This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62006CJ0220
Sommarju tas-sentenza
Sommarju tas-sentenza
1. Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Provvista ta’ servizzi postali riżervati skond id-Direttiva 97/67 — Għoti lil kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, fornitriċi tas-servizz postali universali, miżmuma kollha kemm hi mill-awtorità pubblika mingħajr osservanza tar-regoli dwar l-għoti tal-kuntratti pubbliċi
(Artikoli 43 KE u 49 KE; Direttiva 97/67 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill )
2. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi — Direttiva 92/50 — Provvista ta’ servizzi postali mhux riżervati fis-sens tad-Direttiva 97/67 — Għoti lil kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, fornitriċi tas-servizz postali universali, miżmuma kollha kemm hi mill-awtorità pubblika mingħajr osservanza tar-regoli dwar l-għoti tal-kuntratti pubbliċi
(Direttiva tal-Kunsill 92/50; Direttiva 97/67 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill )
3. Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Provvista ta’ servizzi postali mhux riżervati fis-sens tad-Direttiva 97/67 — Għoti lil kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, fornitriċi tas-servizz postali universali, miżmuma kollha kemm hi mill-awtorità pubblika mingħajr osservanza tar-regoli dwar l-għoti tal-kuntratti pubbliċi
(Artikoli 12 KE, 43 KE, 49 KE u 86 KE; Direttiva 97/67 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill )
1. Id-dritt Komunitarju għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti lill-awtoritajiet pubbliċi jagħtu, mingħajr osservanza tar-regoli ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, il-provvista ta’ servizzi postali riżervati skond id-Direttiva 97/67/KE, dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz, lill-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata li l-kapital tagħha huwa miżmum mill-awtorità pubblika u li, f’dan l-Istat, hija l-fornitriċi tas-servizz postali universali.
Fil-fatt, l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva jippermetti lill-Istati Membri li jirriżervaw ċerti servizzi postali lill-fornitur (lill-fornituri) tas-servizz postali universali sa fejn dan ikun neċessarju għaż-żamma ta’ dan is-servizz. Konsegwentement, sa fejn is-servizzi postali huma, skond din id-direttiva, riżervati lil fornitur wieħed tas-servizz universali, servizzi bħal dawn bilfors jevitaw il-kompetizzjoni, billi l-ebda operatur ekonomiku ieħor ma huwa awtorizzat joffri dawn is-servizzi. Għalhekk ma jistgħux jiġu applikati r-regoli Komunitarji fil-qasam ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, li l-għan prinċipali tagħhom huwa l-moviment liberu tal-merkanzija u tas-servizzi kif ukoll il-ftuħ għall-kompetizzjoni mingħajr distorsjoni fl-Istati Membri kollha.
(ara l-punti 39-41 u d-dispożittiv 1)
2. Id-Direttiva tal-Kunsill 92/50 relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi, kif emendata bid-Direttiva 2001/78, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti lill-awtoritajiet pubbliċi jagħtu, mingħajr osservanza tar-regoli ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, il-provvista ta’ servizzi postali mhux riżervati fis-sens tad-Direttiva 97/67, dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz, lill-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata li l-kapital tagħha huwa miżmum mill-awtorità pubblika u li, f’dan l-Istat, hija l-fornitriċi tas-servizz postali universali, sa kemm il-ftehim li għalihom din il-leġiżlazzjoni tapplika, jilħqu l-limitu rilevanti kif previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 92/50 relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku, kif emendata bid-Direttiva 2001/78, u jikkostitwixxu kuntratti, fis-sens ta’ l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 92/50, kif emendata bid-Direttiva 2001/78, konklużi bil-miktub u għal interess pekunjarju, u mhux att amministrattiv unilaterali li jistabbilixxi obbligi li huma biss a karigu tal-fornitriċi u li jidderoga b’mod kunsiderevoli mill-kundizzjonijiet normali ta’ l-offerta kummerċjali tal-fornitriċi, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistħarreġ.
(ara l-punti 54, 69 u d-dispożittiv 2)
3. L-Artikoli 43 KE, 49 KE u 86 KE, kif ukoll il-prinċipji ta’ trattament ugwali, ta’ non-diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità u ta’ trasparenza, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti lill-awtoritajiet pubbliċi jagħtu, mingħajr osservanza tar-regoli ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, il-provvista ta’ servizzi postali mhux riżervati fis-sens tad-Direttiva 97/67, dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz, lill-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata li l-kapital tagħha huwa miżmum mill-awtorità pubblika u li, f’dan l-Istat, hija l-fornitriċi tas-servizz postali universali, sakemm il-ftehim li għalihom din il-leġiżlazzjoni tapplika ma jilħqux il-limitu rilevanti kif previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 92/50, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku, kif emendata bid-Direttiva 2001/78, u ma jikkostitwixxux, fil-fatt, att amministrattiv unilaterali li jistabbilixxi obbligi li huma biss a karigu tal-fornitriċi tas-servizz postali universali u li jidderoga b’mod kunsiderevoli mill-kundizzjonijiet normali ta’ l-offerta kummerċjali ta’ din ta’ l-aħħar, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistħarreġ.
Barra minn dan l-Artikolu 86(2) KE ma jistax jiġi invokat sabiex tiġi ġġustifikata liġi nazzjonali sa fejn din tirrigwarda servizzi postali mhux riżervati fis-sens tad-Direttiva 97/67.
Fil-fatt, id-Direttiva 97/67 timplementa l-Artikolu 86(2) KE, f’dak li jikkonċerna l-possibbiltà li jiġu rriżervati ċerti servizzi postali lill-fornitur tas-servizz postali universali. L-Istati Membri m’għandhomx il-fakultà li jestendu kif jixtiequ s-servizzi riżervati għall-fornituri tas-servizz postali universali skond l-Artikolu 7 tad-Direttiva 97/67, peress illi tali etsnsjoni tmur kontra l-għan ta’ din id-direttiva, li tfittex li tassigura l-liberalizzazzjoni bil-mod u b’mod ikkontrollat fis-settur postali, b’mod illi fil-kuntest tad-Direttiva 97/67, hija meħuda in kunsiderazzjoni l-kwistjoni li jkun magħruf jekk hemmx bżonn, li sabiex is-servizz postali universali jkun jista’ jitwettaq taħt kundizzjonijiet ekonomikament aċċettabbli, jiġu rriżervati ċerti servizzi postali lill-fornitur ta’ dan is-servizz postali universali.
(ara l-punti 80-82, 85, 88 u d-dispożittiv 3)