EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0293

Sommarju tas-sentenza

Kawża C-293/06

Deutsche Shell GmbH

vs

Finanzamt für Großunternehmen in Hamburg

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Hamburg)

“Libertà ta’ stabbiliment — Taxxa fuq il-kumpanniji — Effetti monetarji mar-ripatrijazzjoni tal-kapital inzjali mogħti minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru lil stabbiliment permanenti tagħha fi Stat Membru ieħor”

Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali E. Sharpston, ippreżentati fit-8 ta’ Novembru 2007   I - 1131

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-28 ta’ Frar 2008   I - 1147

Sommarju tas-sentenza

Moviment liberu tal-persuni – Libertà ta’ stabbiliment – Leġiżlazzjoni fiskali – Taxxa fuq il-kumpanniji – Tnaqqis tat-telf

(Trattat KE, Artikolu 52 (li sar, wara emenda, l-Artikolu 43 KE) u Artikolu 58 (li sar l-Artikolu 48 KE))

Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 52 tat-Trattat KE (li wara l-emendi sar l-Artikolu 43 KE) moqrija flimkien ma dawk ta’ l-Artikolu 58 tat-Trattat KE (li wara sar l-Artikolu 48 KE), jipprekludu lil Stat Membru milli jeskludi telf fil-kambju, magħmul minn kumpannija li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fit-territorju ta’ dan l-aħħar Stat, fil-mument tar-ripatrijazzjoni tal-kapital inizjali li hija kienet allokat lil stabbiliment permanenti tagħha, li jinsab fi Stat Membru ieħor, sabiex tiġi ddeterminata l-bażi ta’ stima nazzjonali. Dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu wkoll li t-telf fil-kambju jkun jista’ jitnaqqas bħala spiża ta’ l-operat ta’ impriża li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru biss safejn l-istabbiliment permanenti li huwa proprjetà ta’ din ta’ l-aħħar, li jinsab fi Stat Membru ieħor, ma kiseb l-ebda profitt mhux taxxabbli.

Fil-fatt, din is-sistema fiskali żżid ir-riskju ekonomiku li kumpannija stabbilita fi Stat Membru, li tixtieq toħloq entità fi Stat Membru ieħor, tieħu meta tintuża munita differenti minn dik ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini, u għalhekk tikkostitwixxi ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment. Din is-sistema mhijiex iġġustifikata mill-bżonn li tiġi ppreżervata l-koerenza tas-sistema fiskali, meta ma teżisti l-ebda relazzjoni diretta bejn telf fil-kambju minn naħa, u dħul fil-kambju min-naħa l-oħra. Dan l-ostakolu ma jistax barra minn hekk jiġi ġġustifikat bl-eżistenza ta’ konvenzjoni li tipprevjeni t-tassazzjoni doppja. Ċertament, il-libertà ta’ stabbiliment ma tistax tiġi interpretata fis-sens li Stat Membru għandu l-obbligu li jistabbilixxi r-regoli fiskali tiegħu skond dawk ta’ Stat Membru ieħor sabiex jiggarantixxi, fis-sitwazzjonijiet kollha, tassazzjoni li telimina kull diskrepanza li tirriżulta mil-liġijiet fiskali nazzjonali, minħabba li d-deċiżjonijiet meħuda minn kumpannija rigward it-twaqqif ta’ strutturi kummerċjali barra mill-pajjiż jistgħu, skond il-każ, ikunu ftit jew wisq vantaġġużi jew żvantaġġużi għal din il-kumpannija. Madankollu, l-iżvantaġġ fiskali in kwistjoni huwa dovut għal ċirkustanza operattiva partikolari li tista’ tittieħed biss in kunsiderazzjoni mill-awtoritajiet fiskali ta’ l-impriża prinċipali.

Fir-rigward tal-limitazzjoni ta’ l-imputazzjoni tat-telf magħmul fil-kambju sostnut mill-imsemmi stabbiliment permanenti skond ir-riżultati tiegħu, din lanqas ma tista’ tiġi ġġustifikata permezz ta’ l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-impriża li għandha dan l-istabbiliment tista’ tibbenefika minn vantaġġ doppju minħabba telf fil-kambju. Fil-fatt, Stat Membru, li ddeċieda li jirrinunzja għas-setgħat ta’ tassazjoni tiegħu billi kkonkluda konvenzjoni li tipprevjeni t-tassazzjoni doppja, ma jistax jinvoka n-nuqqas ta’ setgħa ta’ tassazzjoni fir-rigward tar-riżultati ta’ stabbiliment permanenti li huwa proprjetà ta’ kumpannija stabbilita fit-territorju ta’ dan l-Istat sabiex jiġġustifika r-rifjut ta’ tnaqqis ta’ l-infieq sostnut minn din il-kumpannija li, fin-natura tiegħu stess, ma jistax jittieħed in kunsiderazzjoni fl-Istat Membru li fih jinsab dan l-istabbiliment.

(ara l-punti 30, 32, 40, 43-45, 47, 50, 51, 53 u d-dispożittiv 1, 2)

Top