Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0210

    Sommarju tas-sentenza

    Kawża C-210/06

    Cartesio Oktató és Szolgáltató bt

    (talba għal deċizjoni preliminari mressqa mis-Szegedi Ítélőtábla)

    “Trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat ta’ kumpannija fi Stat Membru li mhuwiex dak fejn ġiet inkorporata — Talba għall-emenda tal-indikazzjoni dwar l-uffiċċju rreġistrat fir-reġistru tal-kumpanniji — Rifjut — Appell minn deċiżjoni ta’ qorti inkarigata biż-żamma tar-reġistru tal-kumpanniji — Artikolu 234 KE — Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ammissibbiltà — Kunċett ta’ ‘qorti jew tribunal’ — Kunċett ta’ ‘qorti jew tribunal ta’ Stat Membru li kontra d-deċiżjonijiet tiegħu ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali’ — Appell minn deċiżjoni li tordna rinviju għal deċiżjoni preliminari — Setgħa tal-qorti tal-appell li tħassar din id-deċiżjoni — Libertà ta’ stabbiliment — Artikoli 43 KE u 48 KE ”

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Poiares Maduro, ippreżentati fit-22 ta’ Mejju 2008   I ‐ 9647

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-16 ta’ Diċembru 2008   I ‐ 9664

    Sommarju tas-sentenza

    1. Domandi preliminari – Kawża mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja – Qorti nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 234 KE – Kunċett

      (Artikolu 234 KE)

    2. Domandi preliminari – Ammissibbiltà – Limiti

      (Artikolu 234 KE)

    3. Domandi preliminari – Kawża mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja – Obbligu ta’ rinviju

      (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 234 KE)

    4. Domandi preliminari – Kawża mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja – Ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali

      (Artikolu 234 KE)

    5. Moviment liberu tal-persuni – Libertà ta’ stabbiliment

      (Artikoli 43 KE u 48 KE)

    1.  Qorti li quddiemha tressaq appell minn deċiżjoni ta’ qorti inkarigata biż-żamma tar-reġistru tal-kumpanniji li ċaħdet applikazzjoni għall-emenda ta’ indikazzjoni f’dan ir-reġistru għandha tiġi kkwalifikata bħala qorti jew tribunal li jista’ jressaq talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, minkejja l-fatt li la d-deċiżjoni ta’ din il-qorti u lanqas l-eżami ta’ dan l-appell mill-qorti tar-rinviju ma jseħħu fil-kuntest ta’ proċedura kontradittorja.

      Fil-fatt, għalkemm meta taġixxi bħala awtorità amministrattiva mingħajr fl-istess ħin ma tkun mitluba tirrisolvi kawża, qorti inkarigata biż-żamma ta’ reġistru ma tistax titqies li qed teżerċita funzjoni ġudizzjarja, min-naħa l-oħra, qorti adita b’appell minn deċiżjoni ta’ qorti inferjuri inkarigata biż-żamma ta’ reġistru tal-kumpanniji li tirrifjuta li tilqa’ tali applikazzjoni għal reġistrazzjoni, u li huwa intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni li allegatament taffettwa ħażin dritt tal-applikant, hija adita b’kawża u teżerċita funzjoni ġudizzjarja. Għaldaqstant, f’każ bħal dan, il-qorti li tiddeċiedi fl-appell għandha, fil-prinċipju, tkun ikkunsidrata bħala qorti jew tribunal fis-sens tal-Artikolu 234 KE, li tista’ tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

      (ara l-punti 57-59, 63 u d-dispożittiv 1)

    2.  Id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li mhuwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba m’għandha l-ebda rabta mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jsirulha.

