Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0390

    Sommarju tas-sentenza

    Kawża C-390/06

    Nuova Agricast Srl

    vs

    Ministero delle Attività Produttive

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale ordinario di Roma)

    “Għajnuna mill-Istat — Skemi ta’ għajnuna awtorizzati għal perijodu partikolari — Notifika ta’ skema ta’ għajnuna mibdula għal perijodu ġdid — Miżuri ta’ tranżizzjoni bejn iż-żewġ skemi suċċessivi — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjoni — Informazzjoni li l-Kummissjoni seta’ jkollha għad-dispożizzjoni tagħha — Validità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni — Trattament ugwali — Motivazzjoni”

    Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali J. Mazák, ippreżentati fis-27 ta’ Novembru 2007   I - 2580

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-15 ta’ April 2008   I - 2600

    Sommarju tas-sentenza

    1. Domandi preliminari – Evalwazzjoni tal-validità – Domanda dwar il-validità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni kkunsidrata mill-qorti tar-rinviju bħala l-kawża ta’ dannu – Ammissibbiltà

      (Artikolu 234 KE)

    2. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Eżami mill-Kummissjoni – Kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni – Inkompatibbiltà ta’ għajnuna li tikser il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju bħall-prinċipju ta’ trattament ugwali

      (Artikolu 88 KE)

    3. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Pjanijiet ta’ għajnuna – Eżami mill-Kummissjoni – Evalwazzjoni tal-validità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fit-tmiem tal-fażi ta’ eżami preliminari fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni disponibbli fil-mument ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni

      (Artikolu 88(2) u (3) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikoli 4 u 5)

    4. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni – Għajnuna li ttejjeb is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ l-impriża benefiċjarja mingħajr ma tkun meħtieġa sabiex tilħaq l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 87(3) KE – Assenza

      (Artikolu 87(3) KE)

    5. Atti ta’ l-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata

      (Artikolu 253 KE)

    1.  Domanda preliminari dwar deċiżjoni tal-Kummissjoni hija ammissibbli meta l-qorti tar-rinviju tikkunsidra din id-deċiżjoni bħala l-kawża tad-dannu mġarrab minn impriża, li tidħol bejn l-imġiba materjali imputata minn din l-impriża lil amministrazzjoni nazzjonali u t-twettiq tad-dannu li hija tallega.

      (ara l-punti 47, 48)

    2.  Għajnuna mill-Istat li, permezz ta’ xi wħud mir-regoli dettaljati tagħha, tikser il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, bħall-prinċipju ta’ trattament ugwali, ma tistax tiġi kkunsidrata mill-Kummissjoni bħala kompatibbli mas-suq komuni.

      (ara l-punt 51)

    3.  Il-fażi preliminari ta’ l-eżami ta’ l-għajnuna mill-Istat stabbilita mill-Artikolu 88(3) KE u rregolata mill-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament Nru 659/1999 għandha biss l-għan li tippermetti lill-Kummissjoni tifforma opinjoni preliminari dwar il-kompatibbiltà parzjali jew totali ta’ għajnuna jew skema ta’ għajnuna. Il-validità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet kontra għajnuna jew skema ta’ għajnuna ma tistax tiġi evalwata fid-dawl ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni ma setax ikollha għad-dispożizzjoni tagħha fit-tmiem tal-fażi preliminari. Inkella, din ta’ l-aħħar tiġi mistiedna tiftaħ sistematikament il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 88(2) KE u tordna lill-partijiet interessati jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, b’tali mod li tevita li informazzjoni li hija ma setax ikollha għad-dispożizzjoni tagħha twassal għall-annullament tad-deċiżjoni tagħha ta’ awtorizzazzjoni ta’ l-imsemmija għajnuna jew ta’ l-imsemmija skema.

      (ara l-punti 57, 60)

    4.  Għajnuna mill-Istat li ttejjeb is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ l-impriża benefiċjarja mingħajr ma tkun meħtieġa sabiex tilħaq l-għanijiet previsti fl-Artikolu 87(3) KE ma tiġix ikkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni. Il-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ neċessità ta’ għajnuna tista’ b’mod partikolari toħroġ mill-fatt li l-proġett megħjun ikun diġà nbeda, jew saħansitra mitmum, mill-impriża kkonċernata qabel ma t-talba għal għajnuna tkun tressqet quddiem l-awtoritajiet kompetenti, li jeskludi l-possibbiltà li l-għajnuna kkonċernata jkollha rwol ta’ tħajjir.

      (ara l-punti 68, 69)

    5.  L-obbligu ta’ motivazzjoni msemmi fl-Artikolu 253 KE jillimata ruħu, fil-prinċipju, għar-raġunijiet li għalihom kategorija partikolari ta’ operaturi tibbenefika minn miżura partikolari, iżda ma jfissirx li għandha tiġi ġġustifikata l-esklużjoni ta’ l-operaturi l-oħra kollha li ma kinux f’sitwazzjoni simili. Fil-fatt, peress li n-numru ta’ kategoriji esklużi mill-benefiċċju ta’ miżura huwa potenzjalment mingħajr limitu, ma jistax ikun mistenni mill-istituzzjonijiet Komunitarji li jipprovdu motivazzjoni speċifika għal kull waħda minnhom. Min-naħa l-oħra, meta l-benefiċjarji ta’ att, minn naħa, u operaturi oħra esklużi, min-naħa l-oħra, jkunu f’sitwazzjoni simili, l-istituzzjoni Komunitarja, li tkun adottat l-att, għandha tispjega, fil-kuntest ta’ motivazzjoni speċifika, kif id-differenza fit-trattament hekk stabbilita hija ġġustifikata.

      (ara l-punti 81, 82)

    Top