Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0205

    Sommarju tas-sentenza

    Kawża C-205/06

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    vs

    Ir-Repubblika tal-Awstrija

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE — Nuqqas ta’ adozzjoni tal-miżuri opportuni sabiex jitneħħew l-inkompatibbiltajiet bejn il-ftehim bilaterali konklużi ma’ pajjiżi terzi qabel l-adeżjoni tal-Istat Membru mal-Unjoni Ewropea u t-Trattat KE — Ftehim konklużi mir-Repubblika tal-Awstrija mar-Repubblika tal-Korea, mar-Repubblika tal-Kap Verde, mar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, mal-Malasja, mal-Federazzjoni Russa u mar-Repubblika tat-Turkija fil-qasam ta’ investimenti”

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Poiares Maduro, ippreżentati fl-10 ta’ Lulju 2008   I ‐ 1303

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-3 ta’ Marzu 2009   I ‐ 1320

    Sommarju tas-sentenza

    1. Proċedura – Proċedura orali – Ftuħ mill-ġdid

      (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 222 KE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 61)

    2. Ftehim internazzjonali – Ftehim konklużi mill-Istati Membri – Ftehim preċedenti għat-Trattat KE

      (Artikoli 57(2) KE, 59 KE, 60(1) KE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE)

    1.  Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 222 KE, l-Avukat Ġenerali għandu bħala dmir li pubblikament, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, jipproponi konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali u lanqas mill-motivazzjoni li fuqha dawn ikunu bbażati, mhuwiex indispensabbli li tinfetaħ mill-ġdid il-proċedura orali, skont l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura, kull darba li l-Avukat Ġenerali jqajjem punt ta’ dritt li ma kienx is-suġġett ta’ dibattitu bejn il-partijiet, sakemm is-sentenza ma tkunx ibbażata fuq argumenti li ma kinux ġew ittrattati bejn dawn tal-aħħar.

      (ara l-punti 14, 15)

    2.  Jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE Stat Membru li jonqos milli jadotta l-miżuri xierqa sabiex jitneħħew l-inkompatibbiltajiet relatati mad-dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ trasferiment ta’ kapital li jinsabu fi ftehim ta’ investimenti konkluż minnu ma’ Stat terz.

      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 57(2) KE, 59 KE u 60(1) KE jagħtu lill-Kunsill kompetenza sabiex jirristrinġi, f’ċerti każijiet speċifiċi, il-movimenti ta’ kapital u l-pagamenti bejn l-Istati Membri u l-Istati terzi. Sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-imsemmija dispożizzjonijiet, huwa neċessarju li l-miżuri restrittivi għall-moviment liberu tal-kapital ikunu jistgħu jiġu, fil-każ li jkunu adottati mill-Kunsill, applikati immedjatament fir-rigward tal-Istati li jkunu jikkonċernaw, u li jkunu jistgħu jinkludu lil ċerti Stati terzi li ffirmaw ftehim ta’ investiment. Għalhekk, dawn il-kompetenzi tal-Kunsill, li jikkonsistu f’li jiġu adottati b’mod unilaterali miżuri restrittivi fir-rigward tal-Istati terzi f’qasam li huwa identiku jew konness ma’ dak irregolat minn ftehim preċedenti konkluż bejn Stat Membru u Stat terz, iwasslu għal nuqqas ta’ kompatibbiltà mal-imsemmi ftehim meta, minn naħa, dan ma jkunx jipprevedi dispożizzjoni li tippermetti lill-Istat Membru kkonċernat li jeżerċita d-drittijiet tiegħu u li jissodisfa l-obbligu tiegħu bħala membru tal-Komunità u meta, min-naħa l-oħra, dan lanqas ma jkun permess minn xi mekkaniżmu tad-dritt internazzjonali.

      Il-perijodi ta’ żmien meħtieġa għan-negozjati internazzjonali kollha li jkunu neċessarji sabiex jiġi diskuss mill-ġdid il-ftehim inkwistjoni huma min-natura tagħhom stess inkompatibbli mal-effettività ta’ dawn il-miżuri. Il-possibbiltà li jintużaw metodi oħra offruti mid-dritt internazzjonali, bħas-sospensjoni tal-ftehim, jew inkella t-terminazzjoni tal-ftehim inkwistjoni jew ta’ xi wħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu, hija wisq inċerta fl-effetti tagħha sabiex tiżgura li l-miżuri adottati mill-Kunsill ikunu jistgħu jiġu applikati b’mod effettiv.

      (ara l-punti 35-37, 39, 40, 45)

    Top