      Din il-preżunzjoni ta’ rilevanza mhijiex ikkonfutata mill-fatt li, f’dak li jirrigwarda domanda preliminari dwar il-kwalifika ta’ qorti bħala qorti jew tribunal li kontra d-deċiżjonijiet tiegħu ma jkunx hemm rimedju ġudizzjarju skont il-liġi nazzjonali fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 234 KE, din il-qorti diġà ressqet id-domanda preliminari tagħha lill-Qorti tal-Ġustizzja. Ikun kuntrarju għall-ispirtu ta’ kooperazzjoni li għandu jkun hemm fir-relazzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll għar-rekwiżiti tal-ekonomija tal-ġudizzju jekk jintalab li qorti nazzjonali għandha l-ewwel tressaq talba għal deċiżjoni preliminari li tqajjem biss il-kwistjoni ta’ jekk din il-qorti taqax taħt dawk imsemmija fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 234 KE qabel ma eventwalment tagħmel, sussegwentement u permezz tat-tieni talba għal deċiżjoni preliminari, domandi dwar id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju relatati mal-mertu tal-kawża mressqa quddiemha.

      Din il-preżunzjoni ta’ rilevanza lanqas mhija kkonfutata f’sitwazzjoni ta’ inċertezza dwar in-natura ipotetika tal-kwistjoni. Ikun hemm tali inċertezza meta l-provi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha sabiex tiddeċiedi fuq l-eventwali inkompatibbiltà ta’ liġi nazzjonali li tirregola appell minn deċiżjoni li tordna rinviju għal deċiżjoni preliminari mal-Artikolu 234 KE, ma jippermettux li jiġi kkonstatat li din id-deċiżjoni ma kinitx jew ma tistax iktar tkun is-suġġett ta’ appell, u, għalhekk, saret res judicata, f’liema każ il-kwistjoni ta’ din l-inkompatibbiltà tkun effettivament ta’ natura ipotetika.

      (ara l-punti 67, 70, 73, 83-86)

    3.  Qorti li d-deċiżjonijiet tagħha mogħtija fil-kuntest ta’ kawża jistgħu jkunu s-suġġett ta’ appell fil-kassazzjoni, ma tistax tkun ikkwalifikata bħala qorti jew tribunal li kontra d-deċiżjonijiet tiegħu ma jkunx hemm rimedju ġudizzjarju skont il-liġi nazzjonali, fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 234 KE, inkluż meta s-sistema proċedurali li fil-kuntest tagħha din il-kawża trid tiġi deċiża timponi restrizzjonijiet fir-rigward tan-natura tal-motivi li jistgħu jiġu invokati quddiem tali qorti, li għandhom jallegaw ksur tal-liġi.

      Fil-fatt, tali restrizzjonijiet, bħan-nuqqas ta’ effett sospensiv tal-appell fil-kassazzjoni, m’għandhomx bħala effett li jċaħħdu lill-partijiet li dehru quddiem qorti li d-deċiżjonijiet tagħha huma suġġetti għal tali appell mill-possibbiltà li jeżerċitaw b’mod effettiv id-dritt tagħhom li jressqu dan l-appell mid-deċiżjoni ta’ din l-aħħar qorti li tiddeċiedi fuq din il-kwistjoni. Għalhekk, dawn ir-restrizzjonijiet u dan in-nuqqas ta’ effett sospensiv ma jimplikawx li din għandha tkun ikkwalifikata bħala qorti li tagħti deċiżjoni li ma tistax tiġi appellata.

      (ara l-punti 77-79 u d-dispożittiv 2)

    4.  Fil-preżenza ta’ regoli nazzjonali dwar id-dritt ta’ appell minn deċiżjoni li tordna rinviju għal deċiżjoni preliminari, li jipprovdu li l-kawża prinċipali kollha tibqa’ pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju filwaqt li d-deċiżjoni tar-rinviju biss tkun is-suġġett ta’ appell limitat, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 234 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ġurisdizzjoni li din id-dispożizzjoni tat-Trattat tagħti lil kull qorti nazzjonali sabiex tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax titqiegħed inkwistjoni bl-applikazzjoni ta’ tali regoli, li jippermettu lill-qorti adita bl-appell tbiddel id-deċiżjoni li tordna rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, twarrab dan ir-rinviju u tordna lill-qorti li tkun tat din id-deċiżjoni tkompli bil-proċeduri legali nazzjonali li kienu ġew sospiżi.

