EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006TJ0019

Sommarju tas-sentenza

Keywords
Summary

Keywords

1. Proċedura — Eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku — Eżami ex officio mill-qorti — Tmiem tal-interess ġuridiku fil-mori tal-kawża — Inklużjoni

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 113)

2. Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Interess ġuridiku — Neċessità ta’ interess reali u attwali

(Artikolu 230 KE)

3. Drittijiet fundamentali — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Limiti — Osservanza tal-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà ta’ rikors

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)

Summary

1. Skont l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’, f’kull mument, ex officio u wara li tisma’ lill-partijiet, tiddeċiedi dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà abbażi tal-ordni pubbliku, jew tikkonstata li r-rikors ma għadx għandu skop u li ma għadx hemm lok għal deċiżjoni.

Għalhekk, in-nuqqas ta’ interess ġuridiku jikkostitwixxi eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà abbażi tal-ordni pubbliku li l-qorti tal-Unjoni tista’ teżamina ex officio . Għandu jiġi kkunsidrat li l-qorti tal-Unjoni tista’ teżamina wkoll ex officio jekk l-interess ġuridiku jkunx intemm matul il-kawża.

(ara l-punti 59, 60)

2. Rikors għall-annullament u/jew għar-riforma ta’ deċiżjoni minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sal-punt fejn hija jkollha interess li jiġi annullat u/jew irriformat l-att ikkontestat. Tali interess jippreżupponi li l-annullament u/jew ir-riforma ta’ dak l-att ikun jista’, fih innifsu, ikollu konsegwenzi ġuridiċi jew, skont formola oħra, li r-rikors ikun jista’, bir-riżultat tiegħu, jagħti benefiċċju lill-parti li tippreżentah u li dan jiġġustifika interess eżistenti u attwali fl-annullament u/jew fir-riforma ta’ dan l-att.

Tali interess għandu jibqa’ preżenti sa kemm tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja taħt piena li ma jkunx hemm lok għal deċiżjoni. Dan ir-rekwiżit effettivament jiggarantixxi, fuq livell proċedurali, li fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, il-qrati ma jkollhomx quddiemhom talbiet għal opinjonijiet u/jew kwistjonijiet purament teoretiċi.

Barra minn hekk, jekk l-interess invokat mir-rikorrent ikun jikkonċerna sitwazzjoni ġuridika futura, dan irid jistabbilixxi li d-dannu minn din is-sitwazzjoni huwa diġà ċert. B’hekk, rikorrent ma jistax jinvoka sitwazzjonijiet futuri u inċerti sabiex jiġġustifika l-interess tiegħu li jitlob l-annullament u/jew ir-riforma tal-att ikkontestat. Apparti dan, huwa r-rikorrent li għandu jressaq il-prova tal-interess ġuridiku tiegħu, li jikkostitwixxi l-kundizzjoni essenzjali u ewlenija ta’ kull azzjoni ġudizzjarja.

(ara l-punti 77-80)

3. Id-dritt għal qorti, li d-dritt ta’ aċċess għal qorti jikkostitwixxi aspett partikolari tiegħu, żgurat mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u stabbilit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ma huwiex assolut u huwa suġġett għal limitazzjonijiet impliċiti, b’mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikors. Madankollu, dawn il-limitazzjonijiet ma jistgħux jillimitaw l-aċċess miftuħ ta’ individwu b’mod jew sa tali punt li d-dritt tiegħu għal qorti jiġi ppreġudikat fis-sustanza nnifisha tiegħu. Dawn għandhom iwasslu għal għan leġittimu u għandu jkun hemm relazzjoni raġonevoli ta’ proporzjonalità bejn il-mezzi użati u l-għan previst.

F’dan ir-rigward, għalkemm ir-rekwiżit ta’ interess ġuridiku jista’ jidher bħala limitazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għal qorti, huwa ċar li din il-kundizzjoni ma tmurx kontra s-sustanza proprja ta’ dan id-dritt, peress li r-rekwiżit li r-rikorrent ikollu, fil-mument meta jippreżenta rikors u sa meta tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja, interess ġuridiku kontra att li allegatament ikun ta’ preġudizzju għalih, iwassal għal għan leġittimu li finalment jiġi evitat, fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li l-qorti tal-Unjoni jkollha quddiemha kwistjonijiet purament teoretiċi, li s-soluzzjoni tagħhom ma tistax tagħti lok għal konsegwenzi ġuridiċi jew li tagħti benefiċċju lir-rikorrent.

(ara l-punti 97, 99)

Top