Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0348

    Sommarju tas-sentenza

    Kawża C-348/06 P

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    vs

    Marie-Claude Girardot

    “Appell — Membru tal-persunal temporanju — Rikors għad-danni — Telf ta’ opportunità ta’ reklutaġġ — Dannu reali u ċert — Determinazzjoni tal-portata tal-kumpens għad-dannu”

    Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali P. Mengozzi, ippreżentati fit-22 ta’ Novembru 2007   I - 836

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-21 ta’ Frar 2008   I - 863

    Sommarju tas-sentenza

    1. Uffiċjali – Rikors – Ġurisdizzjoni sħiħa – Kumpens għad-dannu materjali marbut mat-telf ta’ opportunità riżultanti minn ċaħda illegali ta’ applikazzjoni

      (Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(1))

    2. Appell – Aggravji – Sempliċi repetizzjoni tal-motivi u l-argumenti mressqa quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza – Inammissibbiltà

      (Artikolu 225 KE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 58; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 112(1)(ċ))

    1.  Meta tkun adita b’kawża ta’ natura pekunjarja skond l-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha ġurisdizzjoni sħiħa li permezz tagħha hija għandha l-poter, jekk ikun hemm bżonn, li tikkundanna lill-konvenut ex officio sabiex iħallas kumpens għal dannu kkawżat minħabba tort tiegħu, u f’każ bħal dan, wara li tikkunsidra ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, tiddetermina d-dannu subit ex æquo et bono. Barra minn hekk, ladarba l-Qorti tal-Prim’Istanza tkun ikkonstatat l-eżistenza ta’ dannu, hi biss hi kompetenti tiddeċiedi, fil-limiti tat-talba u bil-kundizzjoni li jiġi rispettat l-obbligu tal-motivazzjoni, il-mod u l-portata tal-kumpens ta’ dan id-dannu.

      F’dan ir-rigward, sabiex tiġi ddeterminata l-portata tal-kumpens għad-dannu riżultanti mit-telf ta’ l-opportunità, għal membru tal-persunal temporanju li l-applikazzjoni tiegħu tkun ġiet illegalament miċħuda, li jiġi reklutat f’impjieg fi ħdan istituzzjoni Komunitarja, l-użu ta’ metodu, applikat f’diversi sistemi nazzjonali, li hu bbażat fuq il-kriterju tat-telf ta’ remunerazzjoni, billi tiġi stabbilita d-differenza bejn ir-remunerazzjoni mistennija u dik li effettivament irċieva, u mbagħad tiġi evalwata, taħt il-forma ta’ perċentwali, l-opportunità li huwa kellu li jiġi reklutat sabiex jiġi bbilanċjat dan it-telf, neċessarjament iwassal lill-Qorti Komunitarja sabiex tibbaża ruħha fuq sensiela ta’ ipoteżijiet inċerti min-natura tagħhom, iżda li jaqgħu taħt l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza li mhijiex appellabbli u taħt il-marġni ta’ diskrezzjoni li hija għandha.

      (ara l-punti 45, 58, 59, 61, 62, 64, 72-74)

    2.  Mill-Artikolu 225 KE, mill-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 58 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Artikolu 112(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li tagħha qed jintalab l-annullament kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba.

      Appell li huwa intiż mhux biex jidentifika l-eżistenza ta’ żbalji ta’ liġi li bihom hu allegatament ivvizzjat ir-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza kkontestata, iżda biex, minn naħa waħda, billi jiġu rripetuti l-argumenti invokati fl-ewwel istanza u, min-naħa l-oħra, billi jitressqu provi oħra allegatament ġodda, jikkontesta l-apprezzament tal-fatti li jkun sar minn din il-qorti f’din is-sentenza, ma jissodisfax din il-kundizzjoni.

      (ara l-punti 88, 91)

    Top