Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0303

    Sommarju tas-sentenza

    Kawża C-303/06

    S. Coleman

    vs

    Attridge Law u Steve Law

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Employment Tribunal, London South)

    “Politika soċjali — Direttiva 2000/78/KE — Trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol — Artikoli 1, 2(1), (2)(a) u (3) u 3(1)(ċ) — Diskriminazzjoni diretta fuq bażi ta’ diżabbiltà — Fastidju marbut mad-diżabbiltà — Sensja mogħtija lil impjegat li m’għandux diżabbiltà, iżda li t-tifel tiegħu għandu diżabbiltà — Inklużjoni — Oneru tal-prova”

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Poiares Maduro, ippreżentati fil-31 ta’ Jannar 2008   I - 5605

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-17 ta’ Lulju 2008   I - 5615

    Sommarju tas-sentenza

    1. Politika soċjali – Trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol – Direttiva 2000/78 – Projbizzjoni tad-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ diżabbiltà – Portata

      (Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikoli 1 u 2(1) u (2)(a))

    2. Politika soċjali – Trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol – Direttiva 2000/78 – Projbizzjoni tal-fastidju – Portata

      (Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikoli 1 u 2(1) u (3))

    1.  Id-Direttiva 2000/78 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament [trattament ugwali] fl-impjieg u fix-xogħol, u, b’mod partikolari, l-Artikoli 1 u 2(1) u (2)(a) tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni diretta li huma jistabbilixxu mhijiex limitata biss għal persuni li huma stess għandhom diżabbiltà. Fil-fatt, il-prinċipju ta’ trattament ugwali stabbilit f’din id-direttiva fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol japplika mhux għal kategorija ta’ persuni partikolari, iżda abbażi tar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tagħha.

      Meta min iħaddem jittratta impjegat li huwa stess m’għandux diżabbiltà b’mod inqas favorevoli milli huwa, kien jew kien jiġi ttrattat impjegat ieħor f’sitwazzjoni komparabbli u jiġi pprovat li t-trattament sfavorevoli li tiegħu dan l-impjegat ikun vittma jkun ibbażat fuq id-diżabbiltà tat-tifel tiegħu, li lilu huwa jagħti l-parti l-kbira tal-kura li dan tal-aħħar għandu bżonn, tali trattament jmur kontra l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni diretta prevista fl-Artikolu 2(2)(a) ta’ din id-direttiva.

      (ara l-punti 38, 50, 56 u d-dispożittiv 1)

    2.  Id-Direttiva 2000/78 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament [trattament uguali] fl-impjieg u fix-xogħol, u, b’mod partikolari, l-Artikoli 1 u 2(1) u (3) tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-projbizzjoni tal-fastidju li huma jistabbilixxu mhijiex limitata biss għal persuni li huma stess għandhom diżabbiltà. Skont l-imsemmi Artikolu 2(3), il-fastidju għandu jitqies bħala forma ta’ diskriminazzjoni fis-sens tal-paragrafu 1 ta’ dan l-istess artikolu u l-prinċipju ta’ trattament ugwali stabbilit f’din id-direttiva fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol japplika mhux għal kategorija ta’ persuni partikolari, iżda abbażi tar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tagħha.

      Meta jiġi pprovat li l-imġiba mhux xierqa li tikkostitwixxi fastidju li tagħha impjegat, li huwa stess m’għandux diżabbiltà, ikun vittma tkun marbuta mad-diżabbiltà tat-tifel tiegħu, li lilu huwa jagħti l-parti l-kbira tal-kura li dan tal-aħħar għandu bżonn, tali imġiba tmur kontra l-projbizzjoni tal-fastidju prevista fl-Artikolu 2(3) ta’ din id-direttiva.

      (ara l-punti 38, 58, 63 u d-dispożittiv 2)

    Top