Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0350

    Sommarju tas-sentenza

    Kawżi magħquda C-350/06 u C-520/06

    Gerhard Schultz-Hoff

    vs

    Deutsche Rentenversicherung Bund

    u

    Stringer et

    vs

    Her Majesty's Revenue and Customs

    (talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesarbeitsgericht Düsseldorf u mill-House of Lords)

    “Kundizzjonijiet tax-xogħol — Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol — Direttiva 2003/88/KE — Dritt għal-leave annwali bil-ħlas — Leave tal-mard — Leave annwali li jaħbat ma’ leave tal-mard — Kumpens għal-leave annwali bil-ħlas li ma jkunx ittieħed qabel tmiem il-kuntratt minħabba mard”

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali V. Trstenjak, ippreżentati fl-24 ta’ Jannar 2008   I ‐ 182

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali V. Trstenjak, ippreżentati fl-24 ta’ Jannar 2008   I ‐ 210

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-20 ta’ Jannar 2009   I ‐ 240

    Sommarju tas-sentenza

    1. Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Dritt għal-leave annwali bil-ħlas

      (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/88, Artikolu 7(1))

    2. Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Dritt għal-leave annwali bil-ħlas

      (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/88, Artikolu 7(1))

    3. Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Dritt għal-leave annwali bil-ħlas

      (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/88, Artikolu 7(2))

    1.  L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjonijiet jew prattiki nazzjonali li skont dawn ħaddiem bil-leave tal-mard mhuwiex intitolat li jieħu leave annwali bil-ħlas matul perijodu inkluż fil-leave tal-mard.

      Id-Direttiva 2003/88 lanqas ma tipprekludi dispożizzjonijiet jew prattiki nazzjonali li jippermettu lil ħaddiem bil-leave tal-mard li jieħu leave annwali bil-ħlas matul tali perijodu.

      Fil-fatt, huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu, fil-leġiżlazzjoni interna tagħhom, il-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju u ta’ implementazzjoni tad-dritt tal-leave annwali bil-ħlas, billi jippreċiżaw iċ-ċirkustanzi konkreti li fihom il-ħaddiema jistgħu jagħmlu użu mill-imsemmi dritt, filwaqt li ma jissuġġettawx għal xi kundizzjoni l-kostituzzjoni stess ta’ dan id-dritt li jirriżulta direttament mill-imsemmija direttiva.

      (ara l-punti 28, 31, 32 u d-dispożittiv 1)

    2.  L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi dispożizzjonijiet jew prattiki nazzjonali li jipprevedu li d-dritt għal-leave annwali bil-ħlas jispiċċa mat-terminazzjoni tal-perijodu ta’ referenza u/jew ta’ perijodu għall-ġarr tal-leave stabbilit mil-liġi nazzjonali anki meta l-ħaddiem kien bil-leave tal-mard matul il-perijodu kollu ta’ referenza jew parti minnu u li l-inkapaċità tiegħu għax-xogħol ippersistiet sa t-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg tiegħu, raġuni li għaliha huwa ma setax jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali bil-ħlas.

      (ara l-punti 49, 52 u d-dispożittiv 2)

    3.  L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi dispożizzjonijiet jew prattiki nazzjonali li jipprevedu li, mat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg, ebda pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens ta’ leave annwali bil-ħlas mhux meħud m’huwa mħallas lill-ħaddiem li kien bil-leave tal-mard matul il-perijodu ta’ referenza kollu jew parti minnu u/jew il-perijodu għall-ġarr tal-leave kollu jew parti minnu, raġuni li għaliha huwa ma setax jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali bil-ħlas.

      Għall-kalkolu tal-imsemmi pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens, ir-remunerazzjoni normali tal-ħaddiem, li hija dik li għandha tibqa’ titħallas matul il-perijodu ta’ serħan li tikkorrispondi għal-leave annwali bil-ħlas, hija wkoll determinanti.

      (ara l-punt 62 u d-dispożittiv 3)

    Top