EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0487

Sommarju tas-sentenza

Kawża C-487/06 P

British Aggregates Association

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Appell — Għajnuna mill-Istat — Taxxa ambjentali fuq il-granulat fir-Renju Unit”

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Mengozzi, ippreżentati fis-17 ta’ Lulju 2008   I ‐ 10521

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-22 ta’ Diċembru 2008   I ‐ 10555

Sommarju tas-sentenza

  1. Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment

    (Artikolu 88(2) u (3) KE u r-raba paragrafu tal-Artikolu 230 KE)

  2. Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment

    (Artikolu 88 KE u r-raba paragrafu tal-Artikolu 230 KE)

  3. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Natura selettiva tal-miżura – Ekotaxxa fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-granulat

    (Artikolu 87(1) KE)

  4. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Natura legali – Interpretazzjoni abbażi ta’ elementi oġġettivi – Stħarriġ ġudizzjarju

    (Artikolu 87(1) KE)

  5. Appell – Aggravji – Sempliċi repetizzjoni tal-motivi u l-argumenti mressqa quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza – Inammissibbiltà – Kontestazzjoni tal-interpretazzjoni jew tal-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju mwettqa mill-Qorti tal-Prim’Istanza – Ammissibbiltà

    (Artikolu 225 KE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 112(1)(c))

  6. Rikors għal annullament – Ġurisdizzjoni tal-qorti Komunitarja – Interpretazzjoni tal-motivazzjoni ta’ att amministrattiv – Limiti

    (Artikoli 230 KE u 231KE)

  1.  Fil-kuntest tal-proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat prevista fl-Artikolu 88 KE, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-fażi ta’ eżami preliminari tal-għajnuna stabbilita fl-Artikolu 88(3) KE, li għandha biss l-għan li l-Kummissjoni tkun tista’ tasal għal opinjoni preliminari dwar il-kompatibbiltà parzjali jew totali tal-għajnuna kkonċernata u, min-naħa l-oħra, il-fażi tal-eżami prevista fl-Artikolu 88(2) KE. Huwa biss fil-kuntest ta’ din tal-aħħar, li hija intiża sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiġbor informazzjoni kompleta dwar id-data kollha tal-kawża, li t-Trattat jobbliga lill-Kummissjoni tistieden lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom.

    Meta, mingħajr ma tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE, il-Kummissjoni tikkonstata, permezz ta’ deċiżjoni meħuda abbażi tal-Artikolu 88(3) KE, li għajnuna mill-Istat hija kompatibbli mas-suq komuni, il-benefiċjarji ta’ dawn il-garanziji proċedurali jistgħu jiksbu l-osservanza ta’ din il-proċedura biss jekk ikollhom il-possibbiltà jikkontestaw din id-deċiżjoni quddiem il-qorti Komunitarja. Għal dawn ir-raġunijiet, rikors intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni bħal din, imressaq minn parti interessata fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE, jiġi ddikjarat ammissibbli meta l-għan tal-persuna li tressaq ir-rikors jkun li, b’dan il-mod, tħares id-drittijiet proċedurali tagħha taħt din id-dispożizzjoni tal-aħħar. Issa, il-partijiet interessati skont l-Artikolu 88(2) KE, li jistgħu b’hekk, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, jippreżentaw rikorsi għal annullament, huma l-persuni, l-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet li jistgħu jiġu affettwati fl-interessi tagħhom permezz tal-għoti ta’ għajnuna, jiġifieri, b’mod partikolari, l-impriżi li jikkompetu mal-benefiċjarji ta’ din l-għajnuna u l-organizzazzjonijiet professjonali.

    Min-naħa l-oħra, jekk ir-rikorrent jikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni ta’ evalwazzjoni tal-għajnuna bħala tali, is-sempliċi fatt li jista’ jitqies li huwa “parti interessata” fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE mhuwiex biżżejjed biex ir-rikors jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli. Din il-persuna jkollha tipprova, hija x’inhi n-natura, individwali jew ġenerali, tal-miżura ta’ għajnuna, li hija għandha status partikolari, jiġifieri li d-deċiżjoni tolqotha minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għaliha jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzaha fil-konfront ta’ kull persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzaha b’mod analogu għal kif ikun id-destinatarju ta’ tali deċiżjoni. Dan ikun il-każ, b’mod partikolari, meta l-pożizzjoni tar-rikorrent fuq is-suq ikkonċernat tkun sostanzjalment affettwata permezz tal-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni inkwistjoni. Il-fatt li att għandu applikazzjoni ġenerali peress li jkun japplika għall-operaturi ekonomiċi kkonċernati inġenerali ma jeskludix li dan jista’ jikkonċerna individwalment lil uħud minn dawn l-operaturi.