      Fil-fatt, għalkemm l-Artikolu 234 KE ma jipprekludix li d-deċiżjonijiet ta’ qorti jew tribunal nazzjonali, li d-deċiżjonijiet tiegħu jistgħu jkunu suġġetti għal rimedju ġudizzjarju skont il-liġi nazzjonali, li jirrinvijaw domanda għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, jibqgħu suġġetti għar-rimedji ġudizzjarji normali previsti mil-liġi nazzjonali, l-eżitu ta’ dan l-appell, madankollu, ma jistax jillimita l-ġurisdizzjoni li l-Artikolu 234 KE jagħti lil din il-qorti biex tagħmel rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk hija tikkunsidra li kawża pendenti quddiemha tqajjem kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju li jeħtieġu deċiżjoni minn din tal-aħħar.

      Barra minn dan, f’sitwazzjoni fejn kawża tinsab għat-tieni darba pendenti quddiem qorti tal-ewwel istanza wara li deċiżjoni mogħtija minnha tkun ġiet annullata minn qorti tal-aħħar istanza, din il-qorti tal-ewwel istanza tibqa’ libera li tagħmel rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 234 KE minkejja l-eżistenza ta’ regola fil-liġi nazzjonali li torbot lill-qrati fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-punti ta’ dritt magħmula minn qorti superjuri.

      Fil-każ ta’ applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali dwar id-dritt ta’ appell minn deċiżjoni li tordna rinviju għal deċiżjoni preliminari, li jipprovdu li l-kawża prinċipali kollha tibqa’ pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju filwaqt li d-deċiżjoni tar-rinviju biss tkun suġġetta għal appell limitat, is-setgħa awtonoma li tirreferi kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-Artikolu 234 KE jagħti lill-ewwel qorti tkun mheddha jekk, billi temenda d-deċiżjoni li tordna r-rinviju għal deċiżjoni preliminari, billi twarrabha u billi tordna lill-qorti li tat din id-deċiżjoni tkompli bil-proċeduri sospiżi, il-qorti tal-appell tkun tista’ tipprekludi lill-qorti tar-rinviju milli teżerċita s-setgħa, mogħtija lilha mit-Trattat KE, li tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

      Fil-fatt, skont l-Artikolu 234 KE, l-evalwazzjoni tar-rilevanza u tal-bżonn tad-domanda preliminari taqa’, fil-prinċipju, taħt ir-responsabbiltà biss tal-qorti li tordna r-rinviju għal deċiżjoni preliminari, suġġett għall-verifika limitata magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, hija din il-qorti tar-rinviju li għandha tislet il-konsegwenzi minn sentenza mogħtija fil-kuntest ta’ appell mid-deċiżjoni li tordna r-rinviju għal deċiżjoni preliminari u, b’mod partikolari, li tikkonkludi jew li huwa meħtieġ li żżomm it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, jew li temendaha jew li tirtiraha.

      Minn dan jirriżulta li, f’sitwazzjoni fejn jista’ jiġi ppreżentat appell mid-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju li tagħmel domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, anki fl-interess taċ-ċarezza u taċ-ċertezza legali, iżżomm ma’ din id-deċiżjoni li ordnat ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, li għandha tipproduċi l-effetti tagħha sakemm ma tkunx ġiet irrevokata jew emendata mill-qorti li tkun tatha, billi din il-qorti biss tista’ tiddeċiedi dwar tali revoka jew dwar tali emenda.

      (ara l-punti 93-98 u d-dispożittiv 3)

    5.  Fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, l-Artikoli 43 KE u 48 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux liġi ta’ Stat Membru li tipprekludi lil kumpannija inkorporata skont id-dritt nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru milli tittrasferixxi l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru ieħor filwaqt li żżomm l-istatus tagħha ta’ kumpannija rregolata mid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru li skont il-liġi tiegħu ġiet inkorporata.

