EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0202

Sommarju tas-sentenza

Keywords
Summary

Keywords

1. Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Kompetenza tal-Kummissjoni — Determinazzjoni, għat-tul kollu tal-proċedura, f’data marbuta strettament man-notifika

(Regolament tal-Kunsill Nru 4064/89, Artikoli 1(2) u (3), 5 u t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 8(2))

2. Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Eżami mill-Kummissjoni — Natura proporzjonali tal-kundizzjonijiet u l-impenji imposti fuq l-impriżi sabiex il-konċentrazzjoni nnotifikata ssir kompatibbli mas-suq komuni

(Regolament tal-Kunsill Nru 4064/89, Artikoli. 2 u 8(2))

3. Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Eżami mill-Kummissjoni — Obbligu li jittieħdu in kunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet ta’ l-awtoritajiet nazzjonali — Nuqqas

(Regolament tal-Kunsill Nru 4064/89)

Summary

1. Il-kompetenza tal-Kummissjoni li tirrikonoxxi konċentrazzjoni fil-kuntest tar-Regolament Nru 4064/89, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, għandha tiġi stabbilita, għat-tul kollu tal-proċedura, f’data determinata. Fid-dawl ta’ l-importanza li jġorr l-obbligu tan-notifika fis-sistema ta’ kontroll stabbilita mil-leġiżlatur Komunitarju, din id-data għandha neċessarjament ikollha rabta stretta man-notifika. Fil-fatt, kemm ix-xewqa ta’ ċertezza legali, li timplika li l-awtorità kompetenti biex tevalwa konċentrazzjoni tkun tista’ tiġi identifikata b’mod prevedibbli kif ukoll il-ħtieġa tal-ħeffa li tikkaratterizza l-ekonomija ġenerali tar-Regolament Nru 4064/89 u li timponi fuq il-Kummissjoni r-rispett tat-termini ta’ żmien stretti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, li fin-nuqqas tagħhom l-operazzjoni titqies li hija kompatibbli mas-suq komuni, jimplikaw li, meta l-Kummissjoni tkun stabbilixxiet, fir-rigward ta’ konċentrazzjoni partikolari, il-kompetenza tagħha skond il-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 1(2) u (3) u 5 tar-Regolament Nru 4064/89, din il-kompetenza ma tista’ titqiegħed f’diskussjoni fl-ebda ħin jew tiġi suġġetta għal tibdiliet permanenti.

B’hekk, għalkemm huwa inevitabbli li l-Kummissjoni titlef il-kompetenza tagħha li teżamina konċentrazzjoni meta l-impriżi kkonċernati jabbandunaw kompletament il-proġett, madankollu, is-sitwazzjoni tkun differenti meta l-partijiet sempliċement jagħmlu emendi parzjali fil-proġett. Tali proposti ma jistgħux ikollhom l-effett li jġiegħlu lill-Kummissjoni terġa’ tevalwa l-kompetenza tagħha, mingħajr ma l-impriżi in kwistjoni jfixklu b’mod sinjifikattiv il-proċedura u l-effikaċja tal-kontroll mixtieq mil-leġiżlatur billi obbliga lill-Kummissjoni tivverifika l-kompetenza tagħha b’mod kostanti bi ħsara għall-evalwazzjoni fuq il-mertu tal-kwistjoni. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-kliem tat-tieni subparagarafu ta’ l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 4064/89, li juri b’mod ċar li l-impenji proposti jew meħuda mill-impriżi huma kollha elementi li l-Kummissjoni għandha tieħu in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tal-mertu, jiġifieri l-kompatibbiltà jew l-inkompatibbiltà tal-konċentrazzjoni mas-suq komuni, iżda li, bil-kontra, dawn l-impenji ma jċaħdux lill-Kummissjoni mill-kompetenza tagħha, meta din tkun ġiet ivverifikata fl-ewwel fażi tal-proċedura.

(ara l-punti 38-43)

2. Ir-regoli sostantivi tar-Regolament Nru 4064/89, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, u b’mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu, jagħtu lill-Kummissjoni ċerta diskrezzjoni, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika. Konsegwentement, l-istħarriġ tal-mod kif tiġi eżerċitata din id-diskrezzjoni mill-qorti Komunitarja, li huwa essenzjali sabiex jiġu ddefiniti r-regoli dwar il-konċentrazzjonijiet, għandu jikkunsidra l-marġni ta’ diskrezzjoni impliċita fid-dispożizzjonijiet ta’ natura ekonomika li jifformaw parti mir-regoli dwar il-konċentrazzjonijiet.

B’mod partikolari, il-kontroll tan-natura proporzjonali tal-kundizzjonijiet u l-impenji li l-Kummissjoni tista’, skond l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 4064/89, timponi fuq il-partijiet f’konċentrazzjoni, tikkonsisti mhux fil-verifika jekk, ladarba dawn jitwettqu, il-konċentrazzjoni jibqax ikollha dimensjoni Komunitarja, iżda li tassigura li l-imsemmija kundizzjonijiet u l-imsemmija impenji jkunu proporzjonali mal-problema ta’ kompetizzjoni identifikata u jekk jippermettux li tiġi rregolata kompletament.

(ara l-punti 53-54)

3. Fir-rigward tat-tqassim preċiż tal-kompetenzi li fuqu huwa bbażat ir-Regolament Nru 4064/89, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, id-deċiżjonijiet ta’ l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux jorbtu lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċeduri ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijet.

(ara l-punt 56)

Top