    Ir-rikors ippreżentat minn assoċjazzjoni li taġixxi f’isem wieħed jew iktar mill-membri tagħha, li setgħu huma stess ippreżentaw rikors ammissibbli, li jikkontesta l-fondatezza ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet wara l-proċedura ta’ eżami preliminari kontra miżura ta’ Stat, meta din il-miżura tista’ taffettwa sostanzjalment il-pożizzjoni ta’ għall-inqas wieħed mill-membri tagħha fuq is-suq, huwa ammissibbli.

    (ara l-punti 26-30, 32, 33, 35, 39, 55)

  2.  Is-sempliċi fatt li deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara għajnuna kompatibbli mas-suq komuni tista’ teżerċita ċerta influwenza fuq ir-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni li jeżistu fis-suq rilevanti u li impriża tinsab f’relazzjoni kompetittiva mal-benefiċjarju ta’ dan l-att ma jista’ fl-ebda każ ikun suffiċjenti sabiex l-imsemmija impriża tkun tista’ titqies bħala individwalment ikkonċernata mill-imsemmi att. Għalhekk, impriża ma tistax tibbaża ruħha biss fuq il-kwalità tagħha ta’ kompetitriċi fir-rigward tal-impriża benefiċjarja, iżda għandha turi wkoll li hija tinsab f’ċirkustanzi ta’ fatt li jindividwalizzawha b’mod analogu għal kif ikun id-destinatarju.

    F’dan ir-rigward, l-għoti ta’ għajnuna jista’ jippreġudika s-sitwazzjoni kompetittiva ta’ operatur, b’mod partikolari billi jikkawża telf mid-dħul jew żvilupp inqas favorevoli minn dak li kien jirriżulta fin-nuqqas ta’ tali għajnuna. Barra minn hekk, l-intensità ta’ din il-ħsara tista’ tvarja skont numru kbir ta’ fatturi bħal, b’mod partikolari, l-istruttura tas-suq inkwistjoni jew in-natura tal-għajnuna inkwistjoni. Il-prova ta’ ħsara sostanzjali lill-pożizzjoni ta’ kompetitur fis-suq ma tistax, għaldaqstant, tkun limitata għall-preżenza ta’ ċertu elementi li jindikaw li jkun mar lura fil-kapaċitajiet kummerċjali jew finanzjarji tiegħu.

    (ara l-punti 47, 48, 53)

  3.  Sabiex tiġi evalwata s-selettività ta’ miżura ta’ Stat, għandu jiġi eżaminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, din il-miżura tikkostitwixxix vantaġġ għal ċerti impriżi meta mqabbla ma’ oħrajn li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika simili. Madankollu, il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat ma jirreferix għall-miżuri li jintroduċu differenzazzjoni bejn l-impriżi fir-rigward tal-ispejjeż meta din id-differenzazzjoni tirriżulta min-natura jew mill-iskema ġenerali tas-sistema ta’ spejjeż inkwistjoni. Barra minn dan, il-finalità mixtieqa mill-interventi tal-Istat mhijiex biżżejjed sabiex teżentahom għalkollox mill-kwalifika ta’ “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 87 KE. Fil-fatt, l-Artikolu 87(1) KE ma jiddistingwix skont il-kawżi jew l-għanijiet tal-interventi tal-Istat, iżda jiddefinihom skont l-effetti tagħhom.

    Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza tinterpreta ħażin din id-dispożizzjoni meta tiddeċiedi li l-Istati Membri huma liberi, fl-ibbilanċjar tad-diversi interessi preżenti, li jiddeffinixxu l-prijoritajiet tagħhom fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent u li konsegwentement jiddeterminaw il-beni jew servizzi li huma jiddeċiedu li jissuġġettaw għal ekotaxxa, b’tali mod li ċ-ċirkustanza li taxxa simili ma tkunx applikabbli għall-attivitajiet simili kollha li jeżerċitaw impatt komparabbli fuq l-ambjent, ma tippermettix li jiġi kkunsidrat li l-attivitajiet simili, mhux suġġetti għal din l-ekotaxxa, jibbenefikaw minn vantaġġ selettiv. Tali approċċ, ibbażat fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-għan ambjentali mixtieq, jeskludi a priori kull possibbiltà li jiġi kkwalifikat bħala vantaġġ selettiv in-nuqqas ta’ suġġettar għat-taxxa ta’ operaturi li jinsabu f’sitwazzjonijiet komparabbli fir-rigward tal-għan mixtieq, u dan indipendentement mill-effetti tal-miżura fiskali inkwistjoni.