      Fil-fatt, skont l-Artikolu 48 KE, fin-nuqqas ta’ definizzjoni uniformi mogħtija mid-dritt Komunitarju tal-kumpanniji li jistgħu jibbenefikaw mid-dritt ta’ stabbiliment abbażi ta’ kriterju wieħed ta’ rabta li jiddetermina d-dritt nazzjonali applikabbli għal kumpannija, il-kwistjoni jekk l-Artikolu 43 KE japplikax għal kumpannija li tinvoka l-libertà fundamentali stabbilita minn dan l-artikolu, bħal dik dwar jekk persuna fiżika hijiex ċittadin ta’ Stat Membru li tista’, b’hekk, tibbenefika minn din il-libertà, tikkostitwixxi kwistjoni preliminari li, fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, tista’ tingħata risposta biss mid-dritt nazzjonali applikabbli. Għalhekk huwa biss jekk jiġi vverifikat li din il-kumpannija tibbenefika effettivament mil-libertà ta’ stabbiliment fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 48 KE li tqum il-kwistjoni jekk din il-kumpannija tinstabx quddiem restrizzjoni għal din il-libertà fis-sens tal-Artikolu 43 KE.

      Għalhekk, Stat Membru jgawdi l-fakultà li jiddefinixxi kemm l-element ta’ rabta mitlub minn kumpannija sabiex din tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala inkorporata skont id-dritt nazzjonali tiegħu u li tista’, għalhekk, tibbenefika mid-dritt ta’ stabbiliment kif ukoll dak mitlub sabiex dan l-istatus jinżamm sussegwentement. Din il-fakultà tinkludi l-possibbiltà, għal dan l-Istat Membru, li ma jippermettix lil kumpannija rregolata mid-dritt nazzjonali tiegħu li żżomm dan l-istatus meta hija jkollha l-intenzjoni terġa’ torganizza ruħha fi Stat Membru ieħor billi tittrasferixxi l-uffiċċju rreġistrat tagħha fit-territorju ta’ dan l-aħħar Stat, u b’hekk tikser l-element ta’ rabta previst mid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru li skont il-liġi tiegħu ġiet inkorporata.

      Barra minn hekk, il-liġijiet u l-akkordji fil-qasam tad-dritt tal-kumpanniji msemmija, rispettivament, fl-Artikoli 44(2)(g) KE u 293 KE għadhom, sal-lum, ma ttrattawx id-differenza fil-liġijiet nazzjonali dwar il-post ta’ rabta tal-kumpanniji u għalhekk għadhom ma temmewhiex. Għalkemm ċerti regolamenti, bħar-Regolament Nru 2137/85, dwar il-Gruppi Ewropej b’Interess Ekonomiku, ir-Regolament Nru 2157/2001, dwar l-Istatut ta’ Kumpannija Ewropea, u r-Regolament Nru 1435/2003, dwar l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea, adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 308 KE, effettivament jipprevedu sistema li tippermetti lill-entitajiet ġuridiċi ġodda li huma jistabbilixxu li jittrasferixxu l-uffiċċju rreġistrat tagħhom u, għalhekk, anki l-uffiċċju veru tagħhom, li t-tnejn li huma għandhom fil-fatt ikunu jinstabu fl-istess Stat Membru, fi Stat Membru ieħor mingħajr ma jingħata lok la għax-xoljiment tal-persuna ġuridika oriġinali u lanqas għall-ħolqien ta’ persuna ġuridika ġdida, dan it-trasferiment, madankollu, jinvolvi neċessarjament bidla f’dak li jirrigwarda d-dritt nazzjonali applikabbli għall-entità li tagħmel tali trasferiment.

      Meta kumpannija tkun trid tittrasferixxi biss l-uffiċċju veru tagħha minn Stat Membru għal ieħor filwaqt li tibqa’ kumpannija skont id-dritt nazzjonali, u għalhekk mingħajr bidla f’dak li jirrigwarda d-dritt nazzjonali applikabbli għaliha, l-applikazzjoni mutatis mutandis ta’ dawn ir-regolamenti fl-ebda każ ma tista’ twassal għar-riżultat mixtieq f’sitwazzjoni tali.

      (ara l-punti 109, 110, 114, 115, 117, 119 u d-dispożittiv 4)

    Top