This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62006CJ0194
Sommarju tas-sentenza
Sommarju tas-sentenza
Kawża C-194/06
Staatssecretaris van Financiën
vs
Orange European Smallcap Fund NV
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden)
“Artikoli 56 KE sa 58 KE — Moviment liberu tal-kapital — Tassazzjoni ta’ dividendi — Dritt ta’ tpaċija konċess lil impriża ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali minħabba taxxa mnaqqsa f’ras il-għajn minn Stat ieħor fuq id-dividendi riċevuti minn din l-impriża — Limitazzjoni ta’ din it-tpaċija sal-ammont li azzjonist residenti fl-Istat Membru fejn hija stabbilita din l-impriża li jkun għamel investiment mingħajr ma ta’ tali impriża tkun aġixxiet ta’ intermedjarju jista’ jimputa lit-taxxa fuq id-dħul skont ftehim dwar il-ħelsien minn taxxa doppja — Limitazzjoni ta’ din it-tpaċija skont is-sehem ta’ azzjonisti mhux residenti fil-kapital ta’ din l-impriża”
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Y. Bot, ippreżentati fit-3 ta’ Lulju 2007 I - 3754
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-20 ta’ Mejju 2008 I - 3786
Sommarju tas-Sentenza
Moviment liberu tal-kapital – Restrizzjonijiet – Leġiżlazzjoni fiskali – Taxxa fuq il-kumpanniji – Tassazzjoni ta’ dividendi mħallsa lill-impriżi ta’ investiment kollettiv
(Artikoli 56 KE u 58 KE)
Moviment liberu tal-kapital – Restrizzjonijiet – Leġiżlazzjoni fiskali – Taxxa fuq il-kumpanniji – Tassazzjoni ta’ dividendi mħallsa lill-impriżi ta’ investiment kollettiv
(Artikoli 56 KE u 58 KE)
Moviment liberu tal-kapital – Restrizzjonijiet – Kunċett – Interpretazzjoni identika fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi u fi ħdan il-Komunità – Limiti
(Artikolu 56(1) KE)
Moviment liberu tal-kapital – Restrizzjonijiet għall-movimenti ta’ kapital lejn jew minn pajjiżi terzi – Restrizzjonijiet għall-moviment ta’ kapital li jinvolvi investimenti diretti eżistenti fil-31 ta’ Diċembru 1993 – Kunċett ta’ “investiment dirett”
(Artikolu 57(1) KE)
L-Artikoli 56 KE u 58 KE ma jipprojbixxux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, filwaqt li tipprovdi, favur impriżi ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali stabbiliti fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, għal tpaċija intiża sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni t-taxxa mnaqqsa f’ras il-għajn minn Stat Membru ieħor fuq id-dividendi mħallsa lil dawn l-impriżi, tirrestrinġi din it-tpaċija għall-ammont li persuna fiżika residenti fit-territorju ta’ dan l-ewwel Stat Membru setgħet timputa, minħabba tnaqqis simili, permezz ta’ ftehim dwar il-ħelsien minn taxxa doppja konkluż ma’ dan l-Istat Membru l-ieħor.
Huwa minnu li, bl-esklużjoni tat-tpaċija fir-rigward tat-taxxa f’ras il-għajn ta’ dividendi riċevuti f’pajjiż barrani li ġejjin minn ċerti Stati Membri, leġiżlazzjoni tirrendi l-investiment f’dawn l-Istati Membri inqas attraenti mill-investiment fl-Istati Membri li fihom it-tnaqqis ta’ taxxa fuq id-dividendi jagħti lok għal din it-tpaċija. Tali leġiżlazzjoni hija b’hekk kapaċi li tiddiswadi lil impriża ta’ investiment kollettiv milli tipproċedi għal investimenti fl-Istati Membri li fihom it-tnaqqis fuq id-dividendi ma jagħtux lok għat-tpaċija, b’tali mod li tikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital pprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 56 KE.