    Minkejja li l-protezzjoni tal-ambjent tikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet essenzjali tal-Komunità, il-ħtieġa li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-eżiġenzi dwar il-protezzjoni tal-ambjent ma tiġġustifikax l-esklużjoni ta’ miżuri selettivi, anki jekk ikunu speċifiċi bħall-ekotaxxi, mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE, billi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ għanijiet ambjentali jistgħu, fi kwalunkwe każ, ikun utli fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(3) KE.

    (ara l-punti 82-87, 91, 92)

  4.  Il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, kif stabbilit fit-Trattat, għandu natura legali u għandu jiġi interpretat fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi. Għal din ir-raġuni, il-qorti Komunitarja għandha, bħala regola u fid-dawl tal-elementi konkreti tal-kawża mressqa quddiemha u kif ukoll tan-natura teknika jew kumplessa tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, teżerċita stħarriġ sħiħ fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk miżura tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE. Fil-fatt, xejn ma jiġġustifika li l-Kummissjoni jkollha, meta tieħu deċiżjoni adottata bis-saħħa tal-Artikolu 88(3) KE, “setgħa kbira ta’ evalwazzjoni” fir-rigward tal-kwalifika ta’ miżura bħala “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, li jimplika li l-istħarriġ ġudizzjarju tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni mhuwiex bħala regola sħiħ. Dan huwa iktar u iktar minnu minħabba li, meta l-Kummissjoni mhijiex konvinta, wara l-ewwel eżami fil-kuntest tal-proċedura tal-Artikolu 88(3) KE, li l-miżura tal-Istat inkwistjoni ma tikkostitwixxix “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE jew, jekk tiġi kkwalifikata bħala għajnuna, hija kompatibbli mat-Trattat, jew meta din il-proċedura ma ppermettitilhiex tegħleb id-diffikultajiet imqajma mill-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura kkunsidrata, din l-istituzzjoni għandha l-obbligu li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE “mingħajr ma jkollha f’dan ir-rigward marġni diskrezzjonali”. Barra minn dan, għalkemm huwa minnu li l-istħarriġ ġudizzjarju huwa limitat fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk miżura tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE, meta l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni jkunu ta’ natura teknika jew kumplessa, huwa meħtieġ li l-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata dan fil-każ ineżami.

    (ara l-punti 111-114, 185, 186)

  5.  Appell li sempliċement jirrepeti jew li jirripproduċi testwalment il-motivi u l-argumenti li kienu ġew ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, inklużi dawk li kienu bbażati fuq fatti espressament miċħuda minn dik il-Qorti, ma jissodisfax il-ħtiġijiet ta’ motivazzjoni li jirriżultaw mill-Artikolu 225 KE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Artikolu 112(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, tali appell fil-verità jikkostitwixxi talba intiża sabiex tikseb sempliċi rieżami tat-talba ppreżentata quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, u dan imur lilhinn mill-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    Madankollu, meta rikorrent jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju li tkun saret mill-Qorti tal-Prim’Istanza, il-punti ta’ dritt eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jerġgħu jiġu diskussi mill-ġdid fl-appell. Fil-fatt, li kieku rikorrent ma jkunx jista’ jibbaża l-appell tiegħu fuq motivi u argumenti li jkunu diġà ġew ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, il-proċedura tal-appell titlef parti mis-sens tagħha.

    (ara l-punti 122, 123)

  6.  Fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità msemmi fl-Artikolu 230 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim’Istanza huma kompetenti sabiex jiddeċiedu fuq ir-rikorsi dwar nuqqas ta’ kompetenza, dwar ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, dwar ksur tat-Trattat jew ta’ kull regola ta’ dritt dwar l-applikazzjoni tagħha, jew dwar abbuż ta’ poter. L-Artikolu 231 KE jipprovdi li, jekk ir-rikors huwa fondat, l-att ikkontestat għandu jiġi ddikjarat null. Il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim’Istanza ma jistgħux għalhekk, fi kwalunkwe każ, jissostitwixxu l-motivazzjoni tagħhom għal dik tal-awtur tal-att ikkontestat.

    Għalkemm, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tasal tinterpreta l-motivi ta’ att ikkontestat b’mod differenti mill-awtur tiegħu, jekk mhux ukoll, f’ċerti ċirkustanzi, li tiċħad il-motivi formali indikati minnu, ma tistax tagħmel hekk jekk ma tkunx ġustifikata bl-ebda element materjali.

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza twettaq żball ta’ interpretazzjoni meta hija tissostitwixxi l-interpretazzjoni li tirriżulta direttament mid-deċiżjoni kkontestata b’dik tagħha, minkejja li l-ebda element materjali ma jiġġustifikaha.

    (ara l-punti 141, 142, 144)

Top