Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0308

    Sommarju tas-sentenza

    Kawża C-308/06

    The Queen, fuq talba ta’:

    International Association of Independent Tanker Owners (Intertanko) et

    vs

    Secretary of State for Transport

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court))

    “Trasport marittimu — Tniġġis ikkawżat minn vapuri — Direttiva 2005/35/KE — Validità — Konvenzjoni ta’ Montego Bay — Konvenzjoni Marpol 73/78 — Effetti legali — Invokabbiltà — Negliġenza serja — Prinċipju ta’ ċertezza legali”

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fl-20 ta’ Novembru 2007   I - 4060

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-3 ta’ Ġunju 2008   I - 4100

    Sommarju tas-sentenza

    1. Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Limiti

      (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2005/35)

    2. Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Limiti

    3. Trasport – Trasport marittimu – Tniġġis ikkawżat minn vapuri u introduzzjoni ta’ sanzjonijiet għal ksur – Direttiva 2005/35

      (Artikolu 249 KE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2005/35, Artikoli 4 u 8)

    1.  Billi l-ftehim internazzjonali konklużi mill-Komunità jgawdu s-supremazija fuq l-atti tad-dritt Komunitarju sekondarju, il-validità ta’ att Komunitarju sekondarju tista’ tiġi affettwata mill-fatt li dan tal-aħħar ikun inkompatibbli ma’ tali regoli tad-dritt internazzjonali. Meta din l-invalidità tiġi invokata quddiem qorti nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk tivverifika, b’applikazzjoni tal-Artikolu 234 KE, il-validità tal-att Komunitarju kkonċernat fid-dawl tar-regoli kollha tad-dritt internazzjonali, iżda żewġ kundizzjonijiet għandhom jiġu sodisfatti. L-ewwel nett, il-Komunità trid tkun marbuta b’dawn ir-regoli. It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ teżamina l-validità ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja fid-dawl ta’ trattat internazzjonali biss meta n-natura u l-istruttura ta’ dan tal-aħħar ma jipprekludux tali eżami u meta, barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tiegħu jkunu jidhru, mill-aspett tal-kontenut tagħhom, li huma inkondizzjonati u suffiċjentement preċiżi.

      Ladarba l-Komunità mhijiex marbuta bil-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri (Konvenzjoni Marpol 73/78), is-sempliċi fatt li d-Direttiva 2005/35 dwar it-tniġġis ikkawżat minn vapuri u l-introduzzjoni ta’ sanzjonijiet għal ksur għandha l-għan li tinkorpora fid-dritt Komunitarju ċerti regoli li jinsabu f’din tal-aħħar, lanqas mhuwa suffiċjenti sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun obbligata tistħarreġ il-legalità ta’ din id-direttiva fid-dawl tal-imsemmija konvenzjoni. Huwa minnu li l-kompetenzi tal-Komunità għandhom jiġu eżerċitati b’rispett għad-dritt internazzjonali, inklużi d-dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet internazzjonali safejn huma jikkodifikaw regoli konswetudinarji stabbiliti bid-dritt internazzjonali ġenerali. Billi r-Regolamenti 9 u 11(b) tal-Anness I u r-Regolamenti 5 u 6(b) tal-Anness II tal-imsemmija Konvenzjoni Marpol madankollu ma jikkostitwixxux l-espressjoni ta’ regoli konswetudinarji stabbiliti bid-dritt internazzjonali ġenerali, il-validità tad-Direttiva 2005/35 ma tistax tiġi evalwata fid-dawl ta’ din il-konvenzjoni minkejja li l-Istati Membri huma marbutin biha.

      (ara l-punti 42-45, 50-52 u d-dispożittiv 1)

    2.  F’dak li jirrigwarda l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, iffirmata f’Montego Bay fl-10 ta’ Diċembru 1982 (Konvenzjoni ta’ Montego Bay), din tal-aħħar ġiet iffirmata mill-Komunità u approvata permezz tad-Deċiżjoni 98/392, fatt li l-konsegwenza tiegħu hija li rabat lill-Komunità u għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni jifformaw parti integrali mis-sistema legali Komunitarja. Madankollu, il-Konvenzjoni ta’ Montego Bay ma tistabbilixxix regoli intiżi sabiex japplikaw direttament u immedjatament għall-individwi u sabiex jagħtu lil dawn tal-aħħar drittijiet jew libertajiet li jistgħu jiġu invokati fil-konfront tal-Istati, indipendentement mill-attitudni tal-Istat tal-bandiera tal-vapur. Minn dan isegwi li n-natura u l-istruttura tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay jipprekludu lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tkun tista’ tevalwa l-validità ta’ att Komunitarju fid-dawl ta’ din tal-aħħar.

      (ara l-punti 53, 64, 65 u d-dispożittiv 1)

    3.  L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/35 dwar it-tniġġis ikkawżat minn vapuri u l-introduzzjoni ta’ sanzjonijiet għal ksur, moqri flimkien mal-Artikolu 8 ta’ din tal-aħħar, jobbliga lill-Istati Membri li jissanzjonaw ir-rimi ta’ sustanzi li jniġġsu minn vapuri jekk dan isir “b’intenzjoni, b’mod imprudenti jew b’negliġenza serja”, mingħajr madankollu ma jiddefinixxi dawn il-kunċetti. Madankollu, dawn id-diversi kunċetti, b’mod partikolari dak tan-“negliġenza serja”, jikkorrispondu għal kriterji li jirregolaw ir-responsabbiltà, li huma intiżi sabiex japplikaw għal numru indefinit ta’ sitwazzjonijiet li huwa impossibbli li jiġi kkontemplat bil-quddiem, u mhux għal komportamenti speċifiċi li jistgħu jiġu indikati bid-dettall f’att leġiżlattiv tad-dritt Komunitarju jew tad-dritt nazzjonali. Barra minn hekk, dawn il-kunċetti huma kompletament integrati u użati fis-sistemi legali rispettivi tal-Istati Membri. F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ “negliġenza serja” fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/35 għandu jinftiehem li jimplika azzjoni jew ommissjoni involontarja li biha l-persuna responsabbli tikser, b’mod serju, l-obbligu ta’ diliġenza li hija kien imissha u setgħet tirrispetta fid-dawl tal-istatus tagħha, tal-għarfien tagħha, tal-kapaċitajiet tagħha u tas-sitwazzjoni individwali tagħha. Fl-aħħar nett, skond l-Artikolu 249 KE, id-Direttiva 2005/35 għandha tiġi trasposta mill-Istati Membri fis-sistemi legali rispettivi tagħhom. Għaldaqstant, id-definizzjoni nfisha tar-reati li għalihom jirreferi l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva u l-pieni applikabbli huma dawk li jirriżultaw mir-regoli stabbiliti mill-Istati Membri.

    4.  Minn dan isegwi li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/35, moqri flimkien mal-Artikolu 8 ta’ din tal-aħħar, ma jiksirx il-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali safejn jimponi fuq l-Istati Membri li jissanzjonaw ir-rimi ta’ sustanzi li jniġġsu minn vapuri li jsir b’“negliġenza serja”, mingħajr ma jiddefinixxi dan il-kunċett.

      (ara l-punti 72-74, 77-79 u d-dispożittiv 2)

    Top