Madankollu, tali leġiżlazzjoni għandha l-għan li tqis bħala simili, kemm jista’ jkun, it-trattament fiskali tad-dividendi li jirċievi azzjonist li investa permezz ta’ impriża ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali, sabiex jipprevjeni l-fatt li l-investiment f’pajjiż barrani magħmul minn tali impriża jitqies bħala inqas attraenti minn investiment dirett. Issa, fir-rigward ta’ tali leġiżlazzjoni, il-fatt li tirċievi dividendi li ġejjin minn Stati Membri li magħhom l-Istat Membru kkonkluda ftehim li jipprovdi d-dritt, għall-azzjonisti li huma persuni fiżiċi, li jimputaw t-taxxa fuq id-dividendi miġbura minn dawn l-Istati Membri lit-taxxa fuq il-qligħ li huma suġġetti għaliha fl-Istat Membru, huwa differenti minn dik li tinsab fiha din l-impriża meta tirċievi dividendi li ġejjin minn Stati Membri li ma kkonkludewx tali ftehim, għal liema dividendi b’hekk dan id-dritt mhuwiex previst. Fil-fatt, huwa biss fir-rigward ta’ investimenti fl-Istati Membri li magħhom ġie konkluż tali ftehim fiskali bilaterali li, fin-nuqqas tat-tpaċija prevista, l-għażla li jsir investiment permezz ta’ impriża ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali għandha r-riskju li tkun inqas vantaġġuża għall-azzjonist li huwa persuna fiżika milli investimenti dirett. B’mod kuntrarju, f’dak li jirrigwarda l-Istati Membri li magħhom l-Istat Membru fejn hija stabbilita tali impriża ma kkonkludiex tali ftehim, l-għażla, għal persuna fiżika, li tagħmel investiment permezz ta’ tali impriża ma tinvolvi l-ebda riskju li jintilef vantaġġ li kienet tibbenifika minnu li kieku għażlet li tagħmel investiment dirett fl-Istati Membri msemmija. Konsegwentement, din is-sitwazzjoni mhijiex oġġettivament paragunabbli ma’ dik fejn l-Istat Membru fejn hija stabbilita din l-impriża kkonkluda tali ftehim fiskali.
Minn dan jirriżulta li, fil-każ ta’ leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sabiex jiġi mqarreb kemm jista’ jkun it-trattament fiskali tal-investimenti diretti u dawk magħmula bl-impriżi ta’ investiment kollettiv, Stat Membru ddeċieda li jagħtihom dritt ta’ tpaċija tat-taxxa mnaqqsa f’ras il-għajn fuq id-dividendi provenjenti mill-Istati Membri li fir-rigward huwa impenja ruħu, fil-kuntest ta’ ftehim bilaterali, sabiex jippermetti lill-persuni fiżiċi jimputaw it-tnaqqis imsemmi lit-taxxa fuq il-qligħ li huma suġġetti għaliha b’applikazzjoni tal-liġi nazzjonali tiegħu, l-Artikoli 56 KE u 58 KE ma jipprojbixxux li Stat Membru jeskludi din it-tpaċija f’dak li jirrigwarda d-dividendi provenjenti minn Stati Membri oħra, li miegħu ma kkonkludiex ftehim bilaterali li jinkludu tali dispożizzjonijiet, safejn ma jkunux sitwazzjonijiet oġġettivament paragunabbli.
(ara l-punti 56, 60-65 u d-dispożittiv 1)
L-Artikoli 56 KE u 58 KE jipprojbixxu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, filwaqt li tipprovdi, favur impriżi ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali stabbiliti fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, għal tpaċija intiża sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni t-taxxa mnaqqsa f’ras il-għajn minn Stat Membru ieħor jew minn pajjiż terz fuq id-dividendi mħallsa lil din l-impriża, tnaqqas dan l-ammont tat-tpaċija jekk u safejn ix-shareholding tagħha huwa kkostitwit minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi li huma residenti jew stabbiliti fi Stati Membri oħra jew f’pajjiżi terzi, peress li tali tnaqqis, minħabba li għandu l-effett li jnaqqas l-ammont totali tal-benefiċċju li għandu jitqassam, iqiegħed fi żvantaġġ lill-azzjonisti kollha ta’ dawn l-impriżi, mingħajr distinzjoni.
Fill-fatt, it-tnaqqis pro rata tal-ammont tat-tpaċija skont is-sehem fil-kapital ta’ impriża ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali miżmum minn azzjonisti li huma residenti jew stabbiliti fi Stati Membri oħra jippermetti restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital pprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 56 KE, peress li dan jista’ jostakola, min-naħa ta’ impriża ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali, il-ġbir ta’ kapital fi Stati Membri differenti minn dak fejn hija stabbilita u huwa wkoll tali li jiddiswadi lill-investituri ta’ dawn l-Istati Membri l-oħra milli jakkwistaw ishma fil-kapital tagħha.
Huwa l-eżerċizzju, minn Stat Membru, tal-kompetenza fiskali tiegħu fuq id-dividendi mħallsa mill-impriżi ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali stabbiliti fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru kemm lill-azzjonisti li huma residenti jew stabbiliti fl-Istat Membru msemmi kif ukoll lill-azzjonisti li huma residenti jew stabbiliti fi Stati Membri oħra jew f’pajjiżi terzi, li jiġġustifika, fil-każ fejn hija prevista, il-ħtieġa li din it-tpaċija tiġi estiża għall-impriżi ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali li jinkludu fihom azzjonisti mhux residenti jew stabbiliti f’dan l-Istat Membru.
Għalkemm il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha l-għan li tiddistingwi bejn l-azzjonisti tal-impriżi ta’ investiment kollettiv skont jekk mhux residenti jew le, bl-iskop li t-tpaċija li jgawdu minnha dawn l-azzjonisti minħabba t-tqassim tal-profitti minn dawn l-impriżi tkun relatata mar-rati tat-taxxa li l-azzjonisti msemmija jkunu suġġetti għaliha fl-Istat Membru fejn hija stabbilita ta’ din l-impriża, għandu jiġi osservat li tnaqqis ta’ din it-tpaċija pro rata skont is-sehem fil-kapital tal-impriża msemmija miżmum minn azzjonisti li huma residenti jew stabbiliti fi Stati Membri oħra, ma jippermettix li jintlaħaq dan il-għan. Fil-fatt, tali tnaqqis iqiegħed fi żvantaġġ mingħajr distinzjoni lill-azzjonisti kollha tal-impriżi ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali, peress li dan ikollu l-effet li jnaqqas l-ammont totali tal-profitt li għandu jitqassam.
Għal dak li jirrigwarda t-tnaqqis fid-dħul fiskali fir-rigward tad-dividendi mħallsa minn kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra, m’għandux jitqies bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġi invokata sabiex tiġġustifika miżura li tmur kontra libertà fundamentali.
Ir-risposta mogħtija fir-rigward tas-sitwazzjonijiet fejn azzjonisti ta’ impriża ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali li jkunu residenti jew stabbiliti fi Stat Membru ieħor tista’ tapplika wkoll għas-sitwazzjonijiet fejn azzjonisti ta’ impriża ta’ investiment kollettiv ikunu residenti jew stabbiliti f’pajjiżi terzi.
Sa fejn, minn naħa, Stat Membru jissuġġetta għat-taxxa fuq id-dividendi dawk id-dividendi mqassma minn impriża ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali stabbilita fit-territorju tiegħu lill-azzjonisti li huma residenti jew stabbiliti f’pajjiżi terzi u, sa fejn, min-naħa l-oħra, l-ammont tat-tpaċija konċessa lil tali impriża jitnaqqas pro rata skont is-sehem mill-kapital tagħha miżmum minn tali azzjonisti, mingħajr ma t-trattament fiskali ta’ dawn l-azzjonisti fil-pajjiżi terzi jkun rilevanti f’dan ir-rigward, in-neċessità li tiġi ggarantita l-effikaċja tal-kontrolli fiskali ma tistax tiġi invokata f’dan il-każ għall-movimenti ta’ kapital li jseħħu lejn jew minn pajjiż terzi.
Anki jekk jitqies li tali motiv jista’ jiġi invokat sabiex tiġi ġġustifikata restrizzjoni fuq il-movimenti tal-kapital lejn jew minn pajjiż terz, tali ġustifikazzjoni ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni f’dan il-każ, peress li t-tnaqqis imsemmi joħloq effetti mingħajr distinzjoni fir-rigward tal-azzjonisti kollha tal-impriża ta’ investiment kollettiv ikkonċernata, kemm jekk ikunu residenti jew stabbiliti fl-Istati Membri jew jekk ikunu residenti jew stabbiliti f’pajjiżi terzi.
Fir-rigward ta’ tali leġiżlazzjoni, mhuwiex rilevanti l-fatt li l-azzjonisti barranin ta’ impriża ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali huma residenti jew stabbiliti fi Stat li miegħu l-Istat Membru fejn hija stabbilita din l-impriża kkonkluda ftehim li jipprovdi, fuq bażi ta’ reċiproċità, għall-imputazzjoni tat-taxxa mnaqqsa f’ras il-għajn fuq id-dividendi.
(ara l-punti 72, 74, 79, 82, 84, 92-97, 108, 113, 114 u d-dispożittiv 2)
Il-kunċett ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment tal-kapital għandu jiġi interpretat fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi bl-istess mod bħal f’dawk bejn l-Istati Membri. Fil-fatt, anki jekk il-liberalizzazzjoni tal-moviment tal-kapital mal-pajjiżi terzi tista’, ċertament, ikollha għanijiet oħra apparti li jiġi stabbilit is-suq intern, bħal, b’mod partikolari, li tiġi assigurata l-kredibbiltà tal-munita unika Komunitarja fis-swieq finanzjarji dinjija u li fl-Istati Membri jinżammu ċentri finanzjarji ta’ dimensjoni dinjija, peress li l-prinċipju tal-moviment liberu tal-kapital ġie estiż permezz tal-Artikolu 56(1) KE għall-moviment ta’ kapital bejn il-pajjiżi terzi u l-Istati Membri, dawn tal-aħħar għażlu li jistabbilixxu dan il-prinċipju fl-istess artikolu u fl-istess termini għall-movimenti ta’ kapital li jseħħu ġewwa l-Komunità u dawk li jikkonċernaw relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi.
Madankollu, il-moviment tal-kapital lejn jew minn pajjiż terz iseħħ f’kuntest legali differenti minn dak li jseħħ fi ħdan il-Komunità, peress li, minħabba l-livell ta’ integrazzjoni legali eżistenti bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ miżuri leġiżlattivi Komunitarji intiżi għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali, l-impożizzjoni ta’ taxxa minn Stat Membru fuq attivitajiet ekonomiċi li għandhom aspetti transkonfinali u li jitwettqu ġewwa l-Komunità mhux dejjem hija paragunabbli ma’ dik imposta fuq attivitajiet ekonomiċi li jirrigwardaw relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi. Lanqas ma jista’ jiġi eskluż li Stat Membru jista’ juri li restrizzjoni fuq il-moviment ta’ kapital lejn jew minn pajjiż terz hija ġġustifikata minħabba raġuni partikolari f’ċirkustanzi fejn din ir-raġuni ma tkunx ta’ natura li tikkostitwixxi ġustifikazzjoni valida għal restrizzjoni fuq il-moviment ta’ kapital bejn l-Istati Membri.
(ara l-punti 87-90)
Restrizzjoni taqa’ taħt l-Artikolu 57(1) KE bħala restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital li tolqot investimenti diretti meta hija tkun tirrigwarda l-investimenti ta’ kull tip li jsiru mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi u li jservu sabiex jinħolqu jew jinżammu relazzjonijiet fit-tul u diretti bejn min qed jiffinanzja u l-impriża li għaliha huma ddestinati dawn il-fondi sabiex tiġi eżerċitata attività ekonomika.
(ara l-punt 102 u d-dispożittiv 3)