-fatt, din il-pubblikazzjoni tista’ telimina kull inċertezza marbuta mal-formulazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-Kunsill, dwar il-fatt li l-miżuri inkwistjoni, jekk dawn jikkostitwixxu għajnuna mill-istat, għandhom jiġu awtorizzati minnha, konformement mal-Artikolu 88 KE.

      Fir-rigward, finalment, taċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li setgħu leġittimament kienu ta’ bażi għall-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarju ta’ għajnuna illegali fir-rigward tar-regolarità tagħha, kull nuqqas ta’ azzjoni apparenti tal-Kummissjoni huwa irrilevanti meta skema ta’ għajnuna ma tkunx ġiet innotifikata lilha. Soluzzjoni bħal din tapplika wkoll fil-każ fejn skema ta’ għajnuna tkun ġiet implementata mingħajr l-osservanza tal-preavviż ta’ implementazzjoni meħtieġ mis-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 1973, Lorenz, 120/73 u, għalhekk, mingħajr ma l-proċedura prevista fl-Artikolu 88 KE tkun ġiet kompletament segwita.

      (ara l-punti 214, 216, 223-225, 230, 252)

    17.  Il-fatt biss li r-Regolament Nru 659/1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 88 KE, minbarra terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin, b’effett mill-għoti tal-għajnuna, li fi tmiemu l-irkupru tal-għajnuna ma jkunx iktar jista’ jiġi ordnat, ma jipprevedi ebda terminu, anki indikattiv, għall-eżami mill-Kummissjoni ta’ għajnuna illegali, konformement mal-Artikolu 13(2) tal-istess regolament li jipprovdi li l-Kummissjoni ma hijiex marbuta bit-terminu stabbilit fl-Artikolu 7(6) tal-istess regolament, ma jipprekludix lill-qorti tal-Unjoni milli tivverifika jekk din l-istituzzjoni tkunx osservat terminu raġonevoli jew tkunx aġixxiet b’mod eċċessivament tardiv.

      Fil-fatt, skont l-Artikolu 7(6) tar-Regolament Nru 659/1999, it-terminu ta’ referenza sabiex titlesta proċedura ta’ investigazzjoni formali fil-kuntest ta’ għajnuna mill-Istat innotifikata huwa ta’ 18-il xahar. Dan it-terminu, anki jekk ma huwiex applikabbli għal għajnuna llegali, konformement mal-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 659/1999, jipprovdi punt ta’ referenza utli għall-evalwazzjoni tan-natura raġonevoli tat-tul ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar miżura implementata b’mod illegali.

      F’dan ir-rigward, jidher li terminu ta’ ftit iktar minn 49 xahar bejn l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali u l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tikkonstata għajnuna mill-Istat u li tordna l-irkupru tagħha, li huwa ftit iktar mid-doppju ta’ dak previst fl-Artikolu 7(6) tar-Regolament Nru 659/1999 sabiex tintemm proċedura ta’ investigazzjoni formali fil-kuntest ta’ għajnuna mill-Istat innotifikata, ma huwiex raġonevoli. Tali terminu lanqas ma huwa ġġustifikat fir-rigward tal-każijiet li ma juru ebda diffikultà manifesta u li fuqhom il-Kummissjoni setgħet tifforma opinjoni qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

      Madankollu, il-ksur tal-osservanza ta’ terminu raġonevoli jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni adottata fi tmiem dan it-terminu biss sa fejn ikun hemm ukoll ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati.

      (ara l-punti 217, 234, 237-239, 242, 248, 259, 268-270)

    18.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punt 271)

    19.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punti 276, 277)

    Top