Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0329

    Sommarju tas-sentenza

    Kawżi magħquda C-329/06 u C-343/06

    Arthur Wiedemann

    vs

    Land Baden-Württemberg

    u

    Peter Funk

    vs

    Stadt Chemnitz

    (talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Sigmaringen u mill-Verwaltungsgericht Chemnitz)

    “Direttiva 91/439/KEE — Rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan — Irtirar ta’ liċenzja tas-sewqan fi Stat Membru minħabba konsum ta’ droga jew alkoħol — Liċenzja tas-sewqan ġdida maħruġa fi Stat Membru ieħor — Rifjut tal-ewwel Stat Membru li jirrikonoxxi d-dritt tas-sewqan — Residenza mhux konformi mad-Direttiva 91/439/KEE”

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Y. Bot, ippreżentati fl-14 ta’ Frar 2008   I - 4637

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-26 ta’ Ġunju 2008   I - 4656

    Sommarju tas-sentenza

    1. Trasport – Trasport bit-triq – Liċenzja tas-sewqan – Direttiva 91/439

      (Direttiva tal-Kunsill 91/439, kif emendata bir-Regolament Nru 1882/2003, Artikoli 1(2), 7(1) u 8(2) u (4))

    2. Trasport – Trasport bit-triq – Liċenzja tas-sewqan – Direttiva 91/439

      (Direttiva tal-Kunsill 91/439, kif emendata bir-Regolament Nru 1882/2003, Artikoli 1(2) u 8(2) u (4))

    1.  L-Artikoli 1(2), 7(1) u 8(2) u (4) tad-Direttiva 91/439, dwar il-liċenzji tas-sewqan, kif emendata bir-Regolament Nru 1882/2003, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu Stat Membru milli jirrifjuta li jirrikonoxxi, fit-territorju tiegħu, id-dritt tas-sewqan li jirriżulta minn liċenzja tas-sewqan maħruġa iktar tard minn Stat Membru ieħor wara li jkun skada kull perijodu ta’ projbizzjoni ta’ applikazzjoni għal liċenzja ġdida impost fuq il-persuna kkonċernata u, għalhekk, il-validità ta’ din il-liċenzja sakemm il-possessur ta’ din il-liċenzja ma jkunx qagħad għall-kundizzjonijiet rikjesti f’dan l-ewwel Stat Membru għall-ħruġ ta’ liċenzja ġdida wara l-irtirar ta’ liċenzja preċedenti, li jinkludu l-eżami tal-kapaċità għas-sewqan li jiċċertifika li m’għadx hemm ir-raġunijiet li kienu ġġustifikaw dan l-irtirar.

      Fl-istess ċirkustanzi, dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux lil Stat Membru milli jirrifjuta li jirrikonoxxi, fit-territorju tiegħu, id-dritt tas-sewqan li jirriżulta minn liċenzja tas-sewqan maħruġa iktar tard minn Stat Membru ieħor jekk ikun stabbilit, fuq il-bażi tal-informazzjoni li jkun hemm fuq din l-istess liċenzja jew ta’ informazzjoni inkontestabbli oħra li toriġina mill-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja, li, meta nħarġet l-istess liċenzja, il-possessur tagħha, li kien suġġett, fit-territorju tal-ewwel Stat Membru, għal miżura ta’ rtirar ta’ liċenzja preċedenti, ma kellux ir-residenza normali tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja.

      (ara l-punt 73 u d-dispożittiv 1)

    2.  L-Artikoli 1(2) u 8(2) u (4) tad-Direttiva 91/439, dwar il-liċenzji tas-sewqan, kif emendata bir-Regolament Nru 1882/2003, jipprekludu Stat Membru, li skont din id-direttiva huwa obbligat li jirrikonoxxi d-dritt tas-sewqan li jirriżulta minn liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor, milli jissospendi provviżorjament dan id-dritt sakemm dan l-Istat Membru tal-aħħar ikun qed jivverifika l-modalitajiet tal-ħruġ ta’ din il-liċenzja. Min-naħa l-oħra, fl-istess kuntest, dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux Stat Membru milli jissospendi dan id-dritt jekk mill-informazzjoni li tkun tinsab fuq din il-liċenzja jew minn informazzjoni inkontestabbli oħra li toriġina minn dan l-Istat Membru l-ieħor jirriżulta li l-kundizzjoni tar-residenza imposta fl-Artikolu 7(1)(b) ta’ din id-direttiva ma kinitx sodisfatta fil-mument meta nħarġet din l-istess liċenzja.

      (ara l-punt 86 u d-dispożittiv 2)

